Il-Ħamis, 14 ta’ Awwissu 2025: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fil-Vġili tas-Solennità tat-Tlugħ tal-Verġni Marija fis-Sema. Katidral tal-Assunta, Victoria.
Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma
Fil-Konċilju Vatikan II – dik il-laqgħa li saret 60 sena ilu f’Ruma, meta ltaqgħu l-Isqfijiet kollha tad-dinja flimkien biex jiddiskutu l-ġejjieni tal-Knisja – f’wieħed mid-dokumenti importanti msejjaħ Lumen gentium (Dawl tal-ġnus), l-Isqfijiet f’wieħed mill-kapitli qalu xi ħaġa importanti fuq Marija: hija x-xbieha u l-mudell tal-Knisja; mhux tal-knisja tal-ġebel imma tagħna, tan-nies li nemmnu. Marija hija x-xbieha, mela ritratt jew stampa, u l-mudell. Ir-ritratt jirrappreżenta l-preżent, jgħid kif aħna qegħdin issa, u minn fejn ġejjin. Il-mudell juri ’l fejn sejrin, jitkellem dwar il-futur.
Imma Marija min hi?
Aħna niġġudikaw lil xulxin u ngħidu: ‘Dak qalbu tajba! Dak nervuż! Dak paċenzjuż!’. Dan il-ġudizzju nagħmluh mill-esperjenza li aħna nagħmlu ma’ xulxin, mir-relazzjonijiet ta’ bejnietna. Kif inkunu nafu min hi Marija, biex inkunu nafu x’jiġifieri li hi xbieha u mudell, jekk mhux mill-mod ta’ kif titkellem u ġġib ruħha fil-ġrajjiet tal-Vanġelu? Aħna nafu min hi Marija mir-rakkonti tal-Vanġelu u minn dak li qalet hi stess u li ġie miġjub lilna mill-Evanġelisti.
Il-mara li tisma’ l-Kelma
Jien illejla nixtieq naqbad biss innu li għamlet Marija fil-Vanġelu: il-Magnificat (Lq 1:46-56). Kieku kellna ngħoddu l-kliem kollu li qalet Marija fil-Vanġelu, insibu 145 kelma; 105 minnhom qalithom fil-Magnificat. Nirriflettu fuq il-Magnificat u naraw x’ritratt joħroġ ta’ Marija. Min hi Marija mill-Magnificat? Ħa nippruvaw nirrispondu għal din il-mistoqsija, għax din tgħinna nindunaw x’jiġifieri l-Knisja… fi kliem ieħor, x’jiġifieri aħna bħala komunità Nisranija, aħna kif aħna llum u aħna kif għad inkunu. Marija hi xbieha u mudell tagħna.
L-ewwel u qabel kollox din it-talba tal-Magnificat li titlob Marija, tgħidha wara li tisma’ l-Kelma ta’ Alla permezz tal-anġlu. Il-Vanġelu li smajna llum (Lq 11:27-28) ifaħħar lill-persuna li tisma’ l-Kelma ta’ Alla u tpoġġiha fil-prattika. U l-ewwel ħaġa li għamlet Marija fl-istorja tal-Vanġelu hi li kienet il-mara li tisma’ l-Kelma ta’ Alla. Dan ifisser li l-ewwel u l-iktar ħaġa fundamentali għan-Nisrani li jimxi wara Ġesù hija li jisma’ l-Kelma ta’ Alla bħal Marija. Marija ma semgħethiex biss, imma wkoll aċċettat il-Kelma, laqgħetha u għexitha: “Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skont kelmtek!” (Lq 1:38). Hekk qalet Marija. Mela l-ewwel karatteristika li tidher quddiemna minn Marija, li hija xbieha u mudell tagħna, hija l-mara li tisma’ l-Kelma.
F’dan l-innu tal-Magnificat, Marija hija mara ‘deċentrata’. Kelma kkumplikata, imma tfisser xi ħaġa sabiħa tassew! Hi mara li mhix ikkonċentrata fuqha nfisha, mhux bħali… fuq l-inkwiet, il-problemi, id-diffikultajiet tiegħi, kif nidher minn barra, x’qalu fuqi l-oħrajn. Mara deċentrata, li assolutament ma taħsibx fuqha nfisha. Kemm għandna bżonn kollha kemm aħna ta’ deċentrament, għax kollha kemm aħna ffukati b’lenti daqsiex fuqna nfusna u fuq l-oħrajn!
Din il-mara fuq min kienet iffukata u kellha lenti kbira? Fuq Alla! U hawn Marija tidher quddiemnna mhux biss bħala l-mudell ta’ dawk li jemmnu, imma bħala l-mudell tal-bniedem matur, li skont il-psikologi, mhuwiex dak li huwa kkonċentrat fuqu nnifsu – kif jidher, kif ma jidhirx, kif jikkummentaw fuqu l-oħrajn – imma huwa dak il-bniedem mogħti totalment għal xi ħaġa oħra, ’il barra minnu. Fil-każ ta’ Marija, hi mogħtija totalment għal Alla. Tant hu hekk, li Marija lil Alla ssejjaħlu b’erba’ titli sbieħ fil-bidu ta’ din it-talba.
“Ruħi tkabbar”
Aħna ngħidu: Ruħi tfaħħar. Traduzzjoni aktar litterali tgħid: Ruħi tkabbar. X’jiġifieri ‘ruħi’? Il-persuna tiegħi, il-ħajja u l-istorja tiegħi. Tkabbar lil min? Mhux lili nnifsi, imma lill-Mulej. U l-kelma Mulej hawn hi t-traduzzjoni bil-Grieg tal-kelma Adonai. L-isem ta’ Alla huwa Jaħweh, imma billi dan l-isem hu sagru, hu qaddis, kull darba li fl-Iskrittura hemm il-kelma Jaħweh, il-Lhud jaqbżuha, qatt ma jgħiduha, u minflokha jgħidu Adonai – “imbierek ikun ismu”.
Għalfejn dawn id-dettalji kollha? Għax lil Alla tagħna veru għamilnieh ta’ ġewwa wisq. Alla tagħna veru sar bniedem u sar bħalna u wieħed minna, imma kultant għamilnieh wisq casual, ġibnieh wisq wieħed minna, bħalna, wieħed li tista’ tirraġuna u tagħmel kompromessi miegħu, tiddjaloga miegħu… It-traxxendenza ta’ Alla – fi kliem ieħor, li Alla hu ’l fuq minna, li Alla huwa Alla u li aħna bnedmin – bil-mod il-mod, maż-żmien, spiċċat. Dan hu dak li qabel konna ngħidulu l-biża’ ta’ Alla: Alla hu kollox, Alla huwa l-Ħallieq. Marija kienet konxja minn dan kollu, li Alla hu l-Kbir, u allura bil-ħajja tagħha, l-uniku dmir li ħasset li kellha tagħmel kien li tkabbar lil Alla – Adonai.
Il-Lhud ma jgħidux il-kelma Jaħweh, it-tetragramma li għalihom tant hija sagra, il-mod ta’ kif Alla tkellem fuqu nnifsu u ta ismu lil Mosè. U meta jgħidu l-kelma Adonai, iżidu warajha xi ħaġa oħra kull darba: “ikun imbierek ismu”. Allura Marija bħala persuna diġà kellha din is-sensazzjoni tad-distanza li hemm bejnha u l-Mulej. Iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu quddiem il-kobor tal-Mulej huwa innu lill-umiltà, innu liċ-ċokon tal-bniedem. Il-Magnificat huwa innu liċ-ċokon tagħna salvat, imkabbar, meħlus minn Alla li jħobbna.
“Is-Salvatur tiegħi”
Imbagħad Marija lil Alla ssejjaħlu s-Salvatur tiegħi: “L-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla, is-Salvatur tiegħi”. Hija traduzzjoni bil-Grieg ta’ kelma oħra sabiħa, li kollha nafuha, il-kelma Jeshua – Ġesù. Ġesù jkun ismu, “għax hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubietu”, qallu l-anġlu lil Ġużeppi fil-Vanġelu ta’ San Mattew (1:21). Ġesù huwa s-Salvatur, u allura Marija tippreżenta ruħha hawnhekk bħala dik li għandha bżonn tkun salvata. Iċ-ċkejkna quddiem Adonai, quddiem Alla, quddiem il-kobor, u issa l-mara li għandha bżonn tkun salvata, quddiem is-Salvatur, Jeshua.
Dawn huma s-sentimenti ta’ dik il-mara li llum qegħdin niċċelebraw it-teħid tagħha fis-Sema.
“Is-Setgħani”
Marija lil Alla ssejjaħlu l-Qawwi, is-Setgħani: “Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar”. Hawnhekk toħroġ kelma oħra. Meta Marija lil Alla ssejjaħlu s-Setgħani, u aktar tard issejjaħlu l-Qaddis, mhix qed tgħid aġġettiv kif inhi fit-traduzzjoni li aħna nisimgħu, imma qed tlissen isem proprju. Il-kelma hi El Xaddaj – ‘dak li jista’ kollox, l-omnipotenti, dak li huwa kbir’, kelma derivattiva ġejja minn kelma oħra Lhudija għal muntanja għolja ħafna, il-muntanja li quddiemna tħossok xejn. Quddiem is-setgħa, il-qawwa, l-isplendur ta’ muntanja kbira, inti tħossok xejn. U Marija lil Alla ssejjaħlu “s-Setgħani li għamel miegħi ħwejjeġ kbar”. Allura Marija quddiem is-Setgħani tħossha l-ixxurtjata.
Int u jien, quddiem Alla, aħna l-ixxurtjati, għax kulma aħna u kulma għandna tahulna hu, għaliex hu jieħu ħsiebna, jaqbadna minn idejna, iħares lejna mill-għoli tiegħu biex jara jekk tonqosniex xi ħaġa, hu l-providenza. U dan Marija mhux biss kienet tafu u konvinta minnu, imma din kienet ħajjitha kollha kemm hi!
Tinsewx li aħna m’aħniex niċċelebraw mara li ħajjitha kienet faċli! U nsejħulha l-imbierka fost in-nisa, is-sultana tas-sema u tal-art. Min hi din il-mara jekk mhux mara bħali, bħalek, li għaddiet mit-twegħir, mit-tbatijiet, miċ-ċirkustanzi kollha tal-ħajja? Imma għaddiet mhux weħidha, imma deċentrata, iffukata fuq Alla.
“Qaddis”
L-aħħar kelma: il-Qaddis. Alla huwa l-Qadosh, li quddiemu Iżaija jħossu midneb. Jien, int, anki l-istess Marija li kienet imnissla mingħajr ħtija, insejħulu l-Qaddis, għax il-qdusija ta’ Alla kienet wisq iktar tisboq il-qdusija u l-perfezzjoni tagħha minħabba l-umanità li tillimita l-istess kwalità u don li taha Alla. Allura Marija llum trid iddaħħalna ftit fil-bogħod li hemm bejn Alla u aħna.
Ħafna drabi aħna ngħidu li ma fadalx sens ta’ dnub, ta’ tajjeb u ħażin fil-ħajja, u kulħadd jagħmel li jrid. Imma mhux is-sens tad-dnub naqas, imma naqas is-sens ta’ Alla. Lil Alla ġibnieh wisq skont ix-xbieha u l-qies tagħna. Lil Alla m’aħniex inħalluh kif qisitu, ratu u għexitu Marija. Dan huwa Alla li jqalleb l-affarijiet, Alla li għandu valuri totalment differenti minn tagħna, li bil-qawwa ta’ driegħu jniżżel lil dawk li huma mkabbra mhux biss f’qalbhom, imma traduzzjoni iktar litterali tgħid li jidhrilhom li huma xi ħaġa, lil dawk li bl-apparenza tagħhom jippruvaw jingannaw, lilhom infushom l-ewwel!
Aħna kollha kemm aħna ċkejknin bħal Marija, kollha kemm aħna ma niswew xejn bħal Marija, għalkemm għandna d-dinjità u l-valur ta’ wlied il-Missier. Ħafna drabi jiġrilna li nippruvaw infittxu l-valur u d-dinjità tagħna f’affarijiet u ħwejjeġ oħra, imma quddiem Alla tagħna l-maskri ma jreġux, jaqgħu. Jekk jien nipprova nidher differenti u isbaħ milli jien quddiem Alla, din il-maskra taqa’. Alla jikxifna… dan hu l-kumplament tal-Magnificat. Iniżżel lis-Setgħana minn fuq it-tron tagħhom. Ħadd minna mhu setgħani, ħadd minna m’għandu kontroll fuq kollox, imma aħna ngħixu b’din l-illużjoni li għandna l-poter, kull wieħed u waħda minna bil-mod tiegħu. Forsi hawn uħud minna – forsi jiena l-ewwel wieħed għax qiegħed fil-poter sa ċertu punt – li nimlew rasna bis-siġġu, bil-libsa, b’ħafna affarijiet li ma jiswew xejn quddiem Alla.
Dan Alla tagħna mhux biss ma jiflaħx għall-maskri, għal apparenza sabiħa li tipprova tgħaddi u taħbi d-dgħufija tagħna, għal min jidhirlu li hu xi ħaġa – u allura jniżżel lis-setgħanin minn fuq it-tron tagħhom –, imma wkoll jimla bil-ġid lil min hu bil-ġuħ, waqt li l-għonja se jsibu ruħhom, xi darba jew oħra fil-ħajja, għarwenin, b’xejn. Se jindunaw li l-isforzi kollha ta’ ħajjithom, il-ħidma u x-xogħol kollu, jiswa suf, ma jiswa xejn.
Marija hija verament xbieha u mudell tal-ħajja Nisranija tagħna. Ejjew ma niqfux fil-festi… Il-festi importanti, imma jkunu importanti jekk dak li aħna niċċelebraw minn barra nħalluh imissna ġewwa. Inkella Marija mhux tifraħ imma tinkedd, mhux tgawdi imma tinkwieta, jekk il-festa tagħha stess ma sservix biex aħna nidħlu fl-essenzjalità, f’dak li hu ċentrali tal-ħajja Nisranija tagħna. U hekk verament inkunu qegħdin niċċelebraw mhux biss it-Tlugħ tagħha fis-Sema, imma wkoll biċċa mis-Sema tagħna llum fl-art. Għalkemm għadna ħajjin fl-art, diġà nitħabtu mil-lum biex ngħixu biċċa mis-Sema, b’Alla fiċ-ċentru ta’ ħajjitna.