Il-Mirakli Ewkaristiċi (83)
minn Manwel Cutajar
Wara li fl-artiklu preċedenti tkellimna dwar kull wieħed mill-Ħames Innijiet Ewkaristiċi ta’ San Tumas ta’ Akwinu li huma: Laudi,Sion,Salvatorem; Pange Lingua Gloriosi Corporis; Verbum Supernum; Sacris Solemnis; Adoro Te devote tajjeb issa nitkellmu dwar dal-Innijiet fit-totalità kollha tagħhom,u naraw l-Importanza u s-Sbuħija tagħhom mill-aspett teoloġiku, duttrinali, spiritwali, pastorali u kateketiku profond tagħhom.
Meħuda flimkien, dal-Ħames Innijiet Ewkaristiċi jesploraw qabel kollox il-Misteru profond tal-Ewkaristija bħala l-Preżenza reali tal-Ġisem u d-Demm, ir-Ruħ u d-Divinità ta’ Kristu, kif ukoll id-diversi aspetti oħra ta’ das-Sagrament l-Aktar Qaddis.
Bijografija qasira ta’ San Tumas ta’ Akwinu:
Tumas ta’ Akwinu twieled fl-1224/25,f’Roccasecca, ħdejn Aquino, Terra di Lavoro, Renju ta’ Sqallija, l-Italja minn ġenituri li kellhom dominju fewdali.
Meta kien għadu tfajjel ġie mibgħut fil-monasterju Benedittin ta’ Monte Cassino bħala oblate (jiġifieri, offrut bħala patri prospettiv). Il-familja tiegħu ttamat li xi darba jsir Abbati tal-Monasterju.
Fl-1239, wara disa’ snin f’dal-monasterju ta’ ħajja spiritwali intensa u kulturali, Tumas kien imġiegħel jirritorna għand familtu meta l-Imperatur keċċa lill-Patrijiet.
Aktar tard Tumas intbagħat fl-Università ta’ Napli. Minkejja l-oppożizzjoni kbira u persistenti ta’ famitu, Tumas ingħaqad mal-Ordni Dumnikan. Fl-1245 intbagħat Pariġi fil-monasterju ta’ Saint-Jacques, u ċ-ċentru Universitarju kbir tad-Dumnikani; fejn taħt id-direzzjoni ta’ San Albertu l-Kbir, studjuż u għalliem kbir tal-Filosofija u t-Teoloġija, Tumas intefa’ b’ruħu u ġismu għall-istudju tat-Teolġija u l-Filosofija.
Aktar tard Tumas kiteb bosta trattati filosofiċi u teoloġiċi, fosthom is-Summa Theologiae u s-Summa contra Gentiles.
Huwa kiteb ukoll uħud mill-aktar Innijiet Ewkaristiċi sbieħ u magħrufa fil-Liturġija tal-Knisja Kattolika.
Huwa kien irrikonoxxut mill-Knisja Kattolika tal-Punent bħala wieħed mill-aktar teoloġi magħrufin u prominenti f’dak iż-żmien.
Fid-dawl ta’ dan, f’Jannar 1274, Tumas ġie msejjaħ personalment mill-Papa Gregorju X għat-Tieni Konċilju ta’ Lyons.
Eventwalment, Tumas fi triqtu lejn Lyons marad; waqaf fl-Abbazija Ċisterċensi ta’ Fossanova, fejn miet fis-7 ta’ Marzu.1274.
Huwa kien ġie kkanonizzat mill-Papa Ġwanni XXII nhar t-18 ta’ Lulju,1323.
Ġie rrikonoxxut formalment bħala Duttur tal-Knisja mill-Papa San Piju V fl-1567, u bħala l-Qaddis Patrun tal-Iskejjel Kattoliċi kollha mill-Papa Ljun XIII fl-1880.
Huwa magħruf ukoll bħala “Duttur Anġeliku” u msejjaħ “Duttur Komuni” u d-“Duttur tal-Umanità”.
Fl-Innijiet Ewkaristiċi ta’ San Tumas ta’ Akwinu:
Sinifikat Teoloġiku u Duttrinali:
● Il-Preżenza reali ta’ Kristu fl-Ewkaristija Divina
San Tumas jenfasizza l-Preżenza ta’ Kristu fl-Ewkaristija, anke jekk id-dehra esterna tal-ħobż u l-inbid tibqa’.
L-Innijiet jaffermaw it-twemmin Kattoliku li fil-quddiesa l-Ewkaristija ssir realment l-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù Kristu – d-Duttrina u d-Domma tant Importanti tat-Transubstanzjazzjoni.
● It-Teoloġija Sagramentali:
L-Innijiet jidħlu fil-fond tan-natura tal-Ewkaristija, kemm bħala sinjal kif ukoll bħala realtà, filwaqt li ssaħħaħ l-għaqda tal-fidili Nsara ma’ Kristu u t-trawwim tat-tkabbir spiritwali tagħhom.
● Jgħaqqdu l-Fidi u r-Raġuni:
L-approċċ ta’ San Tumas jintegra l-inkjesta filosofika mar-riflessjoni teoloġika, billi juża r-raġuni biex iddawwal il-Misteri tal-Fidi fl-Ewkaristija Divina.
Sinifikat Spiritwali, Pastorali u Kateketiku:
● Id-Devozzjoni u l-Qima
L-innijiet huma espressjonijiet qawwija ta’ devozzjoni, u Qima u jħeġġu lill-Fidili biex jersqu lejn l-Ewkaristija b’riverenza, Fidi u Imħabba.
● It-Trasformazzjoni Personali:
L-Innijiet ta’ San Tumas jenfasizzaw il-qawwa trasformattiva tal-Ewkaristija, u juru kif is-sehem fiha jista’ jgħin lill-Fidili jsiru aktar qrib ta’ Kristu u jixbħuh fil-ħsibijiet, is-sentimenti u l-għemejjel tagħhom.
Li wieħed jirċievi l-Ewkaristija huwa meqjus bħala mezz ta’ tkabbir spiritwali, maħfra tad-dnubiet, u tisħiħ tal-għaqda tiegħu ma’ Kristu u l-Knisja.
● Il-Valur Kateketiku:
L-Innijiet jipprovdu materjal għani għall-predikazzjoni, it-tagħlim u l-katekeżi, u joffru qafas għall-fehim u ċ-Ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija b’mod sinifikativ ħafna.
L-Innijiet huma għodod utli għall-katekeżi,u jgħinu biex jispjegaw id-Duttrina tal-Ewkaristija kemm lit-tfal, adoloxxenti u żgħażagħ, lill-adulti, kif ukoll lill-katekumeni li jkunu qed iħejju ruħhom biex jingħaqdu mal-Knisja Kattolika.
● In-Natura Sagrifiċjali:
L-Innijiet jenfasizzaw l-għaqda tal-Ewkaristija mas-Sagrifiċċju ta’ Kristu fuq is-Salib, u jenfasizzaw li l-Quddiesa hija rappreżentazzjoni ta’ dik il-Ġrajja Qaddisa u Singulari, u li s-Sagrifiċċju ta’ Kristu huwa s-Sors tal-Grazzja u l-Fidwa għall-umanità kollha.
● In-Nutriment Spiritwali:
San Tumas jiddeskrivi l-Ewkaristija bħala ikel Spiritwali, li jsostni r-ruħ u jiġbedu jgħaqqad lill-Fidili f’ħbiberija aktar profonda ma’ Kristu fil-vjaġġ tal-Fidi tagħhom,.
● Il-Mezzi Retoriċi:
San Tumas juża diversi mezzi retoriċi bħall-metafori, is-similitudni, u l-personifikazzjoni biex iwassal veritajiet teoloġiċi b’mod poetiku u memorabbli. Pereżempju, juża l-immaġni tal-Pelikan li jitma’ ż-żgħar tiegħu bil-laħam tiegħu stess biex jimmanifesta l-Imħabba ta’ Kristu li jissagrifika Lilu Nnifsu għalihom.
.● L-Għaqda tal-Fidili:
L-Innijiet jgħannu wkoll l-għaqda tal-Knisja, u jenfasizzaw kif ir-riċeviment tal-Ewkaristija(t-Tqarbin), jrawwem il-komunjoni u l-għaqda fost il-Fidili Nsara.
● Id-Devozzjoni u l-Kontemplazzjoni:
L-innijiet jistiednu riflessjoni fuq il-Misteru tal-Ewkaristija u jinkoraġġixxu relazzjoni profonda u personali ma’ Kristu Preżenti fis-Sagrament Ewkaristiku.
● Il-Qawmien Ewkaristiku
L-istudjużi u t-teologi qed jirrikonoxxu dejjem aktar l-importanza tat-teoloġija Ewkaristika ta’ San Tumas fil-promozzjoni ta’ qawmien mill-ġdid tal-qima u l-fehim tal-Ewkaristija,
● Is-Sagrifiċċju u l-Komunjoni:
San Tumas ta’ Akwinu jesplora s-sagrifiċċju Ewkaristiku u l-komunjoni kemm bħala tifkira tas-sagrifiċċju ta’ Kristu kif ukoll bħala togħma minn qabel tal-bankett tas-sema. Hekk,l-Innu tiegħu ”Sacris Solemniis” San Tumas kien iħobb isejjaħ l-Ewkaristija bħala “Panis Angelicus” – “Ħobż tal-Anġli”
Huwa juża lingwaġġ li jindika r-realtà tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu li huma tassew realment u attwalment preżenti, mhux biss simbolikament.
● L-Istagħġib u l-Adorazzjoni:
L-Innijiet Ewkaristiċi ta’ San Tumas ta’ Akwinu huma kollha mimlija b’espressjonijiet ta’ stagħġib u Adorazzjoni, li jirriflettu s-sens profond ta’ stagħġib ta’ San Tumas għall-misteru tal-kondixxendenza ta’ Alla Infinita fl-Ewkaristija Divina.
•
Noti Addizzjonali
■ “Bove Mutus” – “Barri Mutu”
Interessanti ngħidu li San Tumas meta kien għadu student ingħata minn sħabu l-laqam ta’ “Barri Mutu” minħabba l-figura fiżika kemxejn goffa tiegħu, u kien mistħi u riservat waqt id-diskussjonijiet fil-klassi. Dan wassal lil sħabu biex jaħsbu u jemmnu li Tumas ma kienx intelliġenti. Madanakollu,l-għalliem tiegħu San Albertu l-Kbir irrikonoxxa l-intelliġenza ta’ Tumas u bassar b’mod għaqli li l-“Barri Mutu” xi darba kien se “jgħajjat” bit-tagħlim filosofiku u teoloġiku profond tiegħu mad-dinja kollha.
Eventwalment, Tumas wera l-intelliġenza kbira u eċċezzjonali tiegħu permezz tal-kitbiet u t-tagħlim tiegħu.
■ “Int ktibt tajjeb dwari Tumas; x’premju tixtieq mingħandi?”
Ir-rakkont li Ġesù qal lil Tumas li kien kiteb tajjeb dwaru hija storja popolari u dejjiema fit-tradizzjoni Kattolika. Jingħad li Tumas waqt li kien qed jitlob quddiem kruċifiss, allegatament sema’ leħen, identifikat bħala ta’ Ġesù, jgħidlu,“Int ktibt tajjeb dwari, Tumas; x’premju tixtieq mingħandi?”
Minnufih Tumas wieġeb: “Domine, non nisi Te” – “Mulej, xejn ħlief Lilek”.
Din il-ġrajja spiss tiġi kkwotat bħala evidenza tal-qdusija ta’ San Tumas u l-ispirazzjoni Divina fix-xogħlijiet teoloġiċi tiegħu, partikularment il-kitbiet tiegħu dwar l-Ewkaristija u n-Natura ta’ Alla, b’mod speċjali fis-Summa Theologiae u s-Summa contra Gentiles tiegħu.
L-Esperjenza Mistika: Din l-istorja toriġina minn rakkonti tal-ħajja ta’ San Tumas ta’ Akwinu, fejn jingħad li spiss kien ikollu viżjonijiet u estasi.
Għalkemm magħrufa ħafna, l-istorja mhijiex meqjusa bħala fatt storiku bl-istess mod bħal ġrajjiet iddokumentati.
Madanakollu, dil-ġrajja hi mifhuma bħala esperjenza mistika u xhieda tal-Fidi, l-umiltà u d-devozzjoni profonda li San Tumas ta’ Akwinu kellu lejn Sidna Ġesù Kristu u l-Ewkaristija l-Aktar Qaddisa u Divina.