Il-Papa Ljun XIV dwar l-Għid ta’ Ġesù: It-tħejjija għall-ikla.

LJUN XIV
UDJENZA ĠENERALI
Pjazza San Pietru
L-Erbgħa 6 ta’ Awwissu 2025

Ċiklu ta’ Katekeżi – Ġublew 2025. Ġesù Kristu t-tama tagħna. III. L-Għid ta’ Ġesù.1. It-tħejjija għall-ikla. “Ħejjulna hemmhekk” (Mk 14:15)

Għeżież ħuti,

Inkomplu bil-mixja ġubilari tagħna biex niskopru l-wiċċ ta’ Kristu, li fih it-tama tagħna tieħu sura u konsistenza. Illum se nibdew nirriflettu fuq il-misteru tal-Passjoni, il-Mewt u l-Qawmien ta’ Ġesù. Nibdew billi nimmeditaw kelma li tidher sempliċi, imma tostor fiha sigriet prezzjuż tal-ħajja Nisranija: inħejju.

Il-Vanġelu ta’ Marku jirrakkonta li “fl-ewwel jum tal-Ażżmi, meta kienu jissagrifikaw il-ħaruf tal-Għid, id-dixxipli tiegħu qalulu: ‘Fejn tridna mmorru nħejju biex tiekol l-ikla tal-Għid?’” (Mk 14:12). Hija mistoqsija prattika, imma anki mimlija stennija. Id-dixxipli qed iħossu li waslet biex isseħħ xi ħaġa importanti, imma d-dettalji ma jafuhomx. It-tweġiba ta’ Ġesù tidher kważi misterjuża: “Morru l-belt, u tiltaqgħu ma’ raġel iġorr ġarra ilma” (v. 13). Id-dettalji jsiru simboliċi: raġel qed iġorr ġarra – ġest li f’dak iż-żmien is-soltu kienet tagħmlu mara –, kamra fis-sular ta’ fuq diġà lesta, sid tad-dar mhux magħruf. Bħallikieku kull ħaġa kienet ġiet imħejjija sa minn qabel. Fil-fatt hekk hu. F’dan l-episodju, il-Vanġelu jurina li l-imħabba mhijiex frott ta’ kumbinazzjoni, imma ta’ għażla konxja. Mhix sempliċi reazzjoni, imma deċiżjoni li titlob tħejjija. Ġesù ma jaffrontax il-passjoni tiegħu għax hekk id-destin, imma b’fedeltà lejn mixja li hu laqa’ u mexa b’libertà u għożża. Dan hu li jfarraġna: li nafu li d-don tal-ħajja tiegħu jinbet minn intenzjoni profonda, mhux minn tqanqila ta’ dak il-ħin.

Dik il-“kamra kbira fuq, mgħammra u lesta” turina li Alla dejjem jimxi qabilna. Qabel ma aħna nintebħu li għandna bżonn min jilqagħna, il-Mulej diġà ħejja għalina spazju fejn nagħrfu u nħossu li aħna ħbieb tiegħu. Dan il-post, fl-aħħar mill-aħħar, hu l-qalb tagħna: “kamra” li tista’ tidher vojta, imma li qed tistenna biss li tiġi rikonoxxuta, mimlija u mħarsa. L-ikla tal-Għid, li d-dixxipli jridu jħejju għaliha, fir-realtà hija diġà lesta fil-qalb ta’ Ġesù. Huwa hu li diġà ħaseb kollox, ħaseb għal kollox, iddeċieda kollox. Madankollu, huwa jitlob lill-ħbieb tiegħu jagħmlu l-parti tagħhom. Dan jgħallimna xi ħaġa essenzjali għall-ħajja spiritwali tagħna: il-grazzja ma teliminax il-libertà tagħna, imma tqajjimha mill-ġdid. Id-don ta’ Alla ma jħassarx ir-responsabbiltà tagħna, imma jagħmilha għammiela.

Illum ukoll, bħal dakinhar, hemm ikla xi nħejju. Mhix biss il-liturġija, imma d-disponibbiltà tagħna li nidħlu f’ġest li jmur lil hemm minna. L-Ewkaristija ma niċċelebrawhiex biss fuq l-altar, imma anki fil-ħajja ta’ kuljum, fejn hu possibbli li ngħixu kollox bħala offerta u radd il-ħajr. Li nħejju ruħna biex niċċelebraw dan ir-radd ta’ ħajr ma jfissirx li nagħmlu aktar, imma li nagħmlu l-wisa’. Ifisser li nwarrbu dak li qed jieħu l-ispazju, inbaxxu l-pretensjonijiet, nieqfu nixtiequ affarijiet li mhumiex reali. Fil-fatt, spiss wisq nifxlu t-tħejjijiet mal-illużjonijiet. L-illużjonijiet jiddistrawna, it-tħejjijiet jorjentawna. L-illużjonijiet ifittxu riżultat, it-tħejjijiet jagħtu l-possibbiltà għal laqgħa. L-imħabba vera – ifakkarna l-Vanġelu – tingħata qabel ma ssib tweġiba lura. Hija don antiċipat. Ma tissejjisx fuq dak li wieħed ħa jirċievi lura, imma fuq dak li jixtieq joffri. Dan hu li Ġesù għex mad-dixxipli tiegħu: meta huma kienu għadhom mhumiex jifhmu, waqt li wieħed kien se jittradih u ieħor jiċħdu, hu kien qed iħejji għal kulħadd ikla ta’ komunjoni.

Għeżież ħuti, anki aħna mibgħutin “inħejju l-ikla tal-Għid” tal-Mulej. Mhux biss dik liturġika: anki dik tal-ħajja tagħna. Kull ġest ta’ disponibbiltà, kull għemil b’xejn, kull maħfra offruta sa minn qabel, kull taħbit milqugħ bis-sabar huwa mod kif inħejju post fejn Alla jista’ jgħammar. Nistgħu allura nistaqsu lilna nfusna: liema spazji fil-ħajja tiegħi għandi bżonn nerġa’ npoġġi ordni fihom biex ikunu lesti ħa jilqgħu lill-Mulej? Xi jfisser għalija llum “inħejji”? Forsi nwarrab xi pretensjoni, nieqaf nistenna li l-persuna l-oħra sa tinbidel, immidd l-ewwel pass. Forsi nisma’ iżjed, naġixxi inqas, jew nitgħallem nafda f’dak li diġà ġie mħejji għalija minn qabel.

Jekk nilqgħu l-istedina biex inħejju l-post tal-komunjoni ma’ Alla u bejnietna, niskopru li aħna mdawrin b’sinjali, laqgħat, kliem li jorjentaw lejn dik il-kamra, spazjuża u diġà lesta, li fiha jiġi ċċelebrat bla waqfien il-misteru ta’ mħabba bla tarf, li tweżinna u li dejjem timxi qabilna. Jagħtina l-Mulej li nkunu dawk li jħejju b’umiltà għall-preżenza tiegħu. U, f’din id-disponibbiltà ta’ kuljum, ħa tikber fina wkoll dik il-fiduċja serena li tippermettilna naffrontaw kull ħaġa b’qalbna ħielsa. Għax fejn l-imħabba ġiet imħejjija, tista’ tassew twarrad il-ħajja.

Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading