VJAĠĠ APOSTOLIKU FIL-KANADA
QUDDIESA TA’ BEATIFIKAZZJONI TA’ SOR MARIE-LÉONIE PARADIS
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Parco Jarry –
It-Tlieta, 11 ta’ Settembru 1984
Maħbubin ħuti fi Kristu.
Jiena kuntent li ninsab magħkom illum, ġo Montréal, u ta’ dan inbierek lill-Mulej. Niġi fostkom bħala pellegrin tal-fidi u bħala Isqof ta’ Ruma, responsabli tal-missjoni diġa afdata lil Pietru li jwettaq lil ħutu fil-fidi. Lil kull wieħed, lil kull waħda minnkom: “Grazzja lilkom u sliem bil-kotra, bis-saħħa tal-għarfien sħiħ tagħkom ta’ Alla u ta’ Ġesù Sidna” (2 Pt 1, 2).
Waqt li narakom hawn miġburin, naħseb fil-fundaturi tal-antika Ville Marie. Dawn żergħu hawn, f’riġlejn il-Mont-Royal u qrib xtut is-San Lawrenz, żerriegħa li saret siġra kbira. B’ferħ ningħaqad magħkom biex niċċelebra l-fidi li hekk profondament immarkat l-istorja tagħkom, u li issa jmiss lilkom li tikkonservaw u xxettlu mill-ġdid, billi ssegwu l-eżempju ta’ sor Marie-Léonie, li sejrin nibbejatifikaw
Fil-korsa tal-vjaġġi tiegħi madwar id-dinja, niskopri l-ferħ u l-ansjetajiet tal-Knejjes kollha. Lilkom ilkoll, irġiel u nisa kredenti tal-Kanada inwassal it-tislima tagħhom.
Inwasslilkom aħbarijiet kbar tal-Knejjes żgħażagħ u dinamiċi tal-Asja u l-Afrika.
Inwasslilkom l-eku tal-fidi qawwija ta’ ħutkom irġiel u nisa tal-Amerka Latina li qegħdin jissugraw il-vjolenza tas-sottożvilupp u tal-armi.
L-aħwa tal-Knisja ta’ Ruma u tal-Italja isellmulkom!
Inwasslilkom ukoll t-tislimiet ta’ ħutkom fil-fidi li jgħixu fl-art Pollakka.
Ix-xhidiet tal-fidi tenaċi ta’ ħutkom irġiel u nisa nsara tad-dinja kollha jistimulawkom u jsaħħukom fil-fidi tagħkom.
1. “L-art li qiegħed timxi fuqha hija art qaddisa!” (Es 3, 5).
Dan il-kliem Mosè semgħu ħdejn is-siġra tax-xewk taqbad. Huwa kien qiegħed jirgħa l-merħliet u resaq qrib il-muntanja ta’ Alla, il-Ħoreb. Is-siġra kienet taqbad bla tinħaraq. Allura Mosè staqsa: x’kien ifisser dan in-nar li ma kienx jeqred is-siġra u fl-istess ħin jaħraq u jdawwal?
It-tweġiba ġietu waqt dak il-għaġeb, tweġiba iktar minn umana “Inża l-qorq, għaliex l-art li fuqha qiegħed tirfes hija art qaddisa” (Es 3, 5).
Għaliex dak il-post huwa qaddis? Huwa qaddis għaliex huwa l-post tal-preżenza ta’ Alla: tat-tejofanija. “Jien Alla missierek, Alla ta’ Abraham, Alla ta’ Iżakk, Alla ta’ Ġakobb” (Es 3, 6).
Mosè għatta wiċċu: beżà jitfa ħarstu fuq in-nar li fih irrivela ruħu Alla l-ħaj.
2. Għeżież ħuti ta’ Québec, tal-Kanada, xi ngħidu dwar il-laqgħa tagħkom ma’ Alla l-ħaj? Kultant id-dinja tallum donnha taħbih, donnha trid tnessih. Dan id-deżert spiritwali apparenti jikkuntrasta maż-żmien li għadu qrib li fih il-preżenza ta’ Alla turi ruħha fil-ħajja soċjali u fil-bosta istituzzjonijiet reliġjużi. Tisimgħu min jgħid: “Fejn hu Alla tiegħek?” (Sal 42, 4).
Bdanakollu qalb il-bniedem qatt ma tidra l-assenza ta’ Alla. Tbati tgħix bogħod minnu, bhal trid tħossu b’idejha u tmissu (cf. At 17, 27). Huwa hu preżenti misterjożament, bħan-nar li ma tistax taqbdu, żiffa ħafifa li tgħaddi bla ma tidher (cf. 1 Slaten 19, 12-13). Huwa jagħmlilna sinjal. Isejħilna b’isimna biex jafdalna missjoni. Kollu ta’ xejn li nippruvaw nissostitwixxuh.
Xejn ma jirnexxilu jimla l-vojt imħolli min-nuqqas tiegħu, La l-abbundanza materjali, li ma xxebbax il-qalb, la l-ħajja faċli u permissiva li ma tissodisfax l-għatx tagħna tal-feliċità, la r-riċerka weħedha tas-suċċess jew tal-poter tagħna nfusna; linqas ma hi l-qawwa teknika li tippermetti li nibdlu d-dinja, imma ma toffrix tweġibiet veri għall-misteru stess tad-destin tagħna. Dan kollu jistà jisseduċi għal xi żmien, imma jħalli t-togħma tal-illużjoni u l-qalb vojta, jekk inkunu tbiegħedna mis-siġra tax-xewk taqbad .
Allura jistgħu jidhru, bħal fil-profond, il-ġuħ tal-ispiritwali, l-attrazzjoni tal-Assolut, il-għatx ta’ Alla l-ħaj (Sal 42, 3). Paradossalment iż-żmien tan-“nuqqas ta’ Alla” jistà jsir iż-żmien tal-iskoperta ta’ Alla, bħar-resqin lejn il-Ħoreb.
3. Iva, Alla jkompli jagħmlilna s-sinjali permezz tal-istorja tagħna tad-dinja tagħna, kif lil Mosè permezz tat-tbatijiet tal-poplu tiegħu. Min ma ħassx, jum jew ieħor, dawn l-esperjenzi ta’ dawl u ta’ paċi: Alla daħal f’ħajti! Esperjenza f’salt wieħed jew frott ta’ maturazzjoni twila. L-okkażjonijiet li fihom din il-preżenza misterjuża tinterrogana huma bosta: it-twelid meraviljuż ta’ tarbija, il-bidu ta’ mħabba awtentika, is-sejba tiegħek innifsek quddiem il-mewt ta’ qarib tiegħek, għall-insuċċess jew il-misteru tal-ħażen, il-ħasra għall-miżerja tal-oħrajn, il-ħrib minn disgrazzja jew il-fejqan minn marda, il-ħolqien ta opra tal-arti, il-kontemplazzjoni siekta tan-natura, il-laqgħa ma’ persuna “abitata” f’Alla, is-sehem f’komunità ta’ talb: huma tant ix-xrar li jdawlu triqtna lejn Alla, tant ġrajjiet li jiftħu l-bieb fuq Alla. Imma r-rivelazzjoni nfisha tiġi minn Alla, miċ-ċentru tas-siġra tax-xewk taqbad, U kelmtu, moqrija u mmeditata fit-talb, hija l-istorja qaddisa tal-poplu ta’ Alla, li tippermetti li niddeċifraw is-sens ta’ dawk is-sinjali, li nagħrfu l-isem u l-wiċċ ta’ Alla l-ħaj, li niskopru li hu jmur ‘il hemm minn kull esperjenza, kull krejatura. Bħalma kienet qalet waħda mill-poetessi tagħkom: “Alla tagħna huwa bħall-nixxiegħa profonda tal-ilmijiet l-iktar profondi” (Anne Hebert, Presence, 1944).
4. Alla jirrivela ruħu lil Mosè biex jafdalu missjoni. Irid joħroġ lill-Iżrael mill-iskjavitù tal-farawni tal-Eġittu.
Mosè jagħmel l-esperjenza tal-preżemza ta’ Alla. Huwa jaf min hu l-Alla ta’ missirijietu; imma quddiem il-missjoni li jafdalu huwa jistaqsi: “Imma se jistaqsuni x’jismu? U jien x’se nweġibhom?” (cf. Es 3, 13). Il-problema tal-isem hija dik fondamentali. Mosè jippreżenta l-problema tal-essenza ta’ Alla, ta’ dak li jikkostitwixxi r-realtà tiegħu assolutament unika.
“Jiena dak li jien!” (Es 3, 14), din hija t-tweġiba. L-essenza ta’ Alla hija l-eżistenza. Jeżisti. Dak kollu li jeżisti, l-univers kollu għandu fih l-oriġni tiegħu. Kollox jeżisti għaliex Alla jagħmlu jeżisti.
Jum fost l-oħrajn Santa Katerina da Siena, waqt li segwiet lil San Tumas d’Aquino, immexxiha dejjem minn dak l-istess għerf meħud mit-tejofanija li tagħha Mosè kien xhud, qalet lil Ġesù: “Inti dak li hu, jiena dik li mhix”.
Bejn il-“jiena jien” ta Alla u l-“jiena jien” tal-bniedem, kif ukoll ta’ kull krejatura, hemm dan l-istess rapport: Alla huwa dak li hu; il-krejatura, il-bniedem huwa dak li mhux . . . huwa hu msejjaħ għall-eżistenza billi jitlaq min-non-eżistenza. Minn Alla aħna għandna l-ħajja, il-moviment u l-eżistenza (At 17, 28).
5. Illum, f’din il-belt kbira ta’Montréal, irridu nagħtu glorja lil Dak lu hu. Irridu ntuh glorja flimkien mal-ħolqien kollu. Aħna neżistu biss grazzi lilu.
Ma neżistux u ngħaddu, waqt li hu biss ma jgħaddix! Hu biss huwa l-eżistenza nfisha.
Għal dan ejjew ngħidu mas-salm tal-liturġija tallum: “Kbir il-Mulej ta’ min ifaħħru ħafna . . . Agħtu lill-Mulej is-sebħ ta’ ismu . . . inxteħtu quddiem il-Mulej . . .” (Sal 96, 4-9), kif Mosè adurah meta għatta wiċċu għaliex beżà jħares lejn Alla (Es 3, 6).
Inxteħtu minn tulkom intom ukoll, bnedmin tallum!
Intom tafu l-misteri tal-ħolqien b’mod imkumparabbli aħjar minn Mosè! Jewwilla ma jkellmukomx dwar Alla b’mod li iktar tifhmuh?
Inxteħtu minn tulkom, erġgħu aqraw sal-aħħar ix-xhieda tal-krejaturi!
6. Alla huwa ‘l fuq minn kull krejatura. Huwa traxxendenza assoluta. Hemm fejn tintemm ix-xhieda tal-ħolqien, hemm tibda l-kelma ta’ Alla, il-Verb: “Fil-bidu kien il-Verb, u l-Verb kien ma’ Alla u l-Verb kien Alla. Hu kien fil-bidu ma’ Alla. Kollox bih sar, u xejn ma sar mingħajru minn dak kollu li jeżisti” (Ġw 1, 1-3).
“Kellu l-ħajja fih u l-ħajja kienet id-dawl tal-bnedmin . . .”.
Imma ejjew nisimgħu dak li jiġi wara: “Il-Verb sar bniedem u ġie jgħammar fostna . . . Imma lil dawk li laqgħuh tahom is-setgħa li jsiru wlied Alla; dawk li jemmnu f’ismu . . . dawk li minn Alla kienu ġġenerati” (Ġw 1, 1-14).
Iva, Alla li hu ‘l fuq minn kull krejatura, li huwa traxxendenza assoluta, Alla sar krejatura-bniedem, Il-Verb sar bniedem. Fih il-bnedmin imwielda minn bnedmin jitwieldu minn Alla. Huma jsiru wlied, bil-filjazzjoni divina huma jsiru wlied l-Iben.
U llum f’din il-belt kbira ta’ Montréal aħna rridu nagħtu glorja lil Alla li sar bniedem:
“Jum qaddis bexbex għalina . . .
Id-dawl idda fuq l-art . . .
Glorja lilek, o Kristu, milqugħ fid-dinja permezz tal-fidi” (cf. 1 Tm 3, 16). Alleluia!
7. Niżżu ħajr lil dawk kollha li laqgħu dan id-dawl, hawn fl-art Kanadiża. Niżżu ħajr b’mod speċjali għal dawk li saru, permezz ta’ Kristu, id-dawl tal-Knisja u tal-umanità kollha. Il-Knisja effettivament għarfet uffiċjalment il-qdusija ta’ ċertu numru minnhom; ftit kienu ġew minn barra, speċjalment minn Franza, imma huwa hawn li kkunsmaw ħajjithom u laħqu l-quċċata tal-qdusija tagħhom. Dawn huma familjari magħkom. Huwa biżżejjed insemmi isimhom: il-qaddisin ġiżwiti martri, fundaturi tal-Knisja fil-Kanada, Santa Margherite Bourgeoys; u il-Beati Monsinjur François de Montmorency-Laval, Madre Marie dell’Incarnazione, iż-żagħżugħa Iroqwajana Kateri Tekakwitha, Madre Marie d’Youville, is-saċerdot André Grasset, Madre Marie Rose Durocher, il-fra André Bessette.
Jiena stess kelli l-pjaċir li niċċelebra f’Ruma ħamsa minn dawn il-Beatifikazzjonijiet u Kanoniżazzjoni. Imma naf li kawżi oħra kienu ntrodotti u nittama li l-eżami tagħhom jasal għal tmiem tajjeb. Qed naħseb b’mod partikolari f’Madre Katerina ta’ Santu Wistin li tagħha ġiet magħrufa l-eroċità tal-virtujiet.
“Il hemm minn dawk li huma kanonizzati u bbejatifikati uffiċjalment, huma bla dubju leġjuni dawk li iffruttifikaw il-fidi bi mħabba ammirevoli ta’ Alla u tal-proxxmu, f’forma ta’ kuljum u spiss diskreta. Jekk il-modestja tas-sinjali viżibbli li huma ħallew jimpedixxi eżami approfondit tal-ħajja tagħhom min-naħa tal-Knisja, dawn huma magħrufa minn Alla; dawn wieġbu għall-istedina tiegħu, bħal Mosè. Huma kabbru l-glorja u s-saltna tiegħu fuq din l-art Kanadiża.
Quddiem dawn l-irġiel u nisa kollha, imissna nirrepetu l-kliem tal-kbir Irinew, tat-tieni seklu: “Il-glorja ta’ Alla hija l-bniedem ħaj”: il-bniedem li jgħix il-milja tal-ħajja, li hija ta’ Alla f’Ġesù Kristu.
8. Illum, f’dan il-ktieb ħaj tal-qaddisin u tal-beati tal-Knisja li ilu preżenti sekli fl-art Kanadiża se jiżdied isem ġdid: Sor Marie-Léonie Paradis.
Din il-mara tagħkom, umli fost l-umli, illum se titla għal-livell ta’ dawk li Alla għolla għall-glorja u jiena kuntent li beatifikazzjoni simili qiegħda ssir l-ewwel darba fil-Kanada, li kien pajjiżha.
Imwielda f’familja sempliċi, fqira u virtuża, hija fis fehmet is-sbuħija tal-ħajja reliġjuża, u hemm impenjat ruħha bil-voti mas-sorijiet Marjanisti ta’ Santa Croce, Hija qatt ma ddubitat id-don tagħha lil Alla, ukoll f’nofs il-provi tal-ħajja komunitarja fi New York u fl-Indjana. U meta ntagħażlet biex isservi f’kulleġġ f’Memramcook f’Acadia, il-ħajja reliġjuża tagħha kienet hekk splendenti li spontanjament ġabret madwarha numru ta’ tfajliet, li riedu huma wkoll jikkonsagraw ħajjithom lil Alla. Bihom, u grazzi għall-fehim ta’ Monsinjur Laroque, isqof ta’ Sherbrooke, waqqfet il-kongregazzjoni tal-Piccole Sorelle della Sacra Famiglia, dejjem fjorixxenti u stmata.
Bla ma qatt iddubitat dwar is-sejħa tagħha, hija spiss staqsiet: “Mulej, urini triqatek”, biex tkun taf liema kienet il-forma konkreta tas-servizz tagħha fil-Knisja. Sabet u pproponiet lil uliedha spiritwali forma ta’ mpenn partikolari: is-servizz fil-kulleġġi, fis-seminarji u fid-djar tas-saċerdoti. Ma beżgħetx mid-diversi forom ta’ xogħol manwali li huma l-piż li jmiss lil tant nies tallum, waqt li kien miżmum b’unur fil-familja mqaddsa, fil-ħajja stess ta’ Ġesù ta’ Nażżaret. Hemm hija rat ir-rieda ta’ Alla għal ħajjitha. Bis-sagrifiċċji relatati ma’ dan ix-xogħol, imma offruti b’imħabba, hija għarfet ferħ u paċi profondi. Kienet taf tibni mill-ġdid skont l-atteġġjament fundamentali ta’ Kristu, “li ġie mhux biex ikun moqdi, imma biex jaqdi”. Kienet kollha kemm hi mimlija bil-kobor tal-Ewkaristija: u dan huwa wieħed mis-sigrieti tal-motivazzjonijiet tagħha spiritwali. Iva, Alla dawwar għajnejh fuq l-umiltà tal-qaddejja tiegħu Marie-Léonie, li spirat ruħha mid-dispomibiltà ta’ Marija. U minn hawn ‘l hemm il-kongregazzjoni tagħha u l-Knisja se jsejħulha minn ġenerazzjoni għal oħra beata (cf. Lq 1, 48).
9. Din il-beatifikazzjoni ġdida ta’ reliġjuża Kanadiża tfakkarna li l-Kanada avvantaġġjat ruħha b’mod abbundanti mill-kontribut ta’ komunitajiet reliġjużi numerużi, fis-setturi kollha tal-ħajja ekkleżjali u soċjali: talb kontemplattiv, edukazzjoni, assistenza lill-foqra, inizjattivi ospitalieri, apostolat ta’ kull tip. Din hija grazzja kbira. U jekk illum is- servizzi jistgħu jkunu diversi u jevolvu ruħhom skont il-bżonnijiet, il-vokazzjoni reliġjuża tibqà don ta’ Alla meraviljuż, xhieda li m’hawnx bħalha, kariżma profetika essenzjali għall-Knisja, mhux biss minħabba xi servizzi tassew prezzjużi li s-sorijiet iwettqu, imma qabel kollox bħala espressjoni gratwita tal-imħabba f’don nuzjali lil Kristu, f’konsagrazzjoni totali għall-opra redentriċi tiegħu (cf. Ioannis Pauli PP. II, Redemptionis Donum). U ppermettuli nagħmel din id-domanda lill-insara kollha hawn miġbura: il-poplu Kanadiż jaf dejjem japprezza din il-grazzja? Jgħin lir-reliġjużi nisa biex isibu u jirrassikuraw l-vokazzjoni tagħhom? U intom. Għeżież sorijiet, għandkom għarfien tal-kobor tas-sejħa ta’ Alla u tal-istil ta’ ħajja radikalment evanġeliku li jikkorrispondi ma’ dan id-don?
10. Ir-reliġjużi nisa, li ħajjithom hija kollha orjentata fid-direzzjoni tas-“siġra tax-xewk taqbad”, għandhom esperjenza partikolari ta’ Alla l-ħaj. Imma f’din il-quddiesa jiena ndur lejn il-poplu kollu nisrani ta’ Montréal, ta’ Québec u tal-Kanada. Ħuti: fittxu l-Mulej, fittxu r-rieda tiegħu, isimgħu l-uniku li jsejjaħ lil kull wieħed u waħda minnkom b’isimkom, sabiex jafdalkom missjoni biex tkunu tistgħu twasslu d-dawl tiegħu fil-Knisja u fis-soċjetà.
Intom lajċi nsara, mgħammdin u kkonfermati, u tridu tgħixu bħala uwied irġiel u nisa ta’ Alla, fil-korp tal-Knisja hemm ħafna kariżmi, ħafna forom ta’ attività biex tiżviluppaw t-talenti tagħkom fis-servizz tal-oħrajn. Alla jibgħatkom biex taqdu lil ħutkom li qegħdin ibatu, li jinsabu fil-qtigħ il-qalb, fit-tiftix tiegħu. Bit-talb tagħkom u bl-azzjonijiet tagħkom, jalla l-imħabba ta’ Alla, il-ġustizzja ta’ Alla u t-tama issib kuljum il-post tagħha fil-belt terrena, fil-postijiet tax-xogħol , tal-isvog u tal-istudju kollha tagħkom. Billi intom stess kellkom l-esperjenza ta’ Alla, ikkontribwixxu biex tibnu dinja fraterna li tkun miftuħa lil Alla. Nindirizza dan il-messaġġ lil kulħadd, imma billi llum qegħdin nipproklamaw beata mara, nindirizza b’mod speċjali lin-nisa. Bħall-imgħammdin kollha, intom imsejħa għall-qdusija bil-għan li tqaddsu d-dinja skont il-vokazzjoni tagħkom fil-pjan ta’ Alla, li ħalaq l-umanità “raġel u mara”. Flimkien mal-irġiel, wasslu fil-qalb tal-familji tagħkom, fil-qalb ta’ din is-soċjetà, il-kwalitajiet umani u nsara li bihom Alla żejjen il-femminilità tagħkom u li intom tistgħu tiżviluppaw skont d-drittijiet u d-dmirijiet tagħkom, fil-qies stess li fih intom magħqudin ma’ Kristu, is-sors tal-qdusija.
Il-Mulej jafda fuqkom, sabiex ir-relazzjonijiet umani jkunu ispirati mill-imħabba li Alla jixtieq. Il-modi li jwettqu dan is-servizz jistgħu jkunu differenti minn dawk magħżula mill-Beata Sor Marie-Léonie. Imma – fis-sens iktar evanġeliku li jittraxxendi l-modi ta’ kif tarahom din id-dinja – huwa dejjem kustjoni ta’ servizz, servizz li huwa dejjem indispensabbli għall-umanità u għall-Knisja.
11. Il-qaddisin u l-beati, u dawk kollha li jħallu l-Ispirtu ta’ Alla jmexxihom, jistgħu jqisu ndirizzat lilhom il-kliem tal-ittra ta’ San Pawl lill-Efesin li għadna kemm smajna:
“Imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu, li berikna b’kull xorta ta’ barka spiritwali, is-smewwiet fi Kristu” (Ef 1, 3).
Iva, l-ismijiet tal-qaddisin iwettqu b’mod partikolari l-verità tal-eżistenza tagħna fi Kristu. Il-verità hija s-sejħa għall-qdusija, jiġifieri għall-għaqda ma’ Alla permezz ta’ Kristu.
Ejjew nerġgħu nisimgħu din l-ittra lill-Efesin:
– Alla “għażilna (fi Kristu) minn qabel il-ħolqien tad-dinja”;
– biex inħobbu huwa ddestinana bil-quddiem “biex inkunu wliedu adottivi bl-opra ta’ Ġesù Kristu”;
Fih aħna niksbu “il-fidwa permezz ta’ demmu, il-maħfra tad-dnubiet skont l-għana tal-grazzja tiegħui”;
– “Huwa ġabar fi Kristu l-ħwejjeġ kollha, dawk li huma tas-sema kif ukoll dawk tal-art”;
– fih aħna wkoll “sirna werrieta”; fih irċivejna “s-siġill tal-Ispirtu Santu” l-ewwel “rahan tal-wirt tagħna, sakemm għadna nistennew il-fidwa sħiħa ta’ dawk li Alla kiseb għalih, għat-tifħir tal-glorja tiegħu” (Ef 1, 4-14).
12. “Il-post li qiegħed tirfes fuqu huwa art qaddisa!”.
Fiż-żminijiet li qegħdin ngħixu fihom, dak li naraw fuq din l-art juri lil għajnejna iktar id-dnub milli l-qdusija. Hemm bosta raġunijiet għaliex, fid-diversi Pajjiżi u kontinenti, aħna naraw uktar ir-rovini kkawżati mid-dnub milli d-dawl tal-qdusija. Ukoll jekk il-preżent qiegħed dejjem iktar iwitti t-triq li fiha d-dnub ma jissejjaħx iktar dnub, huwa veru iżda li l-familja umana qiegħda tgħix fil-biżà ta’ dak li l-intelliġenza u r-rieda umana jistgħu jqanqlu kontra r-rieda tal-Ħallieq u tar-Redentur. Aħna lkoll hawn nafu l-perikoli li qegħdin jheddu l-pjaneta tagħna, u nagħrfu l-parti li għandu l-bniedem.
U madankollu din l-art, il-post li fih ngħixu, huwa l-art qaddisa. Din hija indikata mill-preżenza ta’ Alla l-ħaj, li l-milja tiegħu hija fi Kristu. U din il-preżenza tibqà fl-art tagħna u tippoduċi l-frott tagħha tal-qdusija.
Din il-preżenza hija realtà.
Din hija grazzja.
Din il-preżenza ma tieqaf qatt tkun is-sejħa u d-dawl.
“Id-dawl jiddi fid-dlam, imma d-dlam na għelbux” (Ġw 1, 5). Amen.
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb