VJAĠĠ APPOSTOLIKU FIL-KANADA
KONĊELEBRAZZJONI EWKARISTIK SOLLENNI F’ MONCTON
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Front Mountain Road (Moncton)
Il-Ħamis, 13 ta’ Settembru 1984
1. “Jekk hemm fikom xi faraġ fi Kristu; jekk hemm xi kelma ta’ ħlewwa fl-imħabba; jekk hemm xi xirka fl-Ispirtu; jekk hemm xi ħniena u mogħdrija; kunu fehma waħda u imlewna bil-ferħ! Ħa jkollkom l-istess imħabba, u ruħ waħda, u ħsieb wieħed. . . Ħadd minnkom ma għandu jfittex li jaqbillu, imma li jaqbel lil ħaddieħor. Aħsbu bħalma kien jaħseb Kristu Ġesù” (Fil 2, 1-5).
Dan il-kliem ta’ San Pawl lill-insara ta’ Filippi huwa wkoll għalikom, għeżież ħuti ta’ Moncton, tal-Akadja u tal-provinċja kollha ta’ New Brunswick. Jien ninkuraġġikom biex tiffurmaw komunitajiet umani eżemplari għall-prattika tagħhom tas-solidarjetà; inħeġġiġkom biex tikkunservaw għall-komunitajiet ekkleżjali tagħkom id-dinjità li Kristu jsawwab fuqhom: aqblu mal-ispirazzjoni tal-Vanġelu fittxu mill-ġdid dak li huwa ġust f’għajnejn Alla. Ikollkom il-kuraġġ tal-fidi, id-dinamiżmu tal-imħabba u l-qawwa tat-tama nisranija, ikunu xi jkunu l-provi li tridu tissuperaw. Iva, iftħu l-komunitajiet tagħkom lill-Ispirtu ta’ Kristu.
Biex tapprofondixxu dan l-appell, nipproponilkom l-eżempju l-kliem tal-Isqof li llum qegħdin niffesteġġjaw, wieħed mill-iktar ċelebri tal-Lvant nisrani: San Ġwann Kriżostmu. Is-salm kien jesprimi b’mod meraviljuż il ruħu: “Nagħmel ir-rieda tiegħek. Alla tiegħi, dan jogħġobni . . . Xandart il-ġustizzja f’ġemgħa kbira; xuftejja ma żammejthomx magħluqa, Mulej dan inti tafu” (Sal 40, 9-10). Dan ir-ragħaj eċċezjonali infatti qatt ma waqaf jiftaħ fommu biex idawwal lill-poplu tiegħu, biex jiffurmah, biex jittraxnah fil-vokazzjoni tiegħu nisranija; kien imlaqqam Kriżostmu, jiġifieri “fomm tad-deheb”. U t-tagħlim tiegħu, kollu mgħaddas fil-kelma ta’ Alla u fil-kontemplazzjoni tal-misteru ta’ Kristu, għaraf isib espressjoni ċara, perswassiva, reali li timbotta lill-insara taż-żminijiet kollha lejn l-għażliet essenzjali għas-salvazzjoni tagħhom, għat-twettiq tal-“ġustuzzja”.
2. Fl-aħħar tar-IV seklu, fi Knisja fl-aqwa tat-tkabbir tagħha, Ġwanni kien jgħix f’Antijokja tas-Sirja. Huwa setà jkollu success fid-dinja tat-tribunali, tat-tejatru u tal-ittri, imma pprefera, wara l-Magħmudija tiegħu qrib l-għoxrin sena, li jibda l-istudju tal-kotba sagri u li jiddedika ruħu għas-servizz tal-Knisja. Huwa fittex li jgħix il-kontemplazzjoni u l-axxesi fis-solitudni tal-muntanji. Imbagħad, għal ħdax-il sena, bħala djaknu u saċerdot ippriedka bla mistrieħ il-Vanġelu lill-folol ta’ Antijokja. Kien imsejjaħ fis-sena 397 biex ikun patrijarka ta’ Kostantinopli, fejn ma setax jeżerċità liberament l-episkopat tiegħu jekk mhux tul sitt snin. Fil-preżenza ta’ dan l-ambjent kredenti u sensibbli għall-ħniena, imma inklinat għall-passjonijiet, għall-iskemi mondani, għal-lussu tal-għonja, għal-laxxiżmu tal-irħieb u tal-kjeriki, ma riedx għalxejn iħassar is-saħħa u ċ-ċarezza tal-Vanġelu, l-esiġenzi tal-Magħmudija nisranija u tal-Ewkaristija, tas-saċerdozju, tal-karità, tad-dinjità tal-fqir. Huwa mhux tassew “żamm magħluqa xuftejh biex ixandar il-ġustizzja”, u linqas matul iż-żewġ eżilji li mponitlu l-imperatriċi Ewdosja wara li ġegħlitu jixhed, billi ggravat it-tieni deportazzjoni tiegħi fil-mixi tal-Kawkasu, fejn miet fl-14 ta’ Settembru tas-sena 407. Wieħed jistà bi dritt tajjeb iqisu martri tal-kuraġġ pastorali. Imma dak li nikkunsidraw b’mod speċjali huwa li hu għaraf jifforma poplu nisrani, tal-komunitajiet insara denji ta’ tali isem.
3. L-elokwenza ta’ “fomm tad-deheb” kienet tiġi mill-qawwa tal-fidi tiegħu. Ma’ San Pawl, juwa setà jgħid: “Emmint, u għalhekk tkellimt” (2 Kor 4, 13). U din il-fidi mgħaddsa fl-imħabba kienet tittraxxna ż-żelu tiegħu apostoliku. “Għax dak kollu minħabba fikom, biex il-grazzja tilħaq ħafna bnedmin oħra, u b’hekk jitkattar ir-radd ta’ ħajr, għall-glorja ta’ Alla” (2 Kor 4, 15).
Fir-realtà, dan iż-żelu tar-ragħaj kellu s-sors tiegħu fl-għaqda ma’ Kristu. Din l-għaqda kienet partikolarment ħajja meta l-kbir isqof ta’ Kostantinopli kellu jagħraf it-tbatija u l-persekuzzjoni. Setà jgħid ukoll hu, billi jsegwi lil San Pawl: “F’ġisimna dejjem inġorru l-mewt ta’ Gesù, biex f’ġisimna tidher ukoll il-ħajja ta’ Ġesù” (2 Kor 4, 10). L-għaqda ma’ Kristu batut u agonizzanti tat effiċjenza lis-servizz apostoliku tiegħu u għamlitu sors ta’ ħajja soprannaturali għall-oħrajn. “U b’hekk fina taħdem il-mewt imma fikom taħdem il-ħajja” (2 Kor 4, 12).
4. Minn ġudizzji kattivi, minn tqabir, minn defamazzjonijiet u minn persekuzzjonijiet, Ġwanni Kriżostmu ma kienx jibża. Anzi xandar b’mod iktar qawwi l-esiġenzi tal-Vanġelu, b’fedeltà lejn Kristu u b’karità lejn dawk li tagħhom ried il-konverżjoni. Imma din il-qawwa irremovibbli qatt ma kienet tikkontradixxi l-karità. Huwa tassew għex il-kliem ta’ Ġesù miġjub fil-Vanġelu ta’ San Luqa li għadna kemm smajna”: “Ħobbu l-għedewwa tagħkom, agħmlu l-ġid lil dawk li jobogħdukom, bierku lil dawk li jisħtukom, itolbu għal dawk li jżebilħukom” (Lq 6, 27-28). L-elokwenza tiegħu kienet tiġbed success fost il-folol f’Antijokja, f’Kostantinopli, ukoll tul l-eżilju tiegħu fl-Asja Minuri – imma s-sinċerità tiegħu ġibditlu wkoll mibegħda ta’ ċertu numru ta’ persuni. Huwa kien qiegħed għas-servizz tal-verità u tal-ġustizzja; huwa ħallas tagħha prezz iebes, billi ġarrab b’mod profond f’qalbu u f’ġismu. Dan iżda ma tellfux mill-imħabba u mit-tiftix tal-ġid tal-oħrajn, għaliex hu kien jirregala mingħajr ma jfittex li jirċievi: “Agħmlu l-id; isilfu bla ma tistennew xi ħaġa lura . . . agħtu u jingħatalkom” (Lq 6, 35.38). Minflok li jara lis-sostinaturi tiegħu iċarċru d-demm tal-kompatrijotti tiegħu, kien hu li ta ruħu lis-suldati.
Hawn hu r-ragħaj, għeżież ħuti, li fforma ġenerazzjoni ta’ nsara f’parti kbira mil-Lvant, permezz ta’ kelmtu u l-eżempju ta’ ħajtu. Hawn hu x-xhud li llum jiġi ppreżentat lilkom, lilkom li tfittxu li ssaħħu l-komunitajiet ekkleżjali tagħkom.
5. Il-Konċilju Vatikan II tkellem dwar “komunità nisranija”. Sinjal tal-preżenza ta’ Alla fid-dinja: “Fis-sagrifiċċju ewkaristiku din tgħaddi bla ma taqtà lill-Missier f’għaqda ma’ Kristu: mitmugħa b’mod żelanti bil-kelma ta’ Alla tirrendi xhieda ta’ Kristu, timxi fil-karità u hija għanja bi spirtu apostoliku” (Ad Gentes, 15). Jalla l-parroċċi tagħkom u d-diversi komunitajiet tagħkom iwettqu dan il-program! Imma biex iwettquh skont il-Vanġelu, ikun utli nerġgħu nisimgħu lil Ġwanni Kriżostmu jesprimi l-fidi tiegħu: “Hija bil-qawwa propja tiegħi li jien konfidenti? Jiena nippossiedi kelmtu: hawn hu l-appoġġ tiegħi. Hawn hi s-sikurezza tiegħi, hawn hi l-oasi tiegħi ta’ paċi” (cf. San Giovanni Crisostomo, Omelia prima della partenza per l’esilio, 1-3: PG 52, 427-430). Ippenetraw f’din il-kelma. Hu kien ikompli jgħid, “intom għandkom bżonn kontinwu li ssibu l-qawwa tagħkom fl-Iskrittura”. Huwa kien jitlob ukoll li jitolbu bla waqfien, kullimkien, fit-tempju ta’ Alla li huwa l-qalb umana.
Ġwanni Krisostmu kien jieħu ħsieb li jħejji lill-kandidati għall-Magħmudija u b’mod speċjali biex jgħin lill-imgħammdin biex jifhmu l-kobor tad-don li Alla għamlilhom b’dan is-sagrament. Huwa jitkellem b’entużjażmu twar l-Ewkaristija li tirrendina parteċipi fir-rebħa tal-Għid. Imma hu ma jinsiex li “l-ewwel mixja tal-konverżjoni hija l-kundanna tal-ħtijiet tagħna. Ibda int stess billi tgħid ħtijietek ħalli tkun iġġustifikat” (cf. PG 49, 263-264).
6. Din ix-xhieda ta’ Ġwanni Kriżostmu dwar id-don tal-grazzja, dwar il-fidi, it-talb, is-sagramenti, dejjem tirriżulta fl-esiġenzi tal-imġieba nisranija li jinkisbu b’mod inevitabli, għajr fl-illoġiċità jew fl-ipokresija. U huwa minħabba f’hekk li huwa jitkellem b’qawwa li tgħaġġeb dwar il-karità, dwar l-imħabba tal-proxxmu.
Din l-imħabba hija rikonċiljazzjoni: “Jalla ħadd minn dawk li għandhom għadu ma jersaq lejn il-mejda ewkaristika . . . l-ewwel imur jirrikonċilja ruħu u mbagad jirċievi s-sagrament” (cf. San Ġwann Kriżostmu, Omelia al popolo di Antiochia).
Din l-imħabba hija rieda ta’ għaqda u ta’ fraternità: “Il-Knisja ma teżistix sabiex nibqgħu mifrudin kif ġejna, imma sabiex il-firdiet tagħna jintfew: dan huwa s-sens tal-assemblea. Jekk inhu għall-Ewkaristija li ġejna, ejjew ma nwettqu ebda att li jikkontradiċi l-Ewkaristija” (cf. Omelia su 2 Cor 24,2; 27,3-5).
Din l-imħabba hija rispett u laqgħa tal-fqir: Inti trid tonora l-ġisem ta’ Kristu? La tiddisprzzahx meta huwa għeri. La tonorahx hawn, fil-knisja, permezz ta lbies tal-ħarir, waqt li tabbandunah barra jsofri l-bard u b’nuqqas ta’ ħwejjeġ . . . Alla m’għandux bżonn ta’ kalċijiet tad-deheb, imma ta’ erwieħ li huma tad-deheb . . . Ibda billi titma lil min hu mġewwaħ, u b’dak li jibqagħlek, onora l-altar” (cf. PG 619-622).
L-imħabba hija riċerka ta’ dak li hu utli għall-proxxmu: “ Xejn ma hu iksaħ minn nisrani ndifferenti lejn s-salvazzjoni tal-oħrajn” (cf. PG 60, 162-164). “Ejjew ma nittraskurawx is-salvazzjoni ta’ wliedna. Ejjew infittxu biss il-profitt. Donna nokkupaw irwieħna iktar mill-ħmir u miż-żwiemel milli minn uliedna . . . X’hemm iktar li jitqabbel mal-arti tal-formazzjoni ta’ ruħ?” (cf. PG 580-584).
L-imħabba hija apostolat, hija żelu missjunarju sal-quċċata tad-dinja. “Alla ma jitlobniex biex nirnexxu, imma biex naħdmu . . . Jakk Kristu, mudell tar-rgħajja, ħadem sal-aħħar għall-konverżjoni tal-bniedem iddisprat (Ġuda), x’ma jmissniex nagħmlu aħna għal dawk li fil-konfront tagħhom kien ordnat lilna li nittamaw?” (cf. San Ġwann Kriżostmu, Omelia sulla Cananea, 10-11). “Il-ħmira, minkejja li tgħib mal-bqija, ma titlifx il-qawwa tagħha; din taħdem bil-maqlub naqra naqra . . . Huwa Kristu biss li jagħti lill-ħmira l-qawwa tagħha . . . u allura l-bqija iffermenta, dan isir min-naħa tiegħu ħmira għall-bqija kollu” (cf. San Ġwann Krisostmu, Omelia su Mt, 2-3).
Dan il-ftit kliem ta’ San Ġwann Krisostmu jgħidilna l-fidi, il-karità, il-kuraġġ apostoliku u t-tama li huwa ried jaqsam ma’ ħutu.
7. Għeżież ħuti ta’ New Brunswick: għadu meħtieġ għall-progress tal-komunità tagħkom li dawn l-eżortazzjonijiet ikunu espressi f’termini ta sfida addattata għal żmienna?
Naf li l-ispirtu komunitarju diġa ppermettilkom li tegħlbu bosta diffikultajiet inizjali fl-Acadia; illum ukoll intom immarkati għas-sens tagħkom ta’ fraternità, ta’ ospitalità u ta’ komunjoni kordjali. Imma r-raġuni tagħkom. Bħal bosta oħrajn. Hija għaddejja minn trasformazzjoni profonda li hija prova ġdida. Il-ħajja urbana qiegħda tiżviluppa ruħha, kriżi ekonomika, akkumpanjata minn kriżi spiritwali u minn kriżi ta’ valuri, qiegħda taffettwa l-komunitajiet lokali. Madankollu, intom tistgħu tħarsu lejn il-futur b’serenità jekk tibqgħu sodi fil-fidi ta’ Kristu rxuxtat, jekk tippermettu lill-Ispirtu tiegħu li jifforma fikom t-tweġibiet għall-isfidi l-ġodda, jekk turu solidarjetà ma’ xulxin, jekk taċċettaw li tkunu ħmira fil-Knisja u fis-soċjetà.
U l-komunitajiet insara tagħkom jilqgħu immedjatament l-isfida jekk ikunu kapaċi jibnu u japprofondixxu l-fidi tal-membri tagħhom permezz tal-katakeżi taż-żgħażagħ u tal-istudenti, permezz ta’ formazzjoni permanenti tal-adulti, permezz ta’ korsijiet jew irtiri. Dan ifisser li jkollok fidi li hija aċċettazzjoni personali ta’ Alla l-ħaj u li tħaddan il-kredu kollu kemm hu. La tħallux li l-prestiġju tal-kultura profana jakkumpanja fikom l-injoranza reliġjuża. Il-komunitajiet tagħkom jagħmlu progress u jiġġeddu jekk tagħtu spazju ikbar lill-meditazzjoni dwar il-Vanġelu, lit-talb, lis-sagramenti tal-Ewkaristija u l-Qrar.
Tentattivi fid-direzzjoni tal-ġustizzja, tal-karità u tal-parteċipazzjoni li tistà tiġi definita bħala “imħabba soċjali” qegħdin jissugraw li jsiru filantropija sempliċi , jekk ma jqabbdux għeruqhom ma dik il-qawwa spiritwali li nsibu fil-kitbiet ta’ San Ġwann Kriżostmu li għalihom rreferejt. Mela, huwa kien kellem lil grupp ta’ kredenti li kienu nsew l-esiġenzi etiċi tal-fidi. Illum hemm bżonn li l-ewwelnett nerġgħu ngħixu dik il-fidi li f’uħud ġiet imregħda u mitfugħa fid-dubju.
8. Imma huwa evidenti li fidi mifhuma sewwa tinvolvi l-impenji kollha tal-karità li dwarha kien tkellem ir-ragħaj f’Kostantinopli u li llum tistà tiġi definita b’dan il-mod:
– rispett lejn il-persuni għal-libertà u d-dinjità tagħhom, sabiex ma jiġux imgħaffġa mir-restrizzjonijiet soċjali ġodda;
– rispett għad-drittijiet umani, skont il-karti diġa magħrufa, inkluż id-dritt għall-ħajja sa mill-ewwel waqt tal-konċepiment, id-dritt għar-reputazzjoni propja, id-dritt għall-iżvilupp, id-dritt għal-libertà tal-kuxjenza;
– rifjut tal-vjolenza u tat-tortura; interessament għall-kategoriji inqas favoriti, għan-nisa, il-ħaddiema, id-diżokkupati, l-immigranti;
– ristabiliment ta’ miżuri soċjali għal ugwaljanza ikbar u ġustizzja għal kulħadd, irġiel u nisa, bla rigward għall-interessi individwali jew għall-privileġġi;
– ir-rieda li tgħix ħajja sempliċi u li taqsam ġidek, f’kuntrast mat-tellieqa għall-profitt, għall-konsum u għall-gratifikazzjoni artifiċjali b’mod li ma jkunx permess ukoll lill-foqra, ikunu min ikunu, li jgħixu ħajja dinjituża;
– ftuħ iktar universali lejn il-bżonnijiet bażilari tal-Pajjiżi inqas fortunati, b’mod partikolari dawk ġeneralment imlaqqmin “is-Sud”, ir-reġġjuni li fihom kuljum eluf ta’ esseri umani imutu minħabba nuqqas ta’ paċi u ta’ forom ta’ assistenza elementari; u allura l-preokkupazzjoni li ssib, fil-livell internazzjonali, soluzzjonijiet effettivi għal distribuzzjonijiet iktar ekwi tal-ġid u tar-riżorsi fuq l-art;
– Iż-żelu missjunarju għall-għajnuna bejn il-Knejjes.
Hekk il-komunitajiet tagħkom ikunu kapaċi jipprovdu għall-kondiviżjoni ġeneruża li tibda minn dawk li jinsabu l-iktar qrib u mbagħad tiftaħ, bla fruntieri, għad-dinja. Intom ma tistennewx li taraw solvuti l-problemi soċjali tagħkom – li huma bla dubju gravi ħafna, qiegħed naħseb b’mod partikolari għall-problema tad-diżokkupazzjoni – qabel ma tgħixu dik il-milja ta’ karità deskritta minn San Ġwann Kriżostmu.
Dawn l-attivitajiet ta’ solidarketà kollha intom twettquhom individwalment jew permezz tal-assoċjazzjonijiet insara tagħkom, u wkoll billi tieħdu sehem fl-inizjattivi tal-istituzzjonijiet tas-soċjetà ċivili (cf. Gaudium et Spes, 42-43). U billi ssegwu l- motivazzjoni nisranija li tara fiil-persuna l-oħra ħuk jew oħtok f’Alla u membru tal-Knisja, tkunu l-ħmira li tkabbar l-għaġna għal-livell ta’ ġustizzja ikbar, solidarjetà fraterna u mħabba soċjali.
9. Il-komunitajiet ekkleżjali tagħkom ikunu dejjem iktar stabbli u dinamiċi jekk kull wieħed u waħda tiżvolġu l-irwol tagħkom, skont il-vokazzjoni tagħkom u l-kariżma tagħkom, bħalma għidt dalgħodu fil-katidral: isqfijiet, saċerdoti, reliġjużi, lajċi.
Huwa meħtieġ bla dubju li jiffurmaw ruħhom dawk li intom issejħu “groupes-relais” (gruppi ta’ appoġġ) bl-iskop li juru aħjar il-vitalità tal-Knisja billi jippermettu attivitajiet speċjalizzati u azzjoni verament umana. Imma kollox irid ikun indirizzat għall-għaqda fil-missjoni komuni tal-evanġelizzazzjoni, u hawn il-parroċċa tiżvolġi rwol uniku. Għall-gruppi kollha l-vokazzjoni tal-parroċċa “hija dik li tkun dar tal-familja, fraternal u akkoljenti, fejn l-imgħammdin u l-ikkreżimati (għamlu l-griżma tal-isqof) jagħrfu li huma poplu ta’ Alla. Minn hemm huma jkunu mill-ġdid mibgħuta kuljum għall-missjoni apostolika, fis-siti kollha tal-ħajja tad-dinja” (cf. Ioannis Pauli PP. II,Catechesi Tradendae, 67).
10. Għeżież ħuti, aħna poplu fi vjaġġ. Aħna naħdmu hawn isfel b’kuraġġ u mħabba mħeġġa biex nibnu dinja ġdida iktar miftuħa għal Alla u iktar fraterna, dinja li toffri xi immaġni antiċipatriċi tad-dinja li trid tiġi (cf. Gaudium et Spes, 39). Ejjew infittxu li ma ninsewx il-milja li għaliha Alla qiegħed isejħilna!
San Ġwann Kriżostmu, dixxiplu tal-Mulej, suċċessur tal-appostli, kien sostnut tul il-korsa ta’ ħajtu fatikuża u diffiċli minn tama eskatoloġika: it-tama tad-dinja l-oħra, tal-ħajja l-ġdida imwegħda lilna minn Alla li San Pawl kien ħabbar fl-ittra tiegħu lill-Korintin: “Id-daqsxejn ta’ tbatija tagħna ta’ issa tħejjilna kobor ta’ glorja bla qies għal dejjem; lilna li ma nħarsux lejn il-ħwejjeġ li jidhru, iżda lejn dawk li ma jidhrux. Dawk li jidhru huma għal żmien qasir, dawk li ma jidhrux huma għal dejjem” (2 Kor 4, 17-18).
Il-leħen ta’ Pawlu, u l-leħen tal-kbir qaddis ta’ Kostantinopli ikomplu jidwu fi qlubna, flimkien mal-leħen tal-isqfijiet tagħkom stess magħqudin mas-suċċessur ta’ Pietru!
L-interċessjoni ta’ Sidtna tal-Assunzjoni, Sidtna tal-Acadia, tippermetti lill-Knisja ta’ Moncton u tad-dijoċesijiet l-oħra li jikbru, li jissaħħu, li jixegħlu l-influwenza tagħha, bħala antiċipazzjoni tad-destin etern tagħha: “Ħarsitna hija ffissata fuq dak li ma narawx, li hu etern!”.
Amen.
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb
Fittex ħafna aktar Omeliji, Diskorsi, Messaġġi u Kitbiet tal-Papa San Ġwanni Pawlu II minn duin il-paġna tal-Laikos … https://www.laikos.org/jpii.htm