UDJENZA ĠUBILARI
KATEKEŻI TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
Pjazza San Pietru
Is-Sibt 6 ta’ Settembru 2025
Katekeżi. 1. Tittama jfisser tħaffer. Elena Imperatriċi
Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
Merħba lilkom ilkoll pellegrini, li ġejtu Ruma minn tant postijiet differenti. F’din il-belt għanja bl-istorja aħna nistgħu niġu kkonfermati fil-fidi, fl-imħabba u fit-tama. Illum se nieqfu fuq aspett partikulari tat-tama.
Nixtieq nibda b’tifkira: meta konna għadna tfal, kellu faxxinu speċjali li ndaħħlu jdejna ġol-ħamrija. Niftakruh dan, u forsi għadna nosservawh: nagħmlu sew nosservaw il-logħob tat-tfal! Inħaffru fl-art, inkissru l-qoxra iebsa tad-dinja u naraw x’hemm taħt…
Dak li Ġesù jiddeskrivi fil-parabbola tat-teżor fl-għalqa (ara Mt 13:44) ma għadux iżjed logħob tat-tfal, u safrattant il-ferħ tas-sorpriża hu l-istess. U l-Mulej jgħidilna: hekk hi s-Saltna ta’ Alla. Anzi: hekk insibuha s-Saltna ta’ Alla. It-tama terġa’ titkebbes meta nħaffru ’l isfel u nkissru l-qoxra tar-realtà, u ninżlu taħt il-wiċċ tagħha.
Illum nixtieq niftakar magħkom kif, malli kisbu l-libertà li jgħixu ta’ Nsara b’mod pubbliku, id-dixxipli ta’ Ġesù bdew jiskavaw, b’mod partikulari fil-postijiet tal-Passjoni, il-Mewt u l-Qawmien. It-Tradizzjoni tal-Lvant u tal-Punent tfakkar lil Flavja Ġulja Elena, omm l-imperatur Kostantinu, bħala r-ruħ wara dak it-tiftix. Mara li tfittex. Mara li tiskava. It-teżor li jkebbes it-tama fil-fatt hu l-ħajja ta’ Ġesù: jeħtieġ infittxuh.
Kemm ħwejjeġ oħra setgħet tagħmel imperatriċi! Kemm postijiet nobbli setgħet ippreferiet flok Ġerusalemm, fil-periferija. Kemm pjaċiri u unuri tal-palazz. Aħna wkoll, ħuti, nistgħu nħossuna komdi fil-pożizzjonijiet li lħaqna u fil-ġid, ftit jew wisq kbir, li jagħtina ċertezza fil-ħajja. U hekk nitilfu l-ferħ li kellna meta konna tfal, dik ix-xewqa li nħaffru u li nivvintaw, li tagħmel kull ġurnata waħda ġdida. Tafu intom, “tivvinta” bil-Latin tfisser “issib”. L-“invenzjoni” l-kbira ta’ Elena kienet is-sejba mill-ġdid tas-Salib Imqaddes. Dan hu t-teżor moħbi li għalih għandna nbigħu kollox! Is-Salib ta’ Ġesù huwa l-ikbar skoperta tal-ħajja, il-valur li jibdel il-valuri kollha.
Forsi Elena dan setgħet tifhmu għax kienet ġarret fit-tul is-salib tagħha. Ma kinitx twieldet fil-palazz: jingħad li kienet lukandiera ta’ bidu umli, li magħha nnamra l-futur imperatur Kostanzu. Iżżewwiġha, imma minħabba kalkoli ta’ poter imbagħad ma qagħadx lura milli jwarrabha u jbegħidha għal snin sħaħ minn binha Kostantinu. Meta laħaq imperatur, Kostantinu nnifsu kkawżalha mhux ftit niket u delużjonijiet, imma Elena dejjem baqgħet hi: mara li tfittex. Qatgħetha li ssir Nisranija u ħaddmet dejjem il-karità, u qatt ma nsiet liċ-ċkejknin li minn fosthom hi stess kienet ġejja.
Ħuti, tant dinjità u fedeltà għall-kuxjenza jibdlu d-dinja llum ukoll: iqarrbuna lejn it-teżor, bħax-xogħol tal-bidwi. Il-kultivazzjoni tal-qalb tagħna titlob it-taħbit. Hija l-ikbar ħidma. Imma meta nħaffru se nsibu, meta nitbaxxew se noqorbu dejjem iżjed lejn dak il-Mulej li tneżża’ minn kollox biex isir wieħed bħalna. Is-Salib tiegħu jinsab taħt il-wiċċ tal-art tagħna.
Nistgħu nimxu kburin, u bla ma nindunaw inkunu nżebilħu t-teżor li jinsab taħt saqajna. Imma jekk insiru bħat-tfal iż-żgħar, nagħrfu Saltna oħra, qawwa oħra. Alla jinsab dejjem taħtna, biex jerfagħna ’l fuq.
Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard