Il-Papa Ljun XIV dwar il-bomba atomika fuq Hiroshima u Nagasaki. 14/07/2025.

MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
FIT-80 ANNIVERSARJU TAL-BOMBA ATOMIKA
FUQ HIROSHMA U NAGASAKI

Lill-Wisq Reverendu Alexis M. Shirahama
Isqof ta’ Hiroshima

Insellem minn qalbi lil dawk kollha miġburin biex ifakkru t-tmenin anniversarju tal-bumbardament atomiku fuq Hiroshima u Nagasaki.  Nesprimi sentimenti ta’ rispett u għożża, b’mod partikolari lill-hibakusha, is-superstiti li l-istejjer tagħhom ta’ telfien u tbatija huma sejħa f’waqtha lilna biex nibnu dinja aktar żgura u nikkultivaw klima ta’ paċi.

Minkejja li għaddew bosta snin, iż-żewġ bliet huma tifkira ħajja tal-orrur inkredibbli li jħallu wrajhom l-armi nukleari.  It-toroq tagħhom, l-iskejjel u d-djar għadhom jidhru fihom iċ-ċikatriċi – kemm viżibbli u spiritwali – ta’ dak il-jum fatali f’Awwissu tal-1945.  F’dal-kuntest intenni dak li qal bosta drabi l-maħbub predeċessur tiegħi il-Papa Franġisku: “Bil-gwerra l-umanità dejjem telliefa”.

Kif kiteb wieħed mis-superstiti minn Nagasaki, Dr Takashi Nagai: “Il-persuna li tħobb hi persuna “qalbiena” li ma ġġorrx armi” (Heiwato 1979).  Fil-fatt, il-vera paċi titlob il-kuraġġ li jitwarrbu l-armi – speċjalment dawk li l-qawwa tagħhom tħalli warajha katastrofi indeskrivibbli.  L-armi nukleari joffendu l-umanità li tagħmilna lkoll aħwa u huma tradiment tad-dinjità tal-ħoqlien, li aħna lkoll għandna sejħa biex niddefenduh.

Fi żmienna, qalb tensjonijiet globali u kunflitti, Hiroshima u Nagasaki huma “simboli ta’ memorja” (cfr Franġisku, Ittra lil-Wisq Reverendu Alexis-Mitsuru, Shirahama, Isqof ta’ Hiroshima, 19 ta’ Mejju, 2023) li jixprunawna biex nirrfjutaw l-illużjoni li s-sigurtà tfisser li nistgħu neqirdu lil xulxin.  Minflok, għandna nsawru etika globali ta’ sigurtà b’għeruqha mħawlin fil-ġustizzja, fil-fraternità u l-ġid komuni.

Għalhekk it-talba tiegħi hi li dan l-anniversarju solenni jkun sejħa lill-komunità internazzjonali biex iġġedded l-impenn tagħha li tfittex paċi dejjiema għall-familja umana kollha – “paċi mhux tal-armi,  paċi tad-diżarmament” (L-ewwel Barka Appostolika “Urbi et Orbi”, 8 ta’ Mejju, 2025).  

Jiena bil-qalb ninvoka barkiet divini abbundanti fuq dawk kollha li qed ifakkru dan l-anniversarju.

Mill-Vatikan, 14 ta’ Lulju, 2025

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading