IL-PAPA LJUN XIV
ANGELUS
Piazza della Libertà (Castel Gandolfo)
Il-Ħadd, 17 ta’ Awwissu, 2025
Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb!
L-Evanġelju tal-lum itina test impenjattiv (cfr (Lq 12,49-53), li fih Ġesù, b’tixbihat qawwija u sinċerità kbira, jgħid lid-dixxipli li l-missjoni tiegħu, kif ukoll ta’ min isegwih, mhix kollha “ward u żgħar”, imma hi sinjal ta’ kuntradizzjoni (cfr Lq 2,34)
B’din l-istqarrija l-Mulej qed jantiċipa dak li kellu jgħaddi minnu meta f’Ġerusalemm kellu jsib l-għedewwa, jisfa arrestat, insultat, imsawwat, imsallab; meta l-messaġġ tiegħu ta’ mħabba u ġustizzja, kellu jkun miċħud; meta l-kapijiet tal-poplu kellhom jirreaġixxu brutalment għall-predikazzjoni tiegħu. Wara kollox, bosta minn fost il-komunità li l-evanġelista Luqa qed jindirizza b’kitbietu, kienu għaddejjin mill-istess esperjenza. Kif jgħidulna l-Atti tal-Appostli, kienu komunitajiet paċifiċi li, bil-limitazzjonijiet kollha tagħhom, kienu jfittxu jgħixu mill-aħjar li jistgħu il-messaġġ ta’ karità tal-Imgħallem tagħhom (cfr (Atti 4,32,33). Minkejja, kienu persegwitati.
Dan kollu jfakkarna li t-tajjeb mhux dejjem isib madwaru tweġiba pożittiva. Anzi, xi kultant, propju għax sbuħitu tagħti fastidju lil dawk li ma jilqgħuhx, min jgħix tajjeb isib ma’ wiċċu oppożizzjoni iebsa, sa ma jkollu jsofri l-prepotenza u l-oppressjoni. Il-verità fiha prezz għax fid-dinja hemm min jagħżel il-gidba, u għax ix-xitan japprofitta ruħu mis-sitwazzjoni u spiss jipprova jfixkel lil min iġib ruħu tajjeb.
Però, Ġesù jistedinna biex bl-għajnuna tiegħu ma nċedux u ma niddakkrux minn dil-mentalità imma biex imġibitna tkompli tkun ta’ fejda għall-ġid tagħna u ta’ kulħadd, anki ta’ minn iġagħalna nsofru. Jistedinna biex it-tweġiba tagħna għall-prepotenza ma tkunx il-vendetta, imma biex nibqgħu fidili lejn il-verità u l-karità. Il-martri huma xhieda ta’ dan għax xerrdu demmhom għall-fidi, u aħna wkoll, nistgħu nimitawhom, f’ċirkostanzi u b’modi differenti.
Per eżempju, niftakru fil-prezz li jkollu jħallas ġenitur tajjeb jekk irid jeduka kif jixraq lil uliedu skont prinċipji sani: xi darba jew oħra se jkollu jgħid “le”, jikkoreġi, u għalih dan ikun ta’ uġigħ. L-istess jgħodd għal għalliem li lill-istudenti tiegħu irid itihom formazzjoni korretta, jew għal xi professjonist, xi reliġjuż, xi politiku, li jwiegħdu lilhom infushom li jaqdu l-missjoni tagħhom onestament, u jgħodd ukoll għal kulmin jagħmel ħiltu biex ir-responsabbiltajiet tiegħu jeżerċitahom b’koerenza mat-tagħlim tal-Evanġelju.
A propożitu ta’ dan, meta San Injazju minn Antjokja kien sejjer Ruma fejn ingħata l-martirju, kien kiteb lill-insara ta’ dik il-belt: “Marridx li tkunu aċċettati mill-bnedmin, iżda minn Alla” (Ittra lir-Rumani 2,1), u żied: “Għalija hu sabiħ li mmut f’Ġesù Kristu aktar milli nsaltan sat-truf tal-art” (ibid., 6,1).
Ħuti, nitolbu flimkien ma’ Marija, Reġina tal-Martri, biex tgħinna ħalli f’kull ċirkostanza nkunu xhieda fidili u kuraġġużi ta’ Binha, u biex inwieżnu lil ħutna kollha li bħalissa qed isofru minħabba l-fidi.
Wara l-Angelus
Għeżież ħuti,
jien qrib il-popolazzjoni tal-Pakistan, tal-Indja u tan-Nepal lil ntlaqtet minn għarar kbir. Qed nitlob għall-vittmi u għall-familjari tagħhom u għal kulmin qed isofri minħabba dit-traġedja.
Nitolbu biex l-isforzi li qed isiru biex jintemmu l-gwerer u jippromwovu l-paċi jkollhom suċċess; sabiex fin-negozjati dejjem jitqiegħed fl-ewwel post il-ġid komuni tal-popli.
F’daż-żmien tas-sajf qed jasluli aħbarijiet ta’ bosta inizjattivi ta’ animazzjoni kulturali u ta’ evanġelizzazzjoni li spiss ikunu organizzati fil-postijiet tal-vaganzi. Sabiħ tara li l-ħeġġa u l-passjoni għall-Evanġelju jistimolaw il-kreattività u l-impenn ta’ gruppi u assoċjazzjonijiet ta’ kull età. Qed niftakar, per eżempju, fil-missjoni għaż-żgħażagħ li saret f’dal-ġranet f’Riccione. Irrodd ħajr lill-promoturi u lil kulmin b’xi mod jieħu sehem f’dawn l-attivitajiet.
Insellem b’għożża lilkom ilkoll hawn preżenti f’Castel Gandolfo. Partikolarment, nilqa’ bil-ferħ lill grupp AIDO minn Coccaglio, li qed jiċċelebra l-50 sena ta’ mpenn għall-familja, lid-donaturi tad-demm AVIS li ġew bir-roti minn Gavardo (Brescia), liż-żgħażagħ minn Casarano u lis-sorijiet Franġiskani ta’ Sant’Antnin
Minbarra dan inbierek ukoll il-pellegrinaġġ kbir lejn is-Santwarju ta’ Piekary, fil-Polonja.
Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber