Il-Papa Ljun XIV fl-Angelus tat-22 Ħadd matul is-Sena Ċ

IL-PAPA LJUN XIV
ANGELUS
Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 31 ta’ Awwissu, 2025

Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb!

Madwar il-mejda flimkien, speċjalment fil-ġranet ta’ serħan u ta’ festa, hu sinjal ta’ paċi u komunjoni fil-kulturi kollha.  Fl-Evanġelju ta’ dal-Ħadd (Lq 14,1.7-14) Ġesù mistieden għall-pranzu għand wieħed mill-kapijiet tal-fariżej.  Il-mistednin iwessgħu l-qalb u l-mistieden għandu jidħol fid-dinja ta’ ħaddieħor bl-umiltà.  Il-kultura tal-laqgħa titmantna b’dawn il-ġesti li jqarrbu.  Il-laqgħa mhux dejjem ħaġa ħafifa.  L-Evanġelista jinnota li l-mistednin “kienu qed josservaw” lil Ġesù u ġeneralment dawk li kienu jinterpretaw it-tradizzjoni b’reqqa esaġerata kienu jħarsu lejh b’ċertu suspett.  Madankollu, il-laqgħa sseħħ għax Ġesù jersaq qrib realment, ma jżommx ruħu maqtugħ mis-sitwazzjoni.  Hu jġib ruħu ta’ mistieden ġenwin b’rispett u awtentiċità.  Jirrifjuta l-formalitajiet li ma jippermettux li l-laqgħa tkun reċiprokament awtentika.  Allura, bl-istil tipiku tiegħu, jiddeskrivi dak li jara permezz ta’ parabbola u jistieden lil min kien qed josservah biex jimmedita.  Infatti hu osserva li kien hemm taqtiegħa għall-ewwel postijiet.  Dan jiġri llum ukoll, mhux fil-familja, imma fl-okkażjonijiet li fihom ikun hemm bżonn “li wieħed jiġbed l-attenzjoni”; allura l-konvivjalità tinbidel f’tellieqa.

Ħuti, meta nersqu lkoll flimkien lejn il-mejda ewkaristika, fil-jum tal-Mulej, ifisser li aħna wkoll għandna nħallu lil Ġesù jkellimna.  Hu jsir mistieden tagħna b’qalbu kollha u jkun jista’ jgħidilna kif qed jarana. Importanti ħafna li aħna nħarsu lejna nfusna mil-lenti tiegħu: niftakru mill-ġdid kif spiss ħajjitna nagħmluha tellieqa, kif nimtlew bl-ansjetà biex niksbu xi forma ta’ għarfien, kif għal kull ħaġa ta’ xejn nitqabblu bejnietna.  Nieqfu ftit biex nirriflettu, inħallu l-Kelma li tiċċalinġja l-prijoritajiet li jgħammru fi qlubna, theżżiżna: din hi esperjenza ta’ libertà.  Ġesù jridna nkunu ħielsa.

L-Evanġelju juża l-kelma “umiltà” biex jurina kif tkun il-libertà perfetta (cfr Lq 14,11).  Infatti l-umiltà tfisser li ninħelsu minna nfusna.  Din tidher meta s-Saltna t’Alla u l-ġustizzja tiegħu isiru ċ-ċentru tal-interessi tagħna u hekk inkunu nistgħu nħarsu fil-bogħod: mhux lejn il-ponta ta’ riġlejna, imma ‘l bogħod!  Min jiftaħar, ġeneralment, donnu ma jsib xejn aktar interessanti lil hinn minnu nnifsu, iżda fil-fatt, ftit li xejn ikun ċert minnu nnifsu.  Imma min fehem li hu tant prezzjuż f’għajnejn Alla, min iħoss profondament li hu/hi iben jew bint Alla, jimpurtah minn affarijiet oħra u għandu dinjità li tiddi minnha nfisha.  Meta minflok ninqdew bis-sitwazzjoni, nitgħallmu nkunu ta’ servizz, l-umiltà tfiġġ fina, tieħu l-ewwel post bla sforz u bla strateġiji,

Għeżież, nitlobu llum biex il-Knisja tkun skola ta’ umiltà għal kulħadd, jew aħjar, tkun id-dar li fiha dejjem insibu min jilqagħana, fejn ma jkollniex għalfejn nitqabdu biex niksbu l-post, fejn Ġesù jista’ jkompli jedukana u jgħallimna nixbħuh fl-umiltà u l-libertà.  Marija, li issa se nduru lejha bit-talb, hi l-Omm vera ta’ din id-dar.

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

bi sfortuna l-gwerra fl-Ukrajna għadha qed taħsad ħajjiet u toħloq distruzzjoni.  F’dal-ġranet ukoll, il-bumbardamenti laqtu bosta bliet u ħallew bosta vittmi inkluz fil-kapitali Kyiv.  Inġedded il-qrubija tiegħi lejn il-poplu ukren u l-familji miġrugħin.  Nistieden lil kulħadd biex ma jaqax fl-indifferenza, imma jsir proxxmu tagħhom bit-talb u b’ġesti konkreti ta’ karità.  Intenni bil-forza l-appell pressanti tiegħi biex jieqaf il-ġlied minnufih u biex ikun hemm impenn serju għad-djalogu.  Wasal iż-żmien li min hu responsabbli jiċħad il-loġika tal-armi u jaqbad it-triq tan-negozjati u tal-paċi, bl-għajnuna tal-komunità internazzjonali.  Leħen l-armi għandu jissikket, waqt li għandha tgħolli leħinha l-vuċi tal-fraternità u tal-ġustizzja .

Nitolbu għall-vittmi tal-isparatura traġika li seħħet waqt Quddiesa fi skola fl-Istat Amerikan ta’ Minnesota u ninkludu wkoll l-għadd kbir ta’ tfal maqtulin jew feruti madwar id-dinja.  Nitolbu bil-ħerqa lil Alla biex iwaqqaf dil-pandemija tal-armi, żgħar u kbar, li qed tinfetta d-dinja.  Jalla Ommna Marija, Sultana tal-Paċi, tgħinna nwettqu l-profezija ta’ Iżaija: “huma jibdlu x-xwabel tagħhom f’sikek tal-moħriet, u l-lanez tagħhom fi mnieġel” ( 2,4).

Qlubna miġrugħin ukoll minħabba dawk il-50 ruħ li mietu u l-mija l-oħra mitlufin fin-nawfraġju ta’ dgħajsa tal-migranti, li kienu qed jippruvaw jagħmlu vjaġġ ta’ 1100 kilometru lejn il-Gżejjer Kanarji, li nqalbet qrib il-kosta atlantika tal-Mawritanja.  Dit-traġedja mortali qed narawha ssir kuljum kullimkien fid-dinja.  Nitolbu biex il-Mulej jgħallimna, kemm individwalment u wkoll bħala soċjetà, biex inqiegħdu fis-seħħ il-kelma tiegħu: “Kont barrani u lqajtuni” (Mt 25,35).  Il-feruti kollha, il-mejtin u dawk mitlufin inqegħduhom kollha fid-dirgħajn mimlija mħabba tas-Salvatur tagħna.

Għada, l-1 ta’ Settembru, hu l-Jum Dinji ta’ Talb għall-kura tal-ħolqien.  Għaxar snin ilu l-Papa Franġisku flimkien mal-Patrijarka Bartilmew I, kien waqqaf dan il-jum għall-Knisja Kattolika kollha.  Dan hu jum importanti u urġenti ħafna li dis-sena għandu t-tema “Żerriegħa ta’ paċi u tama”.  Magħqudin mal-insara kollha niċċelebrawh tul dan “iż-żmien tal-ħolqien” li jintemm nhar l-4 ta’ Ottubru, festa ta’ San Franġisk ta’ Assisi.  Fl-ispirtu tal-Cantico di frate sole, li hu kien ikkompna 800 sena ilu, infaħħru ‘l Alla u nġeddu l-impenn tagħna biex ma nirvinawx id-don tiegħu imma nieħdu ħsieb id-dar komuni tagħna.

B’għożża nsellem lilkom ilkoll fidili minn Ruma u pellegrini mill-Italja u minn bosta pajjiżi.  Insellem b’mod partikolari lill-gruppi parrokkjali minn Quartu Sant’Elena, Morigerati, Venegono, Rezzato, Brescello, Boretto u Gualtieri, Val di Gresta, Valmadrera, Stiatico, Sortina u Casadio; u lill-gurpp tal-familji minn Lucca li waslu mill-mixja “Francigena”.

Insellem ukoll lill-Fraternità Lajkali tas-sorijiet “Dimesse” minn Padova, liż-żgħażagħ tal-Azzjoni Kattolika u tal-AGESCI minn Reggio Calabria, liż-żgħażagħ minn Gorla Maggiore u lil dawk li se jagħmlu l-Konfermazzjoni minn Castel San Pietro Terme; kif ukoll lill-Moviment Shalom minn San Miniato flimkien mal-Filarmonika Angiolo del Bravo, lill-Assoċjazzjoni “Noste Libere” minn Taviani u lill-grupp “Genitori Orsenigo”.

Il-Ħadd it-tajjeb  lil kulħadd!

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading