Dun Mikiel xerred id-dawl tat-tama. Omelija tal-Isqof Anton Teuma

L-Erbgħa, 30 ta’ Lulju 2025: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fil-21 Anniversarju mill-Mewt tal-Qaddej ta’ Alla Dun Mikiel Attard. Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, Għarb.

Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma

Ix-xbieha ta’ Mosè – bid-dawl ħiereġ minn wiċċu u li n-nies ma jistgħux iħarsu lejh, għaliex kellu t-twavel tal-Liġi, jiġifieri l-Kelma ta’ Alla f’idejh, għaliex kien għadu kif iltaqa’ u tkellem ma’ Alla – hija sejħa kbira għalina lkoll biex is-sbuħija tagħna, id-dawl li joħroġ minn wiċċna, ikun dak illi jiġi mir-relazzjoni tagħna ma’ Ġesù, mir-relazzjoni tagħna ma’ Alla.

Illum ngħixu f’dinja li tagħfas ħafna fuq l-importanza tas-sabiħ. Is-sabiħ iqarribna lejn Alla tassew. Imma s-sabiħ mhuwiex biss dak li jidher, imma l-aktar fundamentali huwa dak li joħroġ minn ġew, is-sabiħ li joħroġ mill-qalb li jirradja l-bqija tal-persuna. Dan is-sabiħ, qalilna l-Ewwel Qari (Eż 34:29-35), jiġi jekk ikollna f’idejna l-Kelma ta’ Alla – fi kliem ieħor, jekk aħna naqrawha, jekk aħna nisimgħuha, jekk aħna nħalluha tinfluwenzana, tbiddlilna ħajjitna, jekk id-deċiżjonijiet u l-għażliet tagħna tal-ġurnata jkunu mibnijin fuq il-Kelma ta’ Alla; jekk fil-mod kif nitkellmu u nittrattaw ma’ xulxin, kif inħarsu lejn xulxin fir-relazzjonijiet tagħna, inħallu lilna nfusna niġu mdawla minn din il-Kelma.

Nistgħu ngħidu li dan kien Dun Mikiel: kont tinduna li hu bniedem ta’ Alla, għax kien bniedem li jisma’, li jimmedita, li jirrifletti u li jgħix il-Kelma ta’ Alla. Kemm għandna bżonnha llum, b’mod speċjali aħna s-saċerdoti! Kemm għandna bżonn tal-ħin ma’ Ġesù! Kemm għandna bżonn inħallu lil Ġesù jimliena bid-dawl tiegħu, bis-sbuħija tiegħu, bit-tama tiegħu, bil-ferħ tiegħu, biex imbagħad inkunu nistgħu naqsmuh mal-oħrajn!

Kemm hu addattat l-Ewwel Qari tal-lum għall-okkażjoni li qegħdin niċċelebraw! Kemm tagħti tama persuna li hija mimlija b’Alla, kemm tkun tassew xbieha ta’ Marija Omm it-Tama, li ġġorr fiha lil Ġesù, li tirradja pożittività u ottimiżmu! Dik hi l-persuna li tiltaqa’ ma’ Ġesù.

Kemm kien jagħti tama Dun Mikiel! Żgur li wħud minna, jekk mhux ħafna minna, kellhom iċ-ċans li jitkellmu ma’ dan is-saċerdot, u l-karatteristika sabiħa tiegħu ma kinitx biss l-empatija – li kien kapaċi jifhem it-tbatija tiegħek għax hu stess ukoll kien jgħaddi minn ħafna tbatija. Din il-kapaċità forsi hija kwalità li llum nagħfsu ħafna fuqha… li wieħed jifhem, li wieħed iħoss mal-ieħor. Dun Mikiel ma kienx jieqaf hemm. Għalih ma kinitx biżżejjed l-akkoljenza – li xi ħadd jilqa’ lil xi ħadd u jħobbu kif inhu. Le, imma għalih kien hemm bżonn ukoll li jagħti direzzjoni. Dun Mikiel kien bniedem li f’kull esperjenza tal-ħajja li n-nies jgħaddu minnha kien kapaċi jurihom lil Alla u jqarribhom lejh. Hu jkellimna fuq Alla fl-esperjenza li nkunu għaddejjin minnha. Xi jrid Alla minni f’din l-esperjenza li għaddej minnha? Anki l-esperjenzi tat-tbatija.

Dun Mikiel kien bniedem li jagħti direzzjoni. Ma kienx bniedem sempliċement empatiku, li jħoss u jifhem xi tħoss il-persuna l-oħra, imma kien bniedem li kapaċi jagħtik direzzjoni. Għalhekk Dun Mikiel kien imfittex, għax kien jagħti direzzjoni dejjem skont il-Kelma ta’ Alla. Jekk tkun din id-direzzjoni, allura jiġri dak li jseħħ fil-Vanġelu tal-lum (Mt 13:44-46), li jkellimna dwar it-teżor moħbi f’għalqa u dwar il-ġawhra prezzjuża illi dawn iż-żewġ persuni tal-parabboli jagħmlu kulma jistgħu u jaħdmu biex jiksbuhom. Dan għax indunaw illi l-ġid kollu li kellhom ma kienx biżżejjed… kien hemm bżonn ta’ xi ħaġa iżjed. Kienu qishom aħna, li għandna ħafna affarijiet, imma nindunaw li dak li għandna mhux biżżejjed, tonqos xi ħaġa. Hemm ġawhra iktar prezzjuża illi rridu nfittxu u nsibu. Hemm teżor moħbi illi għadna rridu nħaffru għalih. Hemm xi ħaġa iżjed bżonjuża. Kollha kemm aħna ngħixu din l-esperjenza. U Dun Mikiel kien kapaċi jgħinek tħaffer, kien kapaċi jgħinek issib jew almenu tilmaħ taħt il-ħafna trab u taħt l-imbarazz ta’ ħajtek il-bżonn ta’ Alla. Tilmaħ it-teżor illi hemm ġo fik, fil-fond ta’ qalbek, illi huwa Ġesù!

Ejjew nitolbu lill-Mulej, bl-interċessjoni ta’ dan is-saċerdot qaddis, għalina s-saċerdoti b’mod partikulari, imma mhux biss… għall-ġenituri, għalina lkoll. Imma nixtieq li llejla nitolbu għalina b’mod partikulari biex nerġgħu niskopru dak illi kien jgħix Dun Mikiel, biex nerġgħu mmorru għal dak li huwa l-iktar bażiku, għall-‘abċ’ tal-ħajja Nisranija u tal-ħajja saċerdotali. Ejjew nitolbu lkoll flimkien biex l-Ewkaristija tqarribna lejn Ġesù, biex meta nirċievu lil Ġesù, tinbidel xi ħaġa fina – mhux sempliċement tqarbint u tlaqt ’il barra, smajt il-Kelma u tlaqt ’il barra, u s-siegħa ta’ qabel il-quddiesa hija preċiżament bħal dik ta’ wara – xi drabi s-siegħa ta’ wara l-quddiesa tkun agħar minn dik ta’ qabel – ma jinbidel xejn!

Ejjew nitolbu lill-Mulej biex l-esperjenza li għamel Mosè – dik tal-Kelma ta’ Alla f’idejh li ġġibu dawl, iġġibu jiddi – isseħħ ukoll xi ftit fina kif seħħet fil-ħajja ta’ Dun Mikiel.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading