Il-Ħadd, 10 ta’ Awwissu 2025: Omelija mill-Em.T. il-Kardinal Legat Mario Grech, Segretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet fil-Pontifikal Solenni ta’ Radt il-Ħajr fl-okkażjoni tal-50 Anniversarju tal-Inkurunazzjoni tal-Kwadru titulari tal-Assunta meqjuma fil-Katridral ta’ Għawdex.
Quddiesa sħiħa:
Omelija biss:
Omelija mill-Kardinal Mario Grech
Il-ġrajja tal-lum, 50 sena mill-inkurunazzjoni tal-Kwadru titulari tal-Assunta, mhix biss okkazzjoni biex nagħmlu memorja ta’ avveniment storiku li għexet il-Knisja f’Għawdex f’din il-Knisja Omm, imma għandha tkun ukoll mument ta’ valutazzjoni tal-qagħda attwali tal-ħajja Nisranija b’viżjoni programmatika għall-ġejjieni. Fi kliem ieħor, inħoss li llum filwaqt li nirrikonoxxu l-għeruq spiritwali u ekkleżjali ta’ ġensna, filwaqt li nagħmlu ċelebrazzjonijiet biex bi gratitudni nfakkru lill-proġenturi tagħna li għaddewlna dan il-wirt ta’ twemmin u valuri daqshekk nobbli u sinifikattiv li sawwar il-ħajja ta’ għadd ta’ individwi, familji, soċjetajiet filantropiċi u mużikali, fl-istess ħin però, l-istess kunsens popolari milħuq 50 sena ilu biex fl-okkazzjoni tal-25 sena mid-Domma tal-Assunta jsir dan ir-rikonoxximent ta’ Santa Marija bħala Sultana tal-Għawdxin, iqiegħed fuq spallejna d-dmir li nistaqsu jekk nofs ta’ seklu wara għadx fadal dan il-“kunsens popolari” u jekk il-qafas soċjali tal-lum huwiex tali li joffri serħan tal-moħħ li dan il-wirt ser jiġi trasmess lill-ġenerazzjonijiet futuri. Fi knisja sinodali din mhix biss responsabilità tal-isqof tad-djoċesi waħdu imma tal-imgħammdin kollha fit-tħaddim ta’ dik il-“korresponsabilità differenzjata” (Dok. Finali tas-Sinodu 2024), li tagħni lill-poplu qaddis ta’ Alla, mistennija li jwieġbu skont is-sejħa u l-missjoni ta’ kull wieħed u waħda.
L-għażla li għamel il-Poplu Għawdxi meta kkontribwixxa biex saret l-kuruna tal-Assunta ma kinitx frott ta’ xi għamla ta’ partiġġjaniżmu jew folklor reliġjuż imma kienet għażla mnebbħa mill-Iskrittura u t-tradizzjoni antika tal-Knisja. Infatti t-twemmin li Marija, li aħna nqimu fil-ġrajja straordinarja tat-tlugħ tagħha fis-Sema bir-ruħ u l-ġisem, hija Sultana tal-ħolqien kollu, għandu fundament bibliku u huwa rikonoxxut mit-tagħlim tal-Missirijiet tal-Knisja sa mis-seklu IV, fosthom San Girgor Nazjanzenu u San Ġirolmu.
Li Sidtna Marija, li fi kliem Sant’Indrija minn Kreta hija “Reġina tal-ġeneru uman kollu”, hija nkurunata huwa kkonfermat mill-awtur tal-ktieb tal-Apokalissi: “Mara, liebsa x-xemx, bil-qamar taħt riġlejha, u b’kuruna ta’ tnax-il kewkba fuq rasha” (Apok 12:1). Fost dawk li jinterpretaw dawn is-simboli bibliċi hemm qbil li dawn it-tnax-il kewkba jirrappreżentaw it-tnax-il tribù ta’ Iżrael – fi kliem ieħor huma l-poplu l-magħżul ta’ Alla. Oħrajn iżidu jgħidu li f’din il-kuruna ta’ tnax-il kewkba għandna rappreżantazzjoni tat-tnax-il Appostlu li fuqhom Ġesù waqqaf il-Knisja raffigurata f’Marija.
Però mal-prova taż-żmien din il-kuruna, fiż-żewġ tifsiriet tagħha, mhux biss tilfet il-ġmiel tagħha imma saħansitra ġarbet ħsarat. Fil-każ tat-tnax-il tribu, dawn l-ewwel infirdu f’żewġ fazzjonijiet – dawk ta’ fuq u dawk ta’ isfel – imbagħad seħħet l-ewwel invażjoni barranija, dik tal-Assirja (722 q.K.).
Hawnhekk il-poplu t’Alla tħallat ma’ nies bla ebda twemmin jew idolatri li fin fin infiltraw bl-imġieba pagana tagħhom fil-ħajja ta’ dawk li kienu jemmnu f’Alla ta’ Abraham, ta’ Iżakk u ta’ Ġakobb. Bil-mod il-mod il-poplu l-magħżul beda jinnamra ma’ stili ta’ ħajja li kienu jikkuntrastaw qatigħ ma’ dak imnebbaħ minn Alla. Tilfu l-boxxla morali u saru bla skruplu. Ftaqru spiritwalment tant li nsew lil Alla. Għalkemm fil-qoxra baqa’ poplu reliġjuż, għalih Alla qal: “Dal-poplu resaq ħdejja b’fommu u b’xufftejh biex iqimni imma qalbhom ’il bogħod minni” (Is 29:13) Is-seħer tal-paganiżmu ħatfilhom qalbhom, moħħhom u ruħhom. L-awtur tat-Tieni Ktieb tas-Slaten jiddeskrivi l-invażjoni tal-Assirja b’dan il-kliem: “Is-sultan tal-Assirja karkar fl-eżilju lil Iżrael fl-Assirja […] għax huma ma semgħux mill-kelma tal-Mulej, Alla tagħhom, kisru l-patt, u ma semgħux u lanqas għamlu dak kollu li kien ordnalhom Mosè, il-qaddej tal-Mulej” (2Slat 18:11.12).
Kien frott ta’ din l-esperjenza qarsa li wara għadd ta’ snin, fi ħdan il-fdal tal-poplu t’Alla – għax minn poplu kbir kien sar minoranza – bdew jitkellmu dwar ir-restawrazzjoni ta’ dak il-ġens li kien tilef l-identità tiegħu. Hekk reġgħet bdiet tixgħel il-fjamma tat-tama fil-qalb tal-poplu li beda jinbena mill-ġdid. Il-bidu ta’ dan il-proċess ta’ tqegħid mill-ġdid ta’ pedamenti sodi għal dan il-poplu, kienet is-sejba li għamel ir-Re Ġosija ta’ dik li nistgħu nsejħulha l-ġebla tax-xewka li fuqha sserraħ il-binja kollha: il-Kelma t’Alla (cfr 2Kron 34:14).
Hekk il-kuruna tat-tnax-il tribu reġgħet bdiet tiġi restawrata – proċess ta’ tisfija u tiġdid li rrepeta ruħu drabi oħra sakemm fl-aħħar ġie Kristu.
Bil-mandat mogħti lili mill-Papa Ljun XIV biex f’din l-okkażjoni “insaħħaħ fil-ferħ tal-Vanġelu lill-poplu miġbur flimkien”, konxju li l-antenati tagħna fi kliem il-Papa Ljun, “żejnu b’kuruna ta’ deheb u ġawhar magħżul biex jesprimu l-imħabba li ma titfissirx bil-kliem ta’ Alla lejn il-bnedmin”, illum nixtieq nagħmel mistoqsija waħda: aħna konxji li l-kuruna li tilma fuq ras Santa Marija tagħna jista’ jiġrilha bħall-kuruna ta’ tnax-il kewkba li tirrappreżenta t-tnax-il tribù ta’ Iżrael jew aħjar il-poplu l-magħżul t’Alla?
Aħna konxji li kif ġara fl-istorja tal-poplu t’Alla fi żmien qabel Kristu jista’ jiġri ukoll lill-poplu qaddis t’Alla miksub bit-twelid, il-passjoni, il-mewt u l-qawmien ta’ Iben Alla u Iben Marija? Aħna konxji li fostna għaddejja invażjoni ta’ qawwiet kulturali u pseudo-kulturali minn barra, b’kompliċi lokali, li min-naħa qed tkattar il-ġid tal-ftit u fl-istess ħin toħloq għamliet ġodda ta’ faqar? qed tnaqrilna t-teżor tal-valuri u l-virtujiet umani?; qed tisseduċina gradwalment b’tali mod li saħansitra qed tnessina lil Alla – u min jarmi lil Alla jasal biex jarmi lill-bniedem?; qed tqabbadna toroq li jdaħħluna ġol-ħajt b’konsegwenza li għandna għadd ta’ persuni u familji midruba anke gravament?; qed tisirqilna l-libertà vera għax toħolqilna għadd ta’ dipendenzi?; qed twassalna biex nixtru l-karfa u narmu d-deheb?; qed toffrilna l-pjaċir imma mhux il-ferħ? Fuq kollox invażjoni li qed tisirqilna t-tama vera?
Billi fl-ittra li semmejt aktar ’l fuq il-Papa Ljun XIV jitlobni biex “b’ħeġġa” ngħallem “lil poplu ta’ Alla dwar l-interċessjoni tal-Imqaddsa Marija u l-Assunzjoni tagħha”, f’din l-okkażjoni solenni neżortakom tgħassu biex il-kuruna li qed iżżejjen lil Santa Marija tibqa’ sħiħa u bla mittiefsa billi tkun kuruna li tirrappreżenta l-poplu qaddis t’Alla f’din il-gżira. Jekk mir-riflessjoni li nistedinkom tagħmlu taħt it-tmexxija għaqlija tal-Isqof tagħkom taraw li l-kuruna qed tixxaqqaq, huwa urġenti li flimkien nieħdu bis-serjetà ħidma ta’ restawrazzjoni li l-fundament tagħha huwa Kristu u l-Vanġelu tiegħu. Kif lir-Re David li ried jibni tempju lil Alla, il-Mulej qallu: “mhux int tibni dar lili; jien nibni dar lilek.” (cfr 2Sam 7:5.7.27); hekk lil Santa Marija, li 50 sena ilu qiegħednilha l-kuruna u llum qed nerġgħu nġeddu dan l-att reliġuż, nisimgħuha tgħidilna: “mhux intom tqiegħdu kuruna lili; jien ngħinkom tiksbu l-kuruna li ma titbielx” (cfr. 1Kor 9:25). B’dan il-mod il-poplu Għawdxi, il-poplu tal-Assunta, ikun kuruna prezzjuża fuq rasha.