Messaġġ tal-Papa Ljun XIV lill-Parteċipanti fil-Konferenza tal-FAO.

MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV 
LILL-PARTEĊIPANTI FL-XLIV SESSJONI TAL-KONFERENZA TAL-FAO

Ruma, 28 ta’ Ġunju – 4 ta’ Lulju, 2025

Sur President,
Sur Direttur Ġenerali tal-FAO,
Eċċellenzi,
Illustri sinjuri,

Irroddilkom ħajr minn qalbi li tajtuni l-opportunità li nindrizza għall-ewwel darba l-Organizzazzjoni tal-Ġnus Magħuda għall-Ikel u l-Agrikoltura (FAO), li dis-sena qed tiċċelebra t-tmenin sena mit-twaqqif tagħha.  Insellem kordjalment lill-parteċipanti kollha li qed jieħdu sehem f’din l-erbgħa u erbgħin sessjoni tal-Konferenza, l-organiżmu direttiv l-aktar għoli, u partikolarment lid-Direttur Ġenerali, is-Sur Qu Dongyu, u rrodd ħajr lill-Orgniazzazzjoni għal ħidma li twettaq ta’ kuljum fil-qasam tan-nuqqas ta’ ikel u l-ġuħ, li għadhom waħda mill-akbar sfidi ta’ żmienna.

Il-Knisja tinkoraġġixxi l-inizjattivi kollha li jimmiraw li jġibu fi tmiemu l-iskandlu tal-ġuħ fid-dinja, u li jagħmlu tagħhom is-sentimenti tal-Mulej tagħha Ġesù, illi, kif jirrakkuntaw l-Evanġelji, meta ra folla kbira tersaq lejh biex tisma’ kelmtu, qabel kollox ħa ħsieb itihom jieklu u talab lid-dixxipli jitgħabbew bil-problema, waqt li bierek bl-abbundanza l-isforz li għamlu (cfr Ġw 6,1-13).  Madankollu, meta naqraw ir-rakkont ta’ dak li soltu nsejħulu “il-miraklu tat-tkattir tal-ħobż u l-ħut” ( cfr. Mt 14, 13-21; Mk 6, 30-44; Lq 9, 12-17; Ġw 6, 1-13), nindunaw li l-veru miraklu li għamel Kristu kien li juri li l-mod biex jingħeleb il-ġuħ aktar jinsab fil-kondiviżjoni milli f’ħażna niksuba bir-regħba.  Ħaġa li donnu llum insejnieha għax,  minkejja li saru passi importanti, is-sitwazzjoni tal-ikel fid-dinja baqgħet dejjem teħżien, u dan juri li qed isir dejjem aktar improbabbli li l-aġenda 2030 “Ġuħ xejn”, tilħaq l-għan tagħha.  Ifisser li għadna ‘l bogħod milli nilħqu l-miri li fl-1945, kienu taw bidu lil din l-istituzzjoni inter-goverattiva.

Hemm nies li qed isofru b’mod krudili u mxenqin biex jissodisfaw il-ħafna bżonnijiet tagħhom.  Nafu sew li waħedhom ma jistgħux jaslu.  It-traġedja bla tarf tal-firxa tal-ġuħ u n-nuqqas ta’ ikel, li għadhom jippersistu f’ħafna pajjiżi, hi aktar ta’ niket u mistħija meta aħna konxji illi minkejja li l-art tipproduċi ikel biżżejjed għall-bnedmin kollha, u minkejja l-impenn internazzjonali biex jitqassam b’ġustizzja, sfortunatament bosta foqra fid-dinja għadhom mingħajr “il-ħobżna ta’ kuljum”.

Min-naħa l-oħra, illum qed naraw b’niket kbir sitwazzjoni fejn il-ġuħ qed jintuża b’mod oxxen bħala arma tal-gwerra.  Li toqtol bil-ġuħ popolazzjoni hu mod ekonomiku ħafna biex tagħmel il-gwerra.  Għalhekk, illum, meta l-biċċa l-kbira tal-kunflitti mhix miġġielda minn eżerċti regolari imma minn gruppi ċivili armati bi ftit riżorsi, li taħraq l-art, tisraq il-bhejjem, twaqqaf l-għajnuna, huma tattiċi li qed isir użu akbar minnhom minn min irid jikkontrolla popolazzjonijiet sħaħ u bla difiża.  Hekk, f’dan it-tip ta’ kunflitti, l-ewwel objettivi militari jkunu li jingħalqu l-ilma u l-komunikazzjoni.  Il-bdiewa ma jistgħux ibiegħu il-prodotti tagħhom f’ambjenti mheddin mill-vjolenza u inflazzjoni m’għola s-smewwiet.  Allura jiġri li għadd bla qies ta’ persuni jispiċċaw vittmi tal-flaġell tal-malnutrizzjoni u jmutu, filwaqt li, aktar gravi, in-nies ċivili jitilfu saħħithom minħabba l-miżerja li jsbu ruħhom fiha u jmutu, waqt li l-élites politiċi jiffangaw fil-korruzzjoni u l-impunità.  Għalhekk wasal iż-żmien li d-dinja taddotta limiti ċari, u maqbula biex tikkastiga dawn l-abbużi ta’ poter u tipproċedi kontra kull min b’mod jew ieħor hu responsabbli.

Żgur mhemm ebda fejda li dil-problema, dil-ferita tnixxi, tibqa’ bla soluzzjoni; kuntrarju għal dan, l-istress u n-nuqqasijiet ta’ min hu fil-bżonn se jkomplu jiżdiedu, u l-mixja lejn soluzzjoni ssir aktar iebsa u kumplikata.  Għaldaqstant, b’mod kategoriku hemm bżonn ngħaddu mill-kliem għall-fatti, nieħdu miżuri effikaċi biex dawn il-persuni jkunu jistgħu jgħixu l-issa tagħhom u l-ġejjieni bil-fiduċja u s-serenità, u mhux biss bir-rassenjazzjoni, u neliminaw darba għal dejjem is-slogans ta’ wegħdiet qarrieqa.  Rigward dan, ma rridux ninsew li ħin jew ieħor se jkollna nagħtu kont ta’ għemilna lill-ġenerazzjonijiet tal-futur, li se nħallulhom wirt ta’ inġustizzji u diżugwaljanzi, jekk min issa ma nibdewx inħaddmu s-sens komun.

Il-kriżijiet politiċi, il-kunflitti bl-armi, id-diżordni fl-ekonomija għandhom rwol ċentrali fil-kriżi tal-ikel li qed tiggrava, jostakolaw l-għajnuna umanitarja u jikkompromettu l-produzzjoni agrikola u hekk mhux biss ma jippermettux aċċess għall-ikel imma wkoll għad-dritt ta’ ħajja dinjituża u mimlija opportunitajiet.  Ikun żball fatali jekk ma ninfaxxawx il-feriti u t-tfrik li ġabu magħhom snin ta’ egoiżmu u superfiċjalità.  Barra minn hekk, mingħajr paċi u stabbiltà mhux possibbli jkunu garantiti sistemi agroalimentari reżiljenti, u lanqas nutrizzjoni sana, aċċessibbli u sostenibbli għal kulħadd.  Minn hawn tidher il-ħtieġa tad-djalogu fejn il-partijiet jidħlu b’rieda mhux biss li jitkellmu, imma wkoll li jisimgħu lil xulxin, jifhmu lil xulxin u jaġixxu flimkien.  Żgur se jkun hemm ostakoli, iżda b’sens ta’ umanità u fraternità, ir-riżultati ma jistgħux ma jkunux pożittivi.

Is-sistemi alimentari għandhom influwenza kbira fuq it-tibdil fil-klima u vice-versa.  L-inġustizzja soċjali ħtija ta’ katastrofi naturali u t-telfien tal-biodiversità għandha titreġġa’ lura biex isseħħ tranżizzjoni ekoloġika ġusta li tqiegħed fiċ-ċentru l-ambjent u l-persuni.  Biex ikunu mħarsa l-ekosistemi u l-komunitajiet l-aktar svantaġġjati, fosthom hemm il-popli indiġeni, hemm bżonn mobilitazzjoni tar-riżorsi min-naħa tal-gvernijiet, mill-entitajiet pubbliċi u privati, minn organiżmi nazzjonali u lokali, sabiex jitqiegħdu fis-seħħ strateġiji li jagħtu prijorità lir-riġenerazzjoni tal-biodiversità u tar-rikkezza tal-art.  Mingħajr azzjoni klimatika deċiża u koordinata, ikun impossibbli jkunu garantiti sistemi agroalimentari li jistgħu jitimgħu il-popolazzjoni tad-dinja, li qed tikber.   Il-produzzjoni tal-ikel mhix biżżejjed.  Importanti wkoll li s-sistemi tal-ikel ikunu sostenibbli biex kulħadd ikollu aċċess għal nutrizzjoni sana.  Ifisser li rridu nerġgħu nfasslu mill-ġdid is-sistemi ta’ kif nieklu, f’perspettiva ta’ solidarjetà, negħlbu l-loġika tal-isfruttament salvaġġ tal-maħluq u norjentaw l-impenn tagħna lejn il-koltivazzjoni u l-ħarsien tal-ambjent u r-riżori tiegħu, biex niggarantixxu nutrizzjoni żgura u nimxu lejn nutrizzjoni li tkun biżżejjed u sana għal kulħadd.

Sur President, bħalissa ninsabu fi żmien ta’ polarizzazzjoni enormi fir-relazzjonijiet internazzjonali minħabba l-kriżijiet u l-kunflitti bl-armi.  Riżorsi finanzjarji u teknoloġiċi innovattivi biex jinqered darba għal dejjem il-faqar u l-ġuħ fid-dinja qed ikunu investiti, minflok, fil-fabbrikazzjoni u l-kummerċ tal-armi.  Dan jinċita ideoloġiji diskutibbli u fl-istess ħin qed nosservaw bruda fir-relazzjonijiet umani, ħaġa li tiddegrada l-komunjoni u tbiegħed il-fraternità u l-ħbiberija soċjali.

Qatt daqs illum ma kien daqstant improrogabbli li aħna nsiru artiġġjani tal-paċi u f’das-sens naħdmu għall-ġid komuni li jiffavorixxi lil kulħadd u mhux lill-ftit biss, li wara kollox huma dejjem l-istess nies.  Għall-garanzija tal-paċi u l-iżvilupp mifhum bħala titjib fil-kundizzjoni tal-ħajja tal-popolazzjonijiet li jbatu l-ġuħ, il-gwerra u l-faqar, hemm bżonn azzjonijiet konkreti, radikati f’approċċ serju li jħares fil-bogħod.  Għalhekk hemm bżonn titwarrab ir-retorika sterili biex, b’rieda politika soda, nwittu t-triq, kif qal il-Papa Franġisku, biex “ninsew  il-ġlied ħalli noħolqu klima ta’ kollaborazzjoni reċiproka u fiduċja li jkunu ta’ fejda għall-ħtiġijiet komuni” (Diskors lill-membri tal-Korp Diplomatiku akkreditati mas-Santa Sede, 9 ta’ Jannar, 2023).

Sinjuri, biex titqiegħed fis-seħħ dil-kawża nobbli, nixtieq nagħti assigurazzjoni li s-Santa Sede dejjem se tibqa’ tkun ta’ servizz għall-armonija bejn il-popli u qatt mhi se tehda tikkopera għall-ġid komuni tal-familja tan-nazzjonijiet, hi u dejjem iġġorr f’moħħha dawk il-bnedmin l-aktar magħkusin li jbatu l-ġuħ u l-għatx, u wkoll dawk ir-reġjuni mbiegħda li ma jirnexxilhomx jerfgħu rashom mill-qagħda mwiegħra tagħhom minħabba l-indifferenza ta’ kulmin bħala ideal ta’ ħajtu suppost għandu t-tħaddim ta’ solidarjetà ma taqta’ xejn.  B’din it-tama, u billi nkun leħen ta’ kulmin fid-dinja jħossu mfarrak mill-faqar estrem, nitlob l’Alla li jista’ kollox li ħidmitkom tkun imfawra bil-frott li jisfa ta’ benefiċċju għall-aktar dgħajfin u għall-umanità kollha kemm hi.

Mill-Vatikan, 30 ta’ Ġunju, 2025

Ljun PP. XIV

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading