Kitba ta’ Michael Caruana
Fejn hemm l-għaqda hemm is-saħħa, jgħid il-Malti. U hekk kien fis-sejħa tal-Knisja biex ilkoll ningħaqdu, nieħdu sehem fil-proċess ta’ konsultazzjoni mniedi mill-Gvern dwar l-ewtanasja assistita u ngħidu li m’aħniex interessati f’għajnuna li tgħin lil dak li jkun joqtol lilu nnifsu, isemmi l-editorjal tal-ħarġa ta’ Lulju-Aissu tar-rivista IL-ĦABBAR ta’ Sant’Antnin.

Aktar minn 30 organizzazzjoni mhux governattivi, gruppi u għaqdiet oħra f’Malta u Għawdex għaqqdu l-vuċi tagħhom f’appell ċar u qawwi lill-Gvern biex jinvesti fil-kura paljattiva u mhux fl-ewtanasja. Dan l-appell wasal fid-dawl ta’ proposti li jintroduċu l-assistenza għall-mewt fil-liġi Maltija.
Madankollu, fir-rispons tagħhom gruppi mediċi, akkademiċi, reliġjużi u ta’ difiża tad-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà wissew li, tali miżura, tista’ twassal għal tnaqqis fil-kwalità tal-kura u għall-emarġinazzjoni ta’ persuni vulnerabbli.
Barra minn hekk, fi stħarriġ li sar minn MISCO, 70 fil-mija tal-persuni residenti f’Malta wrew biċ-ċar li jippreferu kura paljattiva li tiggarantixxi mewt naturali mingħajr uġigħ, milli s-suwiċidju assistit.
Danakollu, flimkien ma’ aktar minn 11,000 firma ta’ persuni favur it-tisħiħ tal-kura paljattiva u kontra s-suwiċidju assistit li ġew ippreżentati lill-Prim Ministru mill-Fondazzjoni Life Network wasslu lill-Gvern biex jissospendi l-proposti tiegħu u ssir analiżi tas-sottomissjonijiet li tressqu.
Il-Fondazzjoni Life Network mexxiet il-kampanja Oqtol l-Uġigħ, Mhux Lili li wasslet biex fi żmien ġimagħtejn inġabru u ġew ippreżentati lill-Gvern 11,571 firma ta’ persuni li jridu kura paljattiva aħjar u li huma kontra l-legalizzazzjoni tas-suwiċidju assistit. Il-pjattaforma Oqtol l-Uġigħ, Mhux Lili ssostni li l-proposti tal-Gvern inaqqsu l-valur tal-ħajja, ipoġġu lil dawk vulnerabbli f’riskju u jitilfu l-konċentrazzjoni fuq il-kura biex jiffukaw fuq it-tmiem tal-ħajja.
Dwar dan is-suġġett ukoll hemm f’din ir-rivista żewġ artikli: wieħed ta’ Patri George Buttigieg li tqabbad mill-Kurja jikteb kanzuntta favur il-ħajja fid-dawl tad-diskussjoni li għaddejja f’pajjiżna dwar id-dħul tal-ewtanasja u l-ieħor tal-Editur tar-rivista dwar l-analiżi li qiegħda ssir tas-sottomissjonijit imressqa lill-Gvern dwar il-proposti tiegħu għall-ewtanasja.
L-artiklu ewlieni f’din il-ħarġa ta’ IL-ĦABBAR ta’ Sant’Antnin hu dak tal-Professur Paul Pace, Viċi-Chairperson tal-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent, li jitratta s-sajf u jistaqsi jekk dan għadux żmien ta’ mistrieħ. Wara li jsemmi d-diversi abbużi minn dak li jaġixxu bħallikieku huma ’l fuq mil-liġi u li dwarhom il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent ilha snin tiġbed dwarhom l-attenzjoni tal-awtoritajiet, isostni li ż-żewġ naħat tal-Parlament għandhom jisimgħu l-karba taċ-ċittadini li qed ibatu minn dawn l-abbużi u jieħdu pożizzjoni komuni u ċara favur min jirrispetta l-liġi.
F’din il-ħarġa wkoll wieħed isib intervista li l-Editur Michael Caruana għamel lin-Nutar Myriam Spiteri Debono f’egħluq l-ewwel sena tagħha bħala President ta’ Malta u li fiha ssostni li hi tisma’ dak li jinkwieta u jħoss il-poplu u jekk ikun hemm materji li jkun hemm bżonn li jingħataw attenzjoni ma tiddejjaqx twassal il-messaġġ.
Ir-rivista IL-ĦABBAR ta’ Sant’Antnin tinħareġ kull xaharejn mill-Patrijiet Franġiskani Konventwali.