Qaddej ta’ Alla, tal-Knisja u tal-foqra. Omelija tal-Isqof Anton Teuma

Il-Ħadd, 10 ta’ Awwissu 2025: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fil-Festa titulari u liturġika ta’ San Lawrenz. Knisja Parrokkjali ta’ San Lawrenz, San Lawrenz.

Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma

Qed ngħixu f’soċjetà fejn kulma jmur qegħdin nitilfu element importanti ħafna, li jagħmel parti mill-imħabba u mir-relazzjonijiet: l-element tal-qadi.

Tlifna l-element tal-qadi

Li taqdi m’għadux unur, m’għadux sinjal ta’ dinjità. Li taqdi sar iktar sens ta’ skjavitù, piż, madmad u toqol. Kemm sar diffiċli, ngħidu aħna, biex trabbi t-tfal! Kemm sar iktar faċli li aħna noħorġu għax-xogħol u lit-tfal nagħtuhom lil xi ħadd biex jaqdihom hu, forsi kultant anki bi ħlas! Għax li taqdi fis-sempliċità, fl-ordinarjetà tal-ħajja ta’ kuljum, sar toqol u piż. Kemm saret diffiċli, ngħidu aħna, taqdi lil persuni anzjani fid-dar! Nippreferu mmorru naħdmu biex ikollna l-flus, imma ma nkunux marbutin, għax li taqdi jfisser tkun marbut. Li taqdi jfisser ikollok impenji li tiddedika ruħek għalihom li jitolbu ħafna enerġija, ħin, dedikazzjoni. Kemm sar diffiċli, ngħidu aħna, għal ħafna nies li jaħdmu, li mbagħad jaqdu fl-affarijiet sempliċi tal-ħajja ta’ kuljum tad-dar! Inġibu lis-seftura, inġibu lil persuna li tista’ tgħinna biex inżommu d-dar ordnata u nadifa. Nistgħu nibqgħu sejrin, għax anki fejn tidħol id-dinja tax-xogħol. Intom bħali kultant toħorġu f’ristorant u tindunaw kemm hu diffiċli tiltaqgħu ma’ qaddej, wejter, li huwa Malti jew Għawdxi. L-istess fi professjonijiet oħra illi jitolbu impenn, sagrifiċċju, dedikazzjoni.

Kulma jmur il-qadi bħala karatteristika tal-imħabba, bħala l-wiċċ prattiku tal-imħabba fir-relazzjonijiet – jekk inħobbok, jien naqdik, anzi naqdik biex inħobbok, u nkun kuntent u realizzat meta naqdik, għax qiegħed inħobbok – qiegħed jisparixxi bil-mod il-mod mill-ħajja tas-soċjetà. Jekk aħna nirriflettu ftit, forsi min għandu ftit taż-żmien bħali jara illi dan huwa fenomenu li bil-mod il-mod, aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar qiegħed jikber. Il-qadi m’għadux karatteristika tal-imħabba, imma qiegħed isir xogħol bi ħlas. Araw, ngħidu aħna, anki l-istess għaqdiet tal-volontarjat, jekk hux bil-mod il-mod kollox qiegħed isir bi prezz, bi flus! Xi ħaġa ħażina? Xi ħaġa tajba? Mhux se niġġudikaw. Kull wieħed u kull waħda minna għandu l-intelliġenza biex jaħseb, jirrifletti u anki jiġġudika u jiddeċiedi f’qalbu.

Dan il-moviment li għadni kif semmejt, aħna qed narawh fis-soċjetà tagħna, jiġifieri li l-qadi minn esperjenza sabiħa fis-soċjetà tagħna qiegħed isir bil-mod il-mod skjavitù. M’għadniex fid-dinja tal-iskjavi, fid-dinja tal-klassijiet soċjali, u allura jrid jitħallas. Imma kemm jista’ jkun ix-xogħol irridu neħilsu minnu malajr. Intom tafu li l-ħaddiem tal-Gvern suppost jissejjaħ civil servant. Kemm hi ħaġa sabiħa kieku nerġgħu niskopruha d-dinjità ta’ persuna li taqdi fiċ-Ċivil, li taqdi lill-pajjiż, li taqdi lis-soċjetà! Imma, bla ma nkun negattiv, aktarx li tkun civil servant saret xi ħaġa li jekk jista’ jkun trid teħles minnha malajr. Titħallas, imma teħles minnha malajr kemm jista’ jkun. Titħallas, imma mbagħad tmur tagħmel xi ħaġa oħra.

Moviment bil-maqlub

Fl-Iskrittura dan il-moviment insibuh bil-maqlub. Fit-Testment il-Qadim għandna l-idea tal-ilsir. Abraham kellu l-iskjava. Ġakobb u l-familja kbira tiegħu kellhom l-iskjavi. Il-poplu ta’ Alla, il-poplu ta’ Iżrael kien ilsir fl-Eġittu. Kien jaqdi wkoll, imma kien skjav, u kemm jista’ jkun ried jeħles minnha malajr. Jekk inti skjav, jekk inti lsir, din il-ħaġa trid teħles minnha malajr. Imma fit-Testment il-Ġdid ma’ din l-idea ta’ skjavitù, mal-kelma doulos, daħletkelma oħra sabiħa: il-kelma diaconos, li llum fil-Vanġelu (Ġw 12:24-26) niltaqgħu magħha tliet darbiet: “Dak li jaqdini”, jgħid Ġesù, “huwa dixxiplu tiegħi, jimxi warajja”. “Min jaqdini, iħobbni”. “Min jaqdini, Missieri jħobbu”. Ġesù jrid jerġa’ jgħinna, b’moviment bil-maqlub, li miexi bil-kontra ta’ dak li fih miexja s-soċjetà tagħna, li nieżla mill-qadi bl-imħabba għall-skjavitù bi flus, għall-jasar bi ħlas.

L-Iskrittura allura, bl-għajnuna tal-esperjenza tal-Verb inkarnat, tippreżentalna l-qadi ta’ Alla li ma joqgħodx ifittex tiegħu li hu daqs Alla imma jsir bniedem, jiċċekken u jsir qaddej, isir doulos. Din hi l-kelma li juża San Pawl fl-Ittra lill-Filippin, kapitlu 2: isir skjav, isir ilsir. Imma ma’ din il-kelma tiżdied diakonos, djakonija. Għalfejn San Lawrenz hu d-djaknu? Għalfejn San Lawrenz mhux l-iskjav, imma hu l-qaddej bl-imħabba? Għax din il-kelma djakonija tfisser mhux nuqqas ta’ dinjità, mhux diżgrazzja, mhux li jkollok isservi għax bilfors, imma tfisser tħobb persuna tant illi moħħok il-ħin kollu sejjer biex idejk u saqajk juru din l-imħabba permezz ta’ ġesti konkreti, permezz tal-qadi.

Id-dinjità tad-djakonija mhix ġejja mill-ħwejjeġ li nilbsu, mill-isem soċjali illi aħna nistgħu nqanqlu jew noħolqu bl-approvazzjoni tal-oħrajn, għax aħna djakni jew saċerdoti. Mhux minn hemm ġejja d-dinjità, imma mis-sbuħija tal-imħabba li titlaq miċ-ċentru tal-qalb tal-bniedem u ssir missjoni. L-imħabba mingħajr azzjoni, mingħajr opri, hija mħabba ta’ biċ-ċajt; hi mħabba tad-diski, tal-paroli, tas-sentimenti. Jekk trid tkun taf jekk xi ħadd iħobbokx ta’ veru jew le – mistoqsija li jkollna nagħmluha meta jkun hemm kriżijiet f’relazzjonijiet – il-mistoqsija li ssolvilek din il-problema hi: x’tagħmel għalik jew x’jagħmel għalik? Mhux x’jgħidlek bil-kliem, mhux x’messaġġi u emailsjibgħatlek, mhux kemm jgħidlek kliem sabiħ, imma x’jagħmel għalik jew x’tagħmel għalik? Dik hi l-prova vera tal-imħabba… kemm hi djakonija, kemm hi qadi bil-ferħ il-ħajja ta’ persuna li tħobb!

Għalhekk jien illum nixtieq nippreżenta lil dan iż-żagħżugħ mimli enerġija bħala d-djaknu, bħala l-qaddej, bħala dak li jgħinna lilna wkoll niskopru s-sabiħ tas-servizz, li taqdi lill-oħrajn, li l-imħabba ssir konkreta. Konkreta meta ma tibqax platonika jew sempliċiment sesswali, imma tkun imħabba vera, li tittraduċi ruħha bil-fatti. Dan huwa d-djaknu San Lawrenz! San Lawrenz jippreżenta ruħu quddiemna bħala persuna mimlija tant bl-imħabba illi din l-imħabba ma jistax iżżommha fil-ġisem tiegħu imma jrid joħorġha barra f’għemil l-ewwel u qabel kollox lejn Alla, lejn il-Knisja, imma fuq kollox lejn il-foqra.

Qaddej ta’ Alla

Intom tafu li San Lawrenz jitwieled minn familja Nisranija fi Huesca, raħal żgħir fi Spanja, fis-sena 225 wk, ftit snin biss wara l-Appostli, fi żmien ta’ persekuzzjonijiet, meta l-Imperu Ruman kien fl-aqwa tiegħu. Trabba f’din il-familja sabiħa, Nisranija, u minn kmieni jiltaqa’ mal-persuna ta’ Ġesù qaddej; ma’ Ġesù illi ma jfittixx li jkun moqdi imma li jaqdi; ma’ Ġesù li huwa l-istess xbieha ta’ Alla l-Missier, li kontinwament, fil-providenza tiegħu, qiegħed jaqdina. Anki f’dan il-mument preċiż, Alla ma jieqaf qatt jaqdina. Kieku jieqaf jaqdina, aħna sempliċiment ma nibqgħux neżistu. Mhux immutu, imma ma nibqgħux neżistu! In-nifs tagħna jaf din l-imħabba kontinwa ta’ Alla għalina, imqar bħalissa.

San Lawrenz kiber u trabba f’din l-esperjenza ta’ mħabba, megħjuna mill-kura ta’ relazzjoni b’saħħitha fil-familja tiegħu. Waqt li kien qiegħed jikber bħala tfajjel, jiltaqa’ ma’ dan il-Papa għaref Sistu, li kien ġej mill-Greċja, u dan jagħżel li jieħdu miegħu Ruma biex ikompli jħejjih u jippreparah fl-għerf u fl-istudju. Hawnhekk San Lawrenz jgħallimna lilna lkoll, b’mod speċjali lil dawk minna li studjaw xi ftit u forsi ħafna, illi l-istudju u x-xjenza juruna verament il-bżonn u l-ħtieġa ta’ Alla. Xjenzat kbir Taljan darba qal espressjoni li laqtitni tassew: Min jistudja ftit, min sempliċiment jagħmilha ta’ xjenzat, isir ateu u ma jibqax jemmen f’Alla. Imma min jistudja fil-profond, min jistudja tassew, ix-xjenzat ta’ veru, jinduna kemm hu limitat u ma jafx. Jinduna kemm minn dak li ma jafx ’l hinn, hemm id-divinità, hemm Alla, hemm xi ħaġa ikbar minnu, li lilu tissuperah. Ix-xjenzati ta’ veru jgħinuna nindunaw li aħna m’aħniex biżżejjed għalina nfusna.

Dan kien San Lawrenz: bniedem għaref u intelliġenti, tant li sal-lum il-ġurnata huwa meqjus bħala l-Protettur u l-Patrun tal-bibljotekarji, ta’ dawk li jieħdu ħsieb l-għerf u l-intelliġenza miġbura f’kotba. Fl-għaqal u l-għerf tiegħu, San Lawrenz jiddedika ħajtu għall-qadi ta’ Alla, l-ewwel u qabel kollox. Iħobb lil Alla fuq kollox u fuq kulħadd. L-ewwel li jiġi f’ħajtu huwa Alla.

Hawnhekk aħna diġà msejħin inkomplu fl-eżami tal-kuxjenza tagħna: Imma għalija u għalina, Alla jiġi l-ewwel u fuq kollox? Jew forsi niġi jien l-ewwel u qabel kollox? Jew forsi jiġu xi persuni madwari l-ewwel u qabel kollox? Jew forsi jiġu l-pjanijiet u l-proġetti tiegħi l-ewwel u qabel kollox? San Lawrenz qiegħed jagħtina sfida dalgħodu, lili l-ewwel wieħed, u qed jgħidli: Inti qaddej ta’ Alla? Qaddej ta’ Alla bis-serjetà u bl-għemil? Qaddej ta’ Alla billi l-imħabba li għandek għalih ġewwa qalbek issir konkreta fl-għemejjel? Jew inkella kapaċi tparla u tpaċpaċ, imma mbagħad fil-ħajja privata tiegħek, dik li ma tidhirx, tagħmel u tirraġuna mod ieħor? Din hi l-ewwel sfida li qed jagħmlilna San Lawrenz dalgħodu!

Qaddej tal-Knisja

Imma San Lawrenz ma kienx biss qaddej ta’ Alla. Kien ukoll qaddej tal-Knisja. Nafuha l-istorja meta fis-6 ta’ Awwissu 258 ġie maqbud il-Papa Sistu II, dak li kien id-direttur spiritwali tiegħu, dak li kien jieħu ħsiebu, li kien għamlu saħansitra Arċidjaknu (id-djaknu l-kbir fost is-sebgħa li kellha l-Knisja) biex jieħu ħsieb il-ġid u jamministra dak li kellha l-komunità Nisranija ta’ Ruma. Meta l-Papa Sistu ġie maqbud mill-Imperatur Valerjanu f’persekuzzjoni ħarxa, ġie meħud għall-martirju, imma l-imħabba li kellu Lorenzo d-djaknu, dan iż-żagħżugħ mimli mħabba lejn Alla u lejn il-Knisja, wasslitu biex fid-djalogu li jagħmel mal-Papa Sistu jitlob: ‘Għaliex ħallejtni waħdi? Għaliex inti mort għall-martirju u lili ħallejtni hawn?’. Araw l-imħabba u l-fedeltà li kellu dan iż-żagħżugħ lejn il-Papa, lejn dak li kien responsabbli mill-komunità ta’ Ruma u mill-komunità Nisranija universali!

Imma din l-imħabba li Lorenzo kellu lejn il-Knisja tidher b’mod speċjali fl-imħabba li kellu anki lejn il-ministri l-oħra li kienu jgħinuh fiż-żmien diffiċli, iż-żmien li kienet qed tgħix il-Knisja tal-bidu f’dawk il-mumenti tal-periklu kontinwu, prattikament fil-moħba fil-parti l-kbira tagħha, fil-ħajja liturġika tagħha, fil-katakombi taħt l-art. F’dawn il-mumenti delikati Lorenzo kien jieħu ħsieb mhux biss iqassam il-ġid lil dawk li kellhom bżonn fost il-ministri tal-Knisja. Imma fuq kollox kien jieħu ħsieb isostni u jimmotiva bil-kelma u bil-preżenza tiegħu u jagħmel kuraġġ lil dawn il-persuni li kellhom imbagħad ikunu l-animaturi tal-komunitajiet iż-żgħar fil-bqija tal-belt ta’ Ruma. Kien hu l-enerġija, kien hu l-qawwa u l-ħeġġa illi f’dak iż-żmien diffiċli ta’ persekuzzjoni kienet tasal għand id-diversi nies, b’mod speċjali dawk l-iktar li kienu qed jaqtgħu qalbhom u jitbiegħdu mill-fidi.

Illum m’aħniex fi żmien ta’ persekuzzjoni daqshekk attiva, imma fi żmien ta’ persekuzzjoni passiva. Ħadd mhu qiegħed jiġi quddiemna b’xi arma ma’ rasna u jgħidilna biex niċħdu l-fidi. Imma qegħdin ngħixu fi żmien illi fih il-mentalità, il-kultura u l-għażliet li jsiru fl-Ewropa, anki f’pajjiżna, bil-mod il-mod qegħdin jippruvaw jeħdulna dak li hu l-iktar essenzjali, dak li hu l-iktar għal qalbna. Hemm bżonn li aħna bħal Lorenzo nħobbu l-Knisja, inħeġġu lil xulxin, b’mod speċjali dawk li huma iktar f’saħħithom fil-fidi jqawwu u jħeġġu lil dawk li huma inqas f’saħħithom. Hemm bżonn li aħna llum, f’‘Ruma’ tal-lum, fi żmien ta’ persekuzzjoni passiva, ta’ kultura, ta’ mentalità, nieħdu din il-qawwa minn Lorenzo, b’mod speċjali intom, ir-raħal ta’ San Lawrenz. M’hawnx raħal ieħor f’Għawdex li jidentifika l-isem tar-raħal mal-isem tal-qaddis Patrun u Protettur tal-Parroċċa. Intom, iktar minn ħaddieħor, għandkom din il-missjoni li tkomplu tgħinu u tħeġġu lill-bqija tal-poplu Għawdxi u Malti, illum mifruxin mhux biss ma’ Għawdex kollu u ma’ Malta kollha imma anki mal-Ewropa u lil hinn, biex dan l-essenzjal tal-fidi, dan il-patrimonju li tatna l-Knisja u n-nies ta’ qabilna, inħarsuh u nieħdu ħsiebu.

Qaddej tal-foqra

Fl-aħħar, San Lawrenz kien il-ħabib u qaddej kbir tal-foqra. Għadhom jidwu f’widnejna l-kliem u r-ritornelli kontinwi tal-Papa Franġisku: ‘Knisja tal-fqar’, ‘Knisja li tħobb il-fqar’, ‘Knisja li għandha tgħin lill-fqar’, ‘Knisja li għandha tkun tal-emarġinati’. Il-Papa ma qal xejn ġdid, imma sempliċement irrepeta dak li kienet il-Knisja fil-bidu, dik li kienet is-sejħa prinċipali tal-Knisja, imwaqqfa minn Ġesù li sar fqir. Fl-Ittra ta’ San Pawl lill-Filippin (2:7) insibu din il-kenosi: Hu li kellu kollox, ma qagħadx ifittex tiegħu, imma sar fqir. Jekk il-kap tal-Knisja tagħna huwa fqir, allura l-Knisja trid tkun Knisja tal-foqra.

Aħna tgħallimnieha bl-amment dik l-espressjoni ta’ meta Valerjanu qallu: ‘Fejn hu l-ġid tal-Knisja?’, u San Lawrenz bħala l-ġid tal-Knisja ħadlu l-foqra, il-batuti, ir-romol, l-orfni u l-anzjani. Dawn huma l-ġid tal-Knisja! Possibbli dawn għadhom il-ġid tal-Knisja? Dawn għadhom il-ġid tiegħi? Dawn għadhom il-persuni ppreferuti tiegħi? Dawn għadhom il-persuni illi jien kuljum irrid infittex li naqdi? Dawn għadhom il-persuni li jien iddedikajt ħajti għalihom biex nagħmilhom aħjar? Din il-mistoqsija rridu nagħmluha l-ewwel aħna, il-ministri tal-Knisja, imma mhux biss. Il-kelma ‘ministru’ tfisser qaddej, hija kelma oħra biex tgħid diakonos u doulos, mhux biss fil-Knisja imma anki fis-soċjetà.

Jien tassew qaddej tal-foqra?

Jekk l-imħabba tiegħi lejn Alla u lejn il-Knisja ma tissarrafx fi mħabba konkreta lejn il-fqir, lejn il-batut u l-marid, jien nista’ naqa’ f’ħafna inganni. Fis-soċjetà tagħna, fejn kulħadd għandu alla għalih – jiġifieri ngħidu li nemmnu f’Alla, imma fil-ħajja ta’ dejjem ma nemmnux, jew imbagħad fl-Ewkaristija ma nemmnux – jekk l-imħabba tagħna ma tissarrafx fi mħabba lejn il-fqir, faċli ħafna li nipproġettaw f’Alla n-narċisiżmu tagħna. Nimmaġina li jien u Alla, aħna ħaġa waħda. Nimmaġina li dak li ngħid jien, jgħidu Alla, u dak li jgħid Alla, ngħidu jien. Nimmaġina li la għandi raġun jien, Alla jaqbel miegħi. Nimmaġina li m’hemmx differenza bejni u bejn Alla. Kemm hi faċli din fis-soċjetà tagħna llum! Aħna ngħidu li kulħadd jagħmel li jrid! U żgur li kulħadd jagħmel li jrid, jekk dħalna f’din il-mentalità ta’ narċisiżmu pproġettat fuq Alla! Alla qiegħed hemm biex jaqdi lili u mhux bil-kontra, jien biex naqdi lilu!

Allura l-imħabba tiegħi lejn Alla biss waħedha tista’ tkun sempliċement projezzjoni tan-narċisiżmu tiegħi. Nista’ ninqeda bil-Knisja biex nasal fejn irrid. Nista’ ninqeda bil-Knisja biex ikolli status jew nilbes sabiħ. Nista’ ninqeda bil-Knisja biex l-oħrajn japprovawni u jċapċpuli. Nista’ ninqeda bil-Knisja b’elf mod. Mhux naqdi lill-Knisja, imma ninqeda biha. Imma miskina din il-Knisja li nħobbha biex ninqeda biha.

Imma meta l-imħabba lejn Alla u l-imħabba lejn il-Knisja tissarraf fi mħabba lejn il-batut, lejn il-fqir, lejn il-persuna li mhi se tagħtini xejn lura, allura dik l-imħabba hija vera u awtentika. Allura l-qadi tiegħi hu tassew djakonija, hu tassew ġej minn qalb li tħobb u ma tistrieħx jekk l-imħabba li hemm fiha ma tissarrafx f’għemil.

San Lawrenz, inti li kont djaknu, inti li kont qaddej, skjav bil-ferħ u bi mħabba lejn il-Missier, lejn il-Papa u lejn il-Knisja, imma fuq kollox bi mħabba lejn il-foqra, tant illi lil Valerjanu ħadtlu l-foqra bħala l-ġid tal-Knisja, għinna ma nitilfux, anzi nerġgħu niskopru u nirkupraw dan is-sens veru u profond ta’ qadi li suppost huwa l-karatteristika fundamentali tagħna l-Insara: “Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, mill-imħabba ta’ bejnietkom” (Ġw 13:35). Agħtina, San Lawrenz, li nixbhuk xi ftit. Kun magħna, għinna int bil-qawwa u l-ħeġġa tiegħek, kif għent lin-nies b’qalbhom maqtugħa ta’ Ruma, li kienu għaddejin minn persekuzzjoni attiva tal-Imperu Ruman kontra tagħhom. Għinna, lilna li għaddejjin minn persekuzzjoni passiva, biex aħna wkoll nibqgħu qawwija u sħaħ f’dak li għaddewlna missirijietna.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading