QUDDIESA
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
Santwarju ta’ Santa Maria della Rotonda (Albano)
L-XX Ħadd ta’ Matul is-Sena, 17 ta’ Awwissu 2025
Għeżież ħuti,
Bil-ferħ iltqajna hawn biex niċċelebraw il-Quddiesa tal-Ħadd, li tirregalalna ferħ iktar profond. Fil-fatt, jekk diġà huwa don li llum aħna qrib ta’ xulxin u qed negħlbu d-distanzi ta’ bejnietna billi nħarsu f’għajnejn xulxin, ta’ aħwa veri, don ikbar hu dak li fil-Mulej qed nirbħu fuq il-mewt. Ġesù rebaħ fuq il-mewt – il-Ħadd huwa l-jum tiegħu, il-jum tal-Qawmien – u aħna diġà nibdew nirbħulha flimkien miegħu. Hekk hu: kull wieħed u waħda minn jiġi l-knisja b’xi ftit tal-għeja u l-biża’ – xi drabi inqas, xi drabi iktar – u minnufih insibu ruħna inqas waħidna, ninsabu flimkien u nsibu l-Kelma u l-Ġisem ta’ Kristu. Hekk il-qalb tagħna tirċievi ħajja li tmur lil hemm mill-mewt. Huwa l-Ispirtu s-Santu, l-Ispirtu tal-Irxoxt, li jagħmel dan bejnietna u fina, fis-skiet, Ħadd wara Ħadd, jum wara jum.
Ninsabu f’Santwarju antik li l-ħitan tiegħu jħaddnuna. Jissejjaħ “Rotunda” u l-forma ċirkulari tiegħu, bħal fi Pjazza San Pietru u bħal fi knejjes oħra qodma u ġodda, tridna nħossuna milqugħa fi ħdan Alla. Il-Knisja minn barra, bħal kull realtà umana, tista’ tidher quddiemna ppuntata u mxewka. Imma r-realtà divina tagħha tidher meta nirfsu l-għatba tagħha u nsibu li aħna milqugħa. Hemm il-faqar tagħna, il-vulnerabbiltà tagħna u fuq kollox il-fallimenti tagħna li minħabba fihom nistgħu niġu mżebilħa u ġġudikati – u xi drabi aħna stess inżebilħu u niġġudikaw lilna nfusna – huma sa fl-aħħar milqugħa fil-qawwa ħelwa ta’ Alla, imħabba bla xewk, imħabba inkundizzjonata. Marija, omm Ġesù, għalina hi sinjal u antiċipazzjoni tal-maternità ta’ Alla. Fiha nsiru Knisja omm, li tnissel u terġa’ tnissel mhux b’xi qawwa mondana, imma bil-virtù tal-imħabba.
Forsi ssorprendiena, fil-Vanġelu li għadu kemm inqara, dak li jgħid Ġesù. Aħna qed infittxu l-paċi, imma għadna kemm smajna: “Taħsbu intom li jien ġejt inġib il-paċi fid-dinja? Le, ngħidilkom, imma l-firda” (Lq 12:51). U kważi nweġbuh: “Imma kif, Mulej? Int ukoll? Diġà għandna biżejjed firdiet. Mhux int kont li fl-Aħħar Ċena għidtilna: ‘Inħallilkom is-sliem, nagħtikom is-sliem tiegħi’?”. “Iva”, jista’ jweġibna l-Mulej, “jiena kont. Imma ftakru li dakinhar, fl-aħħar lejla tiegħi magħkom, minnufih żidt ngħid hekk dwar il-paċi: ‘Ma nagħtihilkomx kif tagħtiha d-dinja. Tħallux qalbkom titħawwad u titbeżża’’” (ara Ġw 14:27).
Għeżież ħbieb, id-dinja drat tifxel il-paċi mal-kumdità, it-tajjeb mat-trankwillità. Għalhekk, biex fostna jkun hemm il-paċi tiegħu, ix-shalom ta’ Alla, Ġesù ried jgħidilna: “Nar ġejt inqiegħed fuq l-art, u kemm nixtieq li diġà qabad!” (Lq 12:49). Forsi l-istess qraba tagħna, kif iħabbar minn qabel il-Vanġelu, u saħansitra ħbiebna stess se jkunu maqsuma bejniethom dwar dan. U xi ħadd jaf jagħtina parir biex ma nirriskjawx, biex ma naħlux enerġija, għax l-importanti hu li nkunu trankwilli aħna, u l-oħrajn ma jistħoqqilhomx li jiġu maħbuba. Imma Ġesù bil-kuraġġ kollu għodos fl-umanità tagħna. Din hi l-“magħmudija” li dwarha jitkellem (v. 50): hija l-magħmudija tas-salib, tagħdis sħiħ fir-riskji li ġġib magħha l-imħabba. U meta aħna, kif ngħidu, “nitqarbnu”, nissaħħu b’dan id-don qalbieni tiegħu. Il-Quddiesa hija ikel biex niddeċiedu. Hija d-deċiżjoni li ma ngħixux iżjed għalina nfusna, biex inkebbsu n-nar fid-dinja. Mhux in-nar tal-armi, u lanqas dak tal-kliem li jinfuska lill-oħrajn. Dak le. Imma n-nar tal-imħabba, li jitbaxxa u jaqdi, li jeħodha kontra l-indifferenza bl-għożża, kontra l-prepotenza bil-ħlewwa; in-nar tat-tjieba, li ma jiswiex bħall-armamenti, imma b’xejn iġedded id-dinja. Jista’ jiswielna l-inkomprensjoni, l-istmerrija, saħansitra l-persekuzzjoni, imma ma hemmx paċi ikbar minn dik li jkollna fina l-fjamma tiegħu.
Għalhekk illum nixtieq li, flimkien mal-Isqof tagħkom Vincenzo, nirringrazzja lilkom kollha, li fid-Djoċesi ta’ Albano qed tħabirku biex twasslu n-nar tal-karità. U nħeġġiġkom biex ma toqogħdux tagħżlu bejn min jgħin u min hu megħjun, bejn min jidher li qed jagħti u min jidher li qed jirċievi, bejn min jidher fqir u min iħoss li jista’ joffri ħin, kompetenzi, għajnuna. Aħna l-Knisja tal-Mulej, Knisja tal-foqra, ilkoll prezzjużi, ilkoll suġġetti, kull wieħed u waħda minna jġorr il-Kelma waħda ta’ Alla. Kull persuna hija don għall-oħrajn. Ejjew inġarrfu l-ħitan. Nirringrazzja lil min jaħdem f’kull komunità Nisranija biex jiffaċilita l-laqgħa bejn persuni differenti minħabba mnejn ġejjin, is-sitwazzjoni ekonomika, psikika, affettiva: flimkien biss, jekk insiru l-Ġisem wieħed li fih imqar l-aktar wieħed dgħajjef fostna jipparteċipa b’dinjità sħiħa, nistgħu nkunu l-Ġisem ta’ Kristu, il-Knisja ta’ Alla. Dan iseħħ meta n-nar li Ġesù ġie biex ikebbes jaħraq il-preġudizzji, il-prudenzi u l-biżgħat li għadhom jemariġinaw lil min iġorr il-faqar ta’ Kristu miktub fl-istorja tiegħu. Ejjew ma nżommux lill-Mulej barra mill-knejjes tagħna, mid-djar tagħna u mill-ħajja tagħna. Imma fil-foqra ejjew inħalluh jidħol u allura nagħmlu paċi anki mal-faqar tagħna, dak li nibżgħu minnu u niċħduh meta bilfors irridu nfittxu t-trankwillità u s-sigurtà.
Tidħol għalina l-Verġni Marija, li semgħet minn fomm ix-xwejjaħ qaddis Xmuni li Binha kien se jkun “sinjal li jmeruh” (Lq 2:34). Ħa jinkixfu l-ħsibijiet ta’ qlubna, u ħalli jkun in-nar tal-Ispirtu s-Santu li jagħmilhom mhux iżjed qlub tal-ġebel, imma qlub tal-laħam.
Santa Maria della Rotonda, itlob għalina!
Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard