Il-Papa Ljun XIV fl-Angelus tad-19-il Ħadd matul is-Sena.

IL-PAPA LJUN XIV
ANGELUS
Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 10 ta’ Awwissu, 2025

Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb!

Fl-Evanġelju tal-lum Ġesù jistedinna nirriflettu dwar kif qed ninvestu t-teżor ta’ ħajjitna (cfr Lq 12,32-48).  Jgħid: “Bigħu ġidkom u agħtuh karità” (v. 33)

Ifisser li qed jeżortana biex id-doni li Alla tana ma nżommuhomx għalina, imma nużawhom bil-ġenerożità għall-ġid tal-oħrajn, speċjalment min hu l-aktar fil-bżonn tal-għajnuna tagħna.  Jiġifieri li mhux biss naqsmu mal-oħrajn il-ġid materjali, imma l-ħiliet tagħna, ħinna, l-għożża tagħna, il-preżenza tagħna, l-empatija tagħna inqiegħduhom għad-dispożizzjoni ta’ min hu fil-bżonn.  Insomma, dak kollu li fil-pjan t’Alla, jagħmel lil kull wieħed u waħda minna, uniċi, bla prezz, kapital ħaj, ibaqbaq, li biex  jikber għandu bżonn ikun ikkultivat u investit inkella jinxef u jitlef il-valur tiegħu.  Inkella jispiċċa jintilef u jaqa’ vittma ta’ min, bħal ħalliel, jaħtfu taħt idejh biex jagħmel minnu sempliċi oġġett ta’ konsum.

Aħna, li aħna don t’Alla, m’aħniex magħmulin biex nispiċċaw hekk.  Id-don t’Alla jeħtieġ l-ispazju, il-libertà, biex jikseb il-milja u jesprimi ruħu: għandu bżonn l-imħabba għax hi biss tittrasforma u tinnobilita kull aspett tal-eżistenza tagħna, tagħmilna dejjem aktar nixbħu lil Alla.  Mhux b’kumbinazzjoni li Ġesù jgħid dan fi triqtu lejn Ġerusalemm fejn kellu joffri lilu nnifsu fuq is-salib għas-salvazzjoni tagħna.  L-opri tal-ħniena huma l-bank fejn għandna ninvestu t-teżor tal-eżistenza tagħna għax hu l-aktar żgur u jagħti l-akbar imgħax, u fih, kif jgħallimna l-Evanġelju, “b’żewġ ħabbiet” armla fqira ssir l-aktar persuna għanja tad-dinja (cfr Mk 12,41-44).

A propożitu ta’ dan, Santu Wistin jgħid: “Bniedem diġà jħossu kuntent jekk minn libbra bronż jirnexxilu joħroġ libbra fidda, jew jekk mil-libbra fidda joħroġ waħda deheb; imma kull għotja, trodd lura xi ħaġa realment differenti, mhux deheb u fidda, imma l-ħajja ta’ dejjem” (Sermo 390 2).  U jispjega għaliex: “Dak li jkun mogħti jinbidel għax jibdel li dak li jagħti” (ibid.).

U biex nifhmu xi jrid jgħid, nimmaġinaw omm li tħaddan magħha lil uliedha: mhix l-isbaħ persuna u l-aktar waħda għajna tad-dinja?  Inkella żewġ għarajjes, meta jkunu flimkien: ma joħossuhomx re u reġina?  U nistgħu nagħmlu ħafna aktar eżempji.

Għalhekk, fil-familja, fil-parroċċa, fl-iskola u fil-postijiet tax-xogħol, kulfejn inkunu, inqisu li ma nitilfu ebda okkażjoni biex inħobbu.  Din hi s-sahra li jitlob minna Ġesù: li nidraw inkunu attenti, lesti, sensibbli għal xulxin kif Hu jġib ruħu magħna f’kull mument ta’ ħajjitna.

Ħuti, inqiegħdu dix-xewqa u dan l-impenn f’idejn Marija: ħalli tgħinna Hi, Kewkba ta’ filgħodu, biex f’dinja mifnija minn tant firdiet, inkunu “għassiesa” tal-ħniena u tal-paċi, kif għallimna San Ġwanni Pawlu II (cfr Velja ta’ talb fil-Jum Dinji taż-Żgħażagħ, 19 ta’ Awwissu, 2000) u kif urewna b’mod tant sabiħ iż-żgħażagħ li ġew Ruma għall-Ġublew.

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

inkomplu nitolbu  sabiex jintemmu l-gwerer.  It-80 anniversarju tal-bumbardamenti ta’ Hiroshima u Nagasaki qajjmu kuxjenza fid-dinja kollha li hu dmirna nirrifjutaw il-gwerra bħala mod li bih insolvu l-kunflitti.  Kulmin jieħu d-deċiżjonijiet għandu dejjem iżomm f’moħħu r-responsabbiltà tal-konsegwenzi li l-għażliet li jagħmel iġibu fuq il-popolazzjonijiet.  Ħadd m’għandu jinjora l-ħtiġijiet tal-aktar dgħajfa u x-xewqa universali tal-paċi.

F’das-sens nifraħ lill-Armenja u lill Ażerbajġan li laħqu ftehim u flimkien iffirmaw Dikjarazzjoni ta’ paċi.  Nawgura li dan il-fatt ikun kontribut lejn paċi stabbli u dejjiema fil-Kawkasu tan-nofsinhar.

Imma s-sitwazzjoni tal-popolazzjoni ta’ Haiti qed issir dejjem aktar waħda ta’ disperazzjoni.  L-aħbarijiet ta’ omiċidji, vjolenza ta’ kull għamla, negozjar tal-persuni, eżilji forzati u ħtif, qed jaslu bla waqfien.  Nagħmel appell minn qigħ qalbi biex minnufih jinħelsu l-ostaġġi u nitlob is-sostenn konkret tal-komunità internazzjonali ħalli jinħolqu l-kundizzjonijiet soċjali u istituzzjonali li jippermettu lill-Haitjani jgħixu fil-paċi.

Insellem lilkom ilkoll fidili minn Ruma u pellegrini minn diversi pajjiżi, partikolarment lil dawk minn Woodstock, Georgia, fl-Istati Uniti, u lil dawk mid-djoċesi ta’ Down and Connor fl-Irlanda.

Insellem lill-membri tal-Operazione Mato Grosso minn diversi bliet tal-Italja u lill-gruppi parrokkjali minn Stezzano, Medole u Villastellone.

Grazzi lil kulħadd tal-preżenza u t-talb tagħkom.  Il-Ħadd it-tajjeb!

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading