F’intervista esklussiva ma’ Newsbook Malta, Professur tal-kura paljattiva u membru fil-House of Lords tgħid li l-kura paljattiva f’Malta għadha fl-infanzja tagħha
22/06/2025: Professur tal-kura paljattiva u membru fil-House of Lords tar-Renju Unit sostniet li minkejja li l-kura paljattiva f’Malta għandha potenzjal kbir, din għadha fl-infanzja tagħha.

https://tv.newsbook.com.mt/player/embed?assetID=36dydo1ut9m0uxu5&skin=green&autoplay=0&ads=1
F’intervista esklussiva ma’ Newsbook Malta li saret fil-Palazz ta’ Westminster f’Londra, il-Prof. Ilora Finlay esprimiet id-dispjaċir tagħha li l-pajjiż għandu ftit wisq professjonisti li jaħdmu fil-kura paljattiva.
Qalet li dawn f’Malta “tista’ tgħoddhom fuq id waħda”, iżda qed jagħmlu kulma jistgħu biex itejbu l-kura. Finlay, li ilha taħdem fil-qasam tal-kura paljattiva għal ħafna snin, spjegat li mill-esperjenza, jekk tiddaħħal il-liġi tas-suwiċidju assistit u l-ewtanasja, l-iżviluppi fil-kura paljattiva jonqsu kompletament.
Min-naħa tagħha, Finlay sellmet il-ħidma tal-professjonisti Maltin fil-qasam tal-kura paljattiva li minkejja li tgħoddhom fuq id waħda, huma motivati ħafna biex iġibu ’l quddiem din il-kura.
Qalet li “meta s-servizzi tal-kura paljattiva jiżviluppaw kif suppost, ikun hemm inqas ħela f’oqsma oħra tal-kura”.Hi spjegat li dan iseħħ minħabba li affarijiet oħra bla bżonn jiġu evitati.
Kompliet li l-kura paljattiva tħares lejn il-persuna sħiħa u l-bżonnijiet veri tagħha li jwasslu sabiex tipprovdi s-sapport f’waqtu li l-pazjent jeħtieġ. Finlay qalet li dan l-appoġġ iwassal lill-pazjenti b’mard terminali biex jibqgħu jgħixu ħajja indipendenti kemm jista’ jkun.
Semmiet kif hi saħansitra kellha pazjenti li kienu jmexxu n-negozji tagħhom mis-sodda. “Dan il-pazjent kellu marda newroloġika u ma setax jiċċaqlaq iżda rnexxielu jagħmel dan għax kellu faċilitajiet u għodod li permezz tat-taħdit kien imexxi negozju multinazzjonali.”
Irrakkontat li pazjent ieħor li kien qed imut b’marda terminali ftakar li l-ktieb li kien qed jikteb baqa’ ma lestiehx. “Allura, irranġajna sabiex ikollu segretarja biex jiddettalha dak li xtaq jikteb, u rnexxielu jaqta’ x-xewqa ta’ ħajtu.”
Il-Prof. Finlay saħqet li din għandha tkun il-ħidma li jsir investiment fiha.
“Apparti dan, sibna li kura paljattiva tajba, tnaqqas b’£1,700 (madwar €2,000) l-ispiża minn fuq kull pazjent fis-servizzi tas-saħħa.” Hi spjegat li dan minħabba li l-kura tkun waħda iktar speċifika għall-bżonnijiet tal-pazjent, u tnaqqas mill-ħela ta’ riżorsi li jingħataw lill-pazjenti bla bżonn.
https://tv.newsbook.com.mt/player/embed?assetID=06k29v8cnxew3gqz&skin=green&autoplay=0&ads=1
Hi rrikonoxxiet l-isforzi tal-ftit professjonisti li qed jaħdmu f’dan il-qasam, u osservat li “sfortunatament, din il-kura mhix qed tiġi mgħallma fl-iskejjel tal-mediċina. Hija xi ħaġa li qed tiġi mgħallma biss f’livell ta’ postgraduate, imma hemm bżonn li tiġi mgħallma fil-livelli edukattivi kollha għal dawk interessati fil-qasam mediku.”
“Salvagwardji ma jeżistux… dawn huma kundizzjonijiet vagi”
https://tv.newsbook.com.mt/player/embed?assetID=u62hxyqfq0mqi5ui&skin=green&autoplay=0&ads=1
Il-Prof. Finlay saħqet li f’kull leġislazzjoni tal-ewtanasja li rat, ikkonfermat li m’għadhomx jissejħu salvagwardji iżda kundizzjonijiet vagi.
Filwaqt li qalet li l-età tista’ tiġi kkonfermata bħala kundizzjoni biex wieħed ikun eleġibbli li jneħħi ħajtu b’idejh, il-kundizzjonijiet l-oħrajn ma jagħtux din iċ-ċertezza.
Id-dokument ta’ konsultazzjoni ppubblikat mill-Gvern Malti jgħid li “biex persuna tkun eliġibbli, speċjalista fil-branka medika tal-marda tal-pazjent irid jiċċertifika li l-kundizzjoni medika li minnha qed isofri l-pazjent hija irriversibbli u terminali, fejn il-pazjent mhux raġonevolment mistenni li jgħix aktar minn sitt xhur.”
Il-Prof. Finlay qalet li dan ma jistax jiġi kkonfermat jekk il-pazjent lanqas qed jingħata l-kura eżatta li jeħtieġ.
Hija wriet ukoll id-dubji serji tagħha dwar kif wieħed jista’ jidentifika jekk hux qed issir pressjoni fuq il-pazjent sabiex itemm ħajtu qabel iż-żmien.
“Il-ħajja hija prezzjuża u għandna nipproteġuha“
https://tv.newsbook.com.mt/player/embed?assetID=08rthr0ke3x2b258&skin=green&autoplay=0&ads=1
Fil-karriera twila tagħha, il-Prof. Finlay iltaqgħet ma’ bosta pazjenti li ħassew li rnexxielhom jgħixu ħajjithom fil-milja tagħha.
“Il-pazjenti jkunu lesti jibqgħu ħajjin għal jiem jew ġimgħat biex jaraw lil uliedhom ġejjin lura mis-safar, sa ma mbagħad iċedu u jmutu mistrieħa.”
Irrakkontat kif bħala professjonisti ħadmu qatigħ għal ġimgħat twal biex raġel ikun jista’ jtella’ lil bintu biex tiżżewweġ. “Huwa miet wara jumejn,” qalet Finlay, “imma temm l-aħħar ħaġa li xtaq jagħmel.”
“Hija ħasra li hawn min imut qabel iż-żmien mingħajr ma jkun lesta testment, jew mingħajr ebda twissija għall-familjari, f’inċident. Kollha se mmutu. Ħadd minna mhu se jgħix għal dejjem, u rridu nieqfu nippretendu li se ngħixu għal dejjem. Il-ħajja hija prezzjuża u għandna nipproteġuha. Irridu naċċettaw li l-mewt ġejja għalina lkoll,” tenniet il-Prof. Finlay.
Oqtol l-uġigħ, mhux lili
Fil-jiem li għaddew, il-Fondazzjoni Life Network nediet il-kampanja Oqtol l-uġigħ, mhux lili; kampanja għal kura paljattiva aħjar u kontra l-legalizzazzjoni tas-suwiċidju assistit.
Il-kampanja tħeġġeġ lill-pubbliku ġenerali sabiex jipparteċipa fil-konsultazzjoni tal-Gvern permezz tal-pjattaforma ġdida oqtollugigh.org biex jiġi assigurat li jinstema’ l-leħen tal-poplu favur it-tmiem naturali. Din ma tiħux aktar minn 45 sekonda.
Sors: www.knisja.mt
Ritratt: www.knisja.mt/ritratti