Kitba ta’ Joe Galea
San Gejtanu: (b’mod li jagħtih merħba, qisu ilu ma jarah): Dun Ġorġ!
San Ġorġ: (bil-kalma u b’leħen baxx): San Ġorġ, jekk jogħġbok.
San Gejtanu: (b’kortesija): Skużani. Hekk nafek f’dal-mitt sena u aktar! Inti m’ilekx wisq magħna l-qaddisin, u lsieni ma jdurlix biex insellimlek (u hawn b’solennita’): San Ġorġ,… anzi San Ġorġ Preca!
San Ġorġ: Grazzi, hekk aħjar. Issa nista’ ninżel għarkubbtejja quddiemek u nbuslek saqajk. Trid? (ikun se jitbaxxa)
San Gejtanu: Lanqas jekk irrid. Ma tistax! Inti qaddis bħali u hawn ma jħallukx tagħmel hekk.
San Ġorġ: Mela nobdi.
San Gejtanu: Kif dejjem għamilt, Ġorġ!… Inti dejjem objdejt. Skużani, erġajt sejjaħtlek Ġorġ biss!
San Ġorġ: Mhux aħjar hekk? Wara kollox, ħafna nies hekk jafuni,… Dun Ġorġ. Naħseb li ndunajt li kont qed ni“ajta. Dun Ġorġ, San Ġorġ,… mhux xorta?
San Gejtanu: Jiġifieri dawk in-nies kollha li kien hemm Ruma?… x’qal il-Papa fuqek?… iddikjarak qaddis?… il-poplu kollu jifraħ bik?… Dawn għalxejn?
San Ġorġ: Aħjar jinsew kollox, l-iktar dik it-tixriba li ħadu fil-pjazza!
San Gejtanu: U x-xemx ta’ l-Erbgħa ta’ wara, meta l-Papa tkellem bil-Malti, u qal li inti t-tieni missier tal-Maltin wara l-Appostlu San Pawl.
San Ġorġ: Dik bħal meta jgħidu xi ħaġa, u tibqagħlek. Il-Papa ta’ qablu wkoll semmiha. Allura, qaddis bħalek, x’inhu? Inti żgur qaddis kbir, u jafuk kullimkien. Lili,… Malta u Għawdex, u xi whud ‘l hemm u ‘l hawn.
San Gejtanu: Dun Ġorġ, inti minn dejjem hekk kont. Umli u tinħeba. Imma issa li sirt qaddis, tibqax fir-rokna. Mhux sew li jinsewk wara dawk il-battikati kollha!
San Ġorġ: Għandek raġun. Jekk jiftakru fija biex iħobbu lil Ġesu’, naqbel miegħek li jiftakru ftit fija. Imma ara ma jagħmlunix fi statwa u jduru bija fit-toroq, bil-banda u x’naf jien.
San Gejtanu: Ikollok toqgħod, Dun Ġorġ! Anki jekk bil-murtali li jtellgħu mill-bejt tal-każini. Hawn taf li għandna tnejn, hux?
San Ġorġ: Aħjar inbiddlu s-suġġett. Dil-Knisja ġġibli ħafna tifkiriet.
San Gejtanu: Bil-fors, għax kont narak għal ħafna sigħat u nifraħ narak titlob, tqaddes u tqarar.
San Ġorġ: Tgħaġġilx!… Jiena kont abbati wkoll, u ta’ tfal konna niġu biex narawhom jaħdmu fil-Knisja. Darba għal ftit ma waqajtx minn hemm fuq minħabba Wistin.
San Gejtanu: Iva, jien rajt kollox, u afdajt fil-Mulej li Wistin jżommok sew, għax kienet tkun storja.
San Ġorġ: Mindu kont żgħir kont miġbud lejn il-Knisja, l-aktar lejn it-tagħlim. U dejjem xtaqt li ngħallem lin-nies ħalli jħobbu lil Ġesu’.
San Gejtanu: Minn hawn beda kollox, Ġorġ,… mill-Ħamrun,… minn quddiem il-knisja tagħna, fejn qabel kien hemm għalqa u kienu jinġabru xi ġuvintur biex jilagħbu l-ballun.
San Ġorġ: Hekk hu, minn hawn. U nifhem li inti, bħala l-Qaddis tal-Ħamrun, kellek sehem.
San Gejtanu: Iva, kelli fidu`ja fik, u berikt il-ħidma tiegħek. Meta kien hemm min ma fehemekx, jiena kont miegħek, u l-Kappillan li kelli dak iż-żmien tgħidx kemm ħadem biex iħalluk tgħallem fid-djar tal-Mużew.
San Ġorġ: Inti għentni ħafna. Kont inħares lejk bħala eżempju ta’ fiduċja f’Alla, ta’ qalb nadifa u ta’ ħabib ta’ l-Ewkaristija.
San Gejtanu: Niftakrek ukoll fil-festa, bix-xemgħa kbira. Kont tagħti eżempju jarawk taqra xi ktieb waqt li miexi fil-pur`issjoni.
San Ġorġ: Iva, kienu jiġu xi tnejn jew tliet itfal ta’ xi tmienja jew għaxar snin biex nagħtihom iżommuli x-xemgħa ħalli nkun nista’ nżomm il-ktieb b’idejja t-tnejn.
San Gejtanu: Naf. Kollox naf. Il-kappillan kien jersaq maġenbek biex ike“i lit-tfal u jgħidilhom “Oqogħdu fuq il-bankina!… X’intom tagħmlu fin-nofs?”
San Ġorġ: U jiena kont nieħu x-xemgħa f’idi u t-tfal jitilqu, imma ftit wara, nara xi tifel ieħor u nerġa’ nagħth ix-xemgħa.
San Gejtanu: U l-kappillan, li kien jirrispettak, kien jinfexx jidħaq!
San Ġorġ: Nittama li din is-sena l-kappillan jidħaq ukoll fil-festa. Nawguralek, San Gejtanu, il-festa t-tajba!