Il-Kardinal Mario Grech, Legat tal-Papa fil-50 sena tal-Inkurunazzjoni tal-Kwadru Titulari tal-Katidral ta’ Għawdex

IL-KARDINAL LEGAT MARIO GRECH IMEXXI
Ċ-ĊELEBRAZZJONI TAL-50 ANNIVERSARJU TAL-INKURUNAZZJONI
TAL-KWADRU TITULARI TAL-KATIDRAL TA’ GĦAWDEX

L-Em.T. Mario Grech, Segretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet u Legat tal-Papa Ljun XIV, illum fis-6.00pm mexxa Pontifikal Solenni fil-Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria, b’tifkira taċ-ċinkwantenarju mill-Inkurunazzjoni Pontifiċja tal-Kwadru titulari tal-istess Katidral b’kuruna tad-deheb, li kienet saret fil-15 ta’ Awwissu 1975 fi Pjazza Savina, mill-Kardinal Legat tal-Papa Pawlu VI, l-Em.T. Franjo Šeper, kif ukoll tal-75 anniversarju mid-dikjarazzjoni tad-Domma tal-Assunta.

Il-Kardinal Grech ġie milqugħ mill-Kapitlu Katidrali u mill-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma li indirizzah b’kelmtejn ta’ merħba: “Illum qegħdin nilqgħuk fostna mhux biss bħala Predeċessur tiegħi; mhux biss bħala wieħed li min jaf kemm tela’ u niżel hawn biex jagħti servizz bħala Kappillan tal-Kor; mhux biss bħala Għawdxi li jħobb lil pajjiżu, il-Knisja u d-Djoċesi tagħna. Illejla qegħdin nilqgħuk f’dan il-Katidral sabiħ bħala l-Mibgħut tal-Papa. Għalina din hi okkażjoni tassew speċjali, għax fik illejla rridu naraw lill-Missier tagħna l-Papa Ljun XIV. Għalhekk nilqgħuk bl-għajnuna tal-Qalb bla tebgħa u kollha ġenerożità ta’ Ommna Marija… Irroddulek ħajr li lqajt it-talba tagħna u tal-Papa biex tkun hawnhekk fostna u twasslilna l-kelma tiegħu”.

Fil-Pontifikal Solenni li mexxa fil-Katidral, il-Kardinal Legat Mario Grech għamel riflessjoni fuq il-kuruna tad-deheb fuq ras l-Assunta li tevoka r-restawrazzjoni tal-poplu l-magħżul ta’ Alla. Dawn huma xi riflessjonijiet mill-omelija tiegħu:

Illum, filwaqt li nfakkru l-għeruq spiritwali u ekkleżjali ta’ ġensna, fl-istess ħin, l-istess kunsens popolari milħuq 50 sena ilu biex isir dan ir-rikonoxximent ta’ Santa Marija bħala Sultana tal-Għawdxin, iqiegħed fuqna r-responsabbiltà biex nistaqsu jekk il-qafas soċjali tal-lum huwiex joffri serħan il-moħħ li dan il-wirt se jiġi trasmess lill-ġenerazzjonijiet futuri.

Fi Knisja Sinodali, din mhix responsabbiltà biss tal-Isqof tad-Djoċesi, imma tal-imgħammdin kollha, li lkoll mistennija jwieġbu skont is-sejħa u l-missjoni ta’ kull wieħed u waħda minna.

L-għażla li għamel il-poplu Għawdxi meta kkontribwixxa biex saret il-kuruna tal-Assunta, ma kinitx frott ta’ partiġjaniżmu jew folklor reliġjuż, imma waħda mnebbħa mill-Iskrittura u t-Tradizzjoni antika tal-Knisja.

It-twemmin li Marija hi Sultana tal-ħolqien kollu għandu fundament bibliku – hu kkonfermat mill-awtur tal-Apokalissi – u hu rikonoxxut mill-Missirijiet tal-Knisja sa mis-seklu 4.

Fil-kuruna bit-tnax-il kewkba għandna rappreżentazzjoni kemm tat-tnax-il tribù ta’ Iżrael u kemm tat-tnax-il Appostlu, il-Knisja.

Maż-żmien din il-kuruna tal-poplu ta’ Alla ġarrbet ħsarat, għax Iżrael tilef il-boxxla morali. Is-seħer tal-paganiżmu ħatfilhom qalbhom, moħħhom u ruħhom. Hekk seħħu l-invażjoni u l-eżilju.

Kien frott din l-esperjenza qarsa, li l-fdal tal-poplu ta’ Iżrael beda jitkellem fuq restawrazzjoni ta’ dan il-ġens li kien tilef l-identità tiegħu. Hekk reġgħet bdiet tixgħel il-fjamma tat-tama biex il-poplu jinbena mill-ġdid. Il-bidu ta’ dan il-proċess kien is-sejba li għamel ir-Re Ġosija tal-ktieb qaddis tal-Kelma ta’ Alla, il-ġebla tax-xewka tal-poplu l-magħżul.

Hekk mela l-kuruna tat-tnax-il tribù, għalkemm tkissret, reġgħet bdiet tiġi rrestawrata. Dan il-proċess ta’ tiswija u tiġdid kompla jirrepeti ruħu sakemm ġie Kristu.

Bil-mandat mogħti lili mill-Papa Ljun XIV biex niġi nsaħħaħ fostkom il-ferħ tal-Vanġelu, illum nixtieq nagħmel mistoqsija waħda: Aħna konxji li l-kuruna li tilma fuq ras Santa Marija tagħna, jista’ jiġrilha bħall-kuruna li tirrappreżenta l-poplu magħżul? Aħna konxji li hekk ukoll jista’ jiġrilu l-poplu l-magħżul il-ġdid, mifdi bid-demm ta’ Kristu, Iben Marija? Aħna konxji li fostna għaddejja invażjoni ta’ qawwiet kulturali u psewdokulturali – b’kompliċi lokali wkoll – li qed tkattar il-ġid tal-ftit u fl-istess ħin toħloq faqar ġdid, qed tnaqqar id-dinjità umana, tisseduċina biex saħansitra ninsew lil Alla, tqabbadna toroq li jdaħħluna ġol-ħajt, tisirqilna l-libertà vera għax toħolqilna għadd ta’ dipendenzi, twassalna biex nixtru l-karfa u narmu d-deheb, toffrilna l-pjaċir u mhux il-ferħ, u fuq kollox qed tisirqilna t-tama vera?

Kif fl-ittra tiegħu l-Papa Ljun XIV jitlobni biex b’ħeġġa ngħallem lilkom dwar il-Verġni Marija u l-Assunzjoni tagħha, neżortakom biex iżżommu l-kuruna fuq ras Marija sħiħa u bla mittiefsa, biex tkun tassew kuruna li tirrappreżenta l-poplu ta’ Alla fi gżiritna. Jekk taraw li din il-kuruna qed tixxaqqaq, huwa urġenti li flimkien nieħdu bis-serjetà l-ħidma tar-restawrazzjoni li l-fundament tagħha huwa Kristu u l-Vanġelu tiegħu.

Bħalma qal Alla lis-Sultan David, Santa Marija qed tgħidilna: ‘Mhux intom tqiegħdu l-kuruna lili, imma jien ngħinkom tiksbu kuruna li ma tidbielx’. Hekk il-poplu Għawdxi, il-poplu tal-Assunta, ikun kuruna prezzjuża fuq rasha.

Wara l-Pontifikal li fih ikkonċelebra wkoll l-E.T. Mons. Savio Hon Thai-Fai sdb, Nunzju Appostoliku għal Malta, il-Banda Ċittadina Leone akkumpanjat b’daqq ta’ innijiet reliġjużi l-Kwadru titulari f’Purċissjoni lejn Pjazza Savina, fejn ħamsin sena ilu kienet seħħet l-Inkurunazzjoni. Fil-purċissjoni ħadu sehem ukoll il-Victoria Scout Group u delegazzjonijiet tal-Kapitli Kolleġġjali l-oħra ta’ Għawdex.

Hawn il-Kardinal Legat mexxa Ċelebrazzjoni ta’ Qima Marjana, b’mumenti ta’ qari, talb u daqq ta’ innijiet Marjani, li fiha ġġeddet il-Konsagrazzjoni tal-poplu Għawdxin lil Marija Assunta u ġiet offruta lix-xbieha tagħha Warda tad-Deheb. Il-Kardinal Grech qara l-Messaġġ mibgħut mill-Papa Ljun XIV għal din l-okkażjoni (mehmuż ma’ din l-istqarrija).

Ritratti: Katidral ta’ Għawdex

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading