Minn Manwel Cutajar
Propju nhar il-Ħadd li ġej, 7 ta’ Settembru 2025, fl-10:00 ta’ filgħodu, il-Papa Ljun XIV fil-Pjazza ta’ San Pietru, fil-Vatikan,Ruma,solennament se jiddikjara liż-żewġ żgħażagħ il-Beatu Pier Giorgio Frassati (1901–1925) u lill-Beatu Carlo Acutis (1991-2006) bħala Qaddisin tal-Knisja Kattolika.
Id-data tal-Kanonizzazzjoni tagħhom kienet ġiet sospiża temporanjament, minħabba l-mewt tal-mikbi Papa Franġisku fil-21 ta’ April 2025, u l-Konklavi Papali tal-2025, u l-Elezzjoni tal-Q.T. il-Papa Ljun XIV fil-ġimgħat (xahrejn) ta’ wara.
Il-Kanonizzazzjoni taż-żewġ Beati kienet ġiet ikkonfermata mill-Q.T. il-Papa Ljun XIV waqt Konċistorju fit-13 ta’ Ġunju 2025, u se tkun waħda mill-aqwa mumenti qaddisa tas-Sena Ġubilari tat-Tama.
Filwaqt li l-Knisja Nisrani Kattolika kollha fid-dinja tifraħ b’din l-okkażjoni tant sabiħa u qaddisa tal-Kanonizzazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Qaddisin żgħażagħ ġodda, f’dal-artiklu se nikteb ftit dwar il-qdusija tal-qaddis il-ġdid San Carlo Acutis peress li għalija kien is-sors tal-motivazzjoni ewlenija għar-riċerka u l-kitba tal-artikli kollha tiegħi f’dawn l-aħħar tliet snin u nofs dwar il-Mirakli Ewkaristiċi matul l-Istorja kollha tal-Knisja Kattolika, ippubblikati f’ IL-LEĦEN u fil-paġna tal-LAIKOS, u inqraw ukoll fuq RADJU MARIJA minn Mrs Lilian Cutajar. Inrodd ħajr lis-Sur Pio Dalli (IL-LEĦEN ), lis-Sur Joe Farrugia (LAIKOS) u lid-Direttur il-Kanonku Antoine Borg u s-Sur Albert Brincat (RADJU MARIJA ) u l-istaffs kollha tagħhom għall-pubblikazzjoni u x-xandir ta’ dawn il-Mirakli Ewkaristiċi.
•
- Il-Bijografija ta’ San Carlo Acutis:
Carlo Acutis twieled fit-3 ta’ Mejju,1991, f’Londra, minn Andrea Acutis u Antonia Salzano.
Minn età żgħira, Carlo wera mħabba profonda lejn Alla, l-Ewkaristija l-aktar Qaddisa u l-Knisja Nisranija u Kattolika. Dan kollu għen ħafna spiritwalment lill-ġenituri tiegħu u lil tant bnedmin oħra.
“Qabel it-twelid ta’ Carlo, kont verament maqbud fil-kultura ta’ żmienna,” tgħid ommu Antonia,”kont priġuniera ta’ dak kollu li hu relattiv u limitat. Imma ibni Carlo wrieni kif ngħix fis-seklu tiegħi filwaqt li ndur lejn l-Eternità.”
Il-familja tiegħu aktar tard marret toqgħod Milan, l-Italja.
- L-Ewwel Tqarbina tiegħu:
Devozzjoni Bikrija:
Carlo xtaq jirċievi lil Ġesù fl-Ewkaristija minn mindu kellu erba’ snin u beda l-katekiżmu meta kellu sitt snin.
Fl-età ta’ seba’ snin Carlo rċieva l-Ewwel Tqarbina tiegħu fis-16 ta’ Ġunju,1998, fil-Kunvent tas-Sorijiet Romiti ta’ Sant’Ambroġju f’Perego. Minn dakinhar ‘il quddiem, huwa kien jieħu sehem fil-Quddiesa u jirċievi l-Ewkaristija kuljum, li Din għalih kienet”it-triq Ewlenija tiegħi lejn is-Sema”
Prattika ta’ kuljum::
Wara li rċieva l-Ewwel Tqarbina, Carlo kien jieħu sehem fiċ-Ċelebrazzjonijiet tal-Quddiesa u l-Adorazzjoni Ewkaristika kuljum, u jagħmel mezz li jasal kmieni fil-knisja biex jimmedita u joqgħod ftit quddiem Ġesù Ewkaristiku u jekk jista’ jkun ma jfalli QATT dil-laqgħa personali u intima ma’ Ġesù.
Huwa kien iqis l-Ewkaristija bħala ”ċ-ċavetta għall-qdusija” u kien jemmen li meta jirċievi lil Ġesù fit-Tqarbin kien isir bħal Ġesù, fil-Qdusija u l-Imħabba Tiegħu.
Kienet l-għaxqa tiegħu jħares lejn l-Ewkaristija Divina meta kienet tkun esposata fl-Ostensorju, jew meta tkun magħluqa fit-tabernaklu. Kien jitkellem ma’ Ġesù u jisma’ lil Ġesù jkellmu f’ruħu u f’qalbu, daqslikieku kien ikun mal-aqwa ħabib.
Meta il-ħin kien jippermettilu, kien iqatta’ sigħat sħaħ, jħares u jitkellem, u jisma’ lil Ġesù fl-Ewkaristija.
Sors ta’ Saħħa:
L-Ewkaristija kienet għal Carlo Acutis is-sors ewlieni tas-saħħa u l-għexien tiegħu, u kien jitlob quddiem it-tabernaklu b’qima u imħabba profonda.
- L-Edukazzjoni ta’ Carlo Acutis:
Carlo beda l-edukazzjoni Primarja tiegħu fl-Istitut San Carlo, f’Milan. Iżda tliet xhur wara, peress li dal-Istitut kien kemxejn ‘il bogħod mid-dar tiegħu, Carlo ġie ttrasferit għall-Istitut Tommaseo, immexxi mis-Sorijiet ta’ Santa Marcellina, fejn Carlo temm is-snin tal-iskola Primarja u Sekondarja Medja tiegħu.
Huwa kien student ħabrieki u intelliġenti li kien iġib marki għoljin fl-eżamijiet, u kien iħobb jistudja u jitgħallem. Kien iħobb jaqra ħafna, u jdoqq u jitgħallem waħdu s-sassofonu.
Carlo bħala katekist u abbati:
Carlo kien ukoll assistent katekist fil-parroċċa fejn kien joqgħod, Santa Maria Segreta, fejn kien jgħallem id-duttrina Nisranija lit-tfal tal-parroċċa.
Kien iservi u jgħin wkoll fil-Quddiesa bħala abbati. Is-sehem tiegħu fil-parroċċa kien parti ċentrali mill-ħajja ta’ Fidi tiegħu.
Ispirat mill-ħajja tal-Qaddisin:
Ħajtu kienet ispirata u ffurmata wkoll mill-ammirazzjoni tiegħu għal qaddisin oħra, bħal San Franġisk ta’ Assisi u Santa Tereża ta’ Kalkutta, u Carlo kien jagħmel ħiltu kollha biex jimita l-ħajja tagħhom ta’ sempliċità u servizz għall-oħrajn.
.L-Arċisqof Domenico Sorrentino ta’ Assisi nnota l-konnessjoni qawwija ta’ Carlo Acutis mal-ispiritwalità ta’ San Franġisk, filwaqt li enfasizza l-imħabba tiegħu għall-Ewkaristija u l-Verġni Marija.
Hawnhekk ta’ min igħid li Carlo kellu devozzjoni kbira lejn Marija Santissima u kien iħobb jitlob ir-Rużarju kuljum.
Tfajjel ferrieħi, ġeneruż u sportiv:
Flimkien mal-imħabba tiegħu għat-teknoloġija tal-kompjuter, il-logħob tal-futbol ma’ sħabu u l-ħin li jqatta’ jieħu ħsieb u jilgħab mal-kelb tiegħu kienu fost l-interessi li kkaratterizzawh bħala żgħażugħ tabilħaqq ferrieħi, enerġetiku, sportiv u fuq kollox ġeneruż. Kien iħobb ukoll jgħin lil sħabu fil-problemi kollha tagħhom, fosthom dawk li kellhom x’jaqsmu mat-teknoloġija tal-komputer.
Logħob tal-Video:
Kien iħobb jilgħab logħob tal-video bħal Halo, Mario, u Pokémon.
Fotografija u Produzzjoni tal-Video:
Dawn kienu wkoll attivitajiet li Carlo kien involut fihom, flimkien ma’ sħabu.
- Il-Programmazzjoni tal-Kompjuter:
Carlo beda juri interess qawwi fil-kompjuter u kien profiċjenti fl-ipprogrammar tal-komputer u jippratika u jgħallem lilu nnifsu jikkowdja bl-użu ta’ lingwi bħal C, C++, u Java. Wera fehim avvanzat tal-kompjuters minkejja li kien għadu żagħżugħ.
Kien juża l-ħiliet teknoloġiċi tiegħu biex joħloq websajt għall-parroċċa tiegħu u inizjattivi oħra relatati mal-Knisja, saħansitra rebaħ il-kompetizzjoni Nazzjonali Taljana “Sarai Volontario” (“Int se tkun voluntier”) fl-età ta’ 14-il sena għal websajt li ħoloq għall-parroċċa tiegħu.
Ħoloq ukoll websajt li tiddokumenta l-Mirakli Ewkaristiċi u d-Dehriet Marjani approvati kollha mill-Knisja Kattolika.
Essenzjalment, kien juża t-Teknoloġija biex jaqsam il-Fidi Tiegħu mal-ġenituri tiegħu u sħabu.
L-Għan ewlieni għala Carlo ħoloq das-Sit elettroniku tal-Mirakli Ewkaristiċi:
Carlo ħoloq dil-websajt iddedikata għad-dokumentazzjoni tal-Mirakli Ewkaristiċi minn madwar id-dinja, bil-ħsieb li juża din ir-riżorsa eletttonika biex ixerred il-fidi u jgħin lill-oħrajn jifhmu l-Preżenza reali ta’ Ġesù Kristu fl-Ewkaristija bil-Ġisem, id-Demm, ir-Ruħ u d-Divinità Tiegħu.
Il-bilanċjar fil-ħajja:
Madankollu, Carlo wera abbiltà notevoli li jibbilanċja dawn l-interessi f’żgħożitu mal-Fidi Nisranija profonda tiegħu u l-impenn tiegħu li jgħin kemm jista’ jkun lil ħaddieħor,u b’hekk juri li l-Qdusija u l-hena jistgħu jinsabu f’kull għemil tajjeb li wieħed jista’ jwettaq f’ħajtu.
San Carlo Acutis kien iwettaq dawn l-attivitajiet kollha b’dixxiplina u xewqa li jaqdi dejjem lil Alla u lill-proxxmu tiegħu.
“Appostlu tal-Ewkaristija”:
San Carlo Acutis huwa magħruf bħala l-“Appostlu tal-Ewkaristija” minħabba l-imħabba profonda li kellu matul ħajtu kollha għall-Ewkaristija, li kienet iċ-ċentru tal-fidi tiegħu, iżda l-Papa Franġisku kien jirreferu għalih b’dan it-titlu bħala “xhieda tad-devozzjoni tiegħu u l-mod kif kien juża d-doni tiegħu biex ixerred din id-devozzjoni.”
- Il-Marda u l-Mewt ta’ Carlo Acutis:
Carlo Acutis kellu 15-il sena meta fl-1 ta’ Ottubru,2006 beda jħoss uġigħ f’gerżumu u tellagħlu deni qawwi. Il-kundizzjoni tiegħu marret dejjem għall-agħar, u ttieħed l-isptar fejn ġie ddjanjostikat minnufih b’lewkimja akuta M3, forma rari ta’ lewkimja li tikkawża problemi serji fid-demm.
Għaldaqstant, ġie ttrasferit minnufih lejn l-isptar speċjalizzat ta’ San Gerardo f’Monza, l-Italja u ddaħħal malajr għall-kura intensiva u tpoġġa fuq ventilaturi.
Carlo sofra emorraġija fil-moħħ, li wasslitu għal koma, u ġie ddikjarat mejjet fil-moħħ fil-11 ta’ Ottubru, 2006.
Eventwalment, Carlo Acutis miet l-għada fit-12 ta’ Ottubru 2006.
L-Aħħar Jiem tiegħu
Sagrifiċċju:
Carlo kien qal lill-ġenituri tiegħu li ma kienx qed jistenna li joħroġ mill-isptar ħaj, u li kien “ddestinat li jmut”. Huwa offra t-tbatija tiegħu għall-Knisja u l-Papa.
Il-Funeral
Carlo talab biex jindifen bil-jeans, l-isneakers u l-ġersi favorit tiegħu.
Relikwi u Venerazzjoni tal-ġisem ta’ San Carlo Acutis
Ġismu ittieħet f’Assisi, l-Italja, fejn jinsab esebit f’knisja f’Assisi, minħabba d-devozzjoni tiegħu lejn San Franġisk. Ħafna Insara, fosthom Maltin u Għawdxin, jmorru jżuruh u jitolbu quddiemu.
- Is-Servizzl reliġjużi u umanitarji ta’ San Carlo Acutis għall-Knisja Kattolika u l-umanità kollha:
Kompassjoni kbira u Servizz lejn il-foqra u l-batuti:
San Carlo Acutis jibqa’ mfakkar mhux biss għall-imħabba tiegħu għall-futbol u l-kompjuter imma wisq aktar għall-Ispiritwalità profonda tiegħu u d-dedikazzjoni tiegħu biex jgħin volontarjament lill-morda, il-foqra u l-batuti f’għajnuniet soċjali u karitattivi.
Minbarra d-devozzjoni Ewkaristika tiegħu, San Carlo kellu qalb ħanina għall-foqra u l-persuni fil-bżonn, u kien jgħin regolarment lin-nies bla dar fil-belt tiegħu.
Difiża tal-Ħajja:
Huwa ddefenda bil-qawwa kollha t-tagħlim tal-Knisja, billi kien jappoġġja l-protezzjoni tal-ħajja mill-konċepiment sal-mewt naturali tagħha waqt diskussjonijiet fil-klassi dwar l-abort.
Difensur tal-Bullied:
Carlo kien magħruf talli kien jiddefendi lill-istudenti sħabu li kienu jiġu bullied, partikolarment dawk b’diżabilità, u jkun ta’ sapport għal sħabu żgħażagħ li kienu jgħaddu minn sitwazzjonijiet diffiċi fil-familji tagħhom, bħal separazzjonijiet jew divorzju tal-ġenituri tagħhom.
Għajnuna għall-anzjani:
San Carlo Acutis kien b’imħabba u sagrifiċċju kbir juża l-pocket money tiegħu stess biex jixtri l-bżonnijiet essenzjali, bħal sleeping bag għal raġel bla dar, u dejjem wera interess fl-anzjani u l-persuni b’diżabilità.
Mudell Dejjiemi għaż-żgħażagħ u għal kull min jagħmel użu tal-Internet:
Carlo jibqa’ jkun eżempju u mudell ta’ kif wieħed juża t-teknoloġija moderna u l-internet b’mod responsabbli għat-tajjeb, filwaqt li jevita l-perikli tal-pornografija u l-manipulazzjoni minn nies qarrieqa.
Il-Papa Franġisku,kien sejjaħlu wkoll mudell għaż-żgħażagħ tas-seklu 21 għall-abbiltà tiegħu li juża t-teknoloġija moderna tal-komunikazzjoni b’mod xieraq u għall-ġid tal-ġenerazzjoni żagħżugħa preżenti u futura.
- Il-Mirakli ta’ fejqan attribwiti lil San Carlo Acuti mill-Knisja Kattolika: L-Ewwel Miraklu: Il-Fejqan ta’ Mateus Vianna
• Tifel żgħir Brażiljan jismu Mateus mill-Campo Grande, il-Brażil, li kien ibati b’disturb konġenitali sever u rari tal-pankreas li kien jagħmilha diffiċli biex jiekol, u t-tobba ftit li xejn kellhom tama li jirkupra.
Omm Mateus talbet għall-interċessjoni ta’ Carlo Acutis.Ftit wara, il-kundizzjoni tal-frixa ta’ Mateus bdiet titjieb, u beda jiekol normalment. It-tobba ddikjaraw li Mateus kien imfejjaq kompetament mill-marda tiegħu.
• Dal-fejqan seħħ fl-2013 u ġie rikonoxxut uffiċjalment bħal miraklu fis-sena 2020 mill-Kummissjoni fi ħdan il-Vatikan responsabbli għall-kanonizzazzjoni u beatifikazzjonijiet tal-Qaddisin li tissejjaħ id-Dikasteru għall-Kawżi tal-Qaddisin.
Filfatt, dan l-ewwel miraklu wassal għall-Beatifikazzjoni ta’ Carlo Acutis fis-sena 2020.,
It-Tieni Miraklu: Il-Fejqan ta’ Valeria Valverde
Iż-żagħżuġħa Valeria Valverde, ta’ 21 sena mill-Costa Rica li kienet qed tistudja fl-Università f’Firenze, l-Italja.
Valeria sofriet trawma serja fir-ras wara inċident bir-rota, li rriżultat f’emorraġija fil-moħħ li ħallietha f’kundizzjoni kritika. Valeria kienet gravi ħafna, u kienet teħtieġ kirurġija ta’ emerġenza bi ftit tama ta’ sopravivenza.
Omm Valeria żaret il-qabar tal-Beatu Carlo Acutis f’Assisi u talbet għall-interċessjoni tiegħu. L-għada, Valeria bdiet tieħu n-nifs waħedha, u ftit wara, bdiet iċċaqlaq dirgħajha u titkellem. It-testijiet urew li l-emorraġija kienet sparixxiet kompletament, u wasslu għall-fejqan sħiħ tagħha.
Dan it-tieni miraklu ta’ fejqan bl-interċezzjoni tal-Beatu Carlo Acutis ġie rrikonoxxut ukoll bħala miraklu mid-Dikasteru għall-Kawżi tal-Qaddisin, tal-Vatikan f’Mejju 2024..
- Mafkar f’ġieħ San Carlo Acutis:
Monument ġdid tal-bronz għoli 11-il pied mill-artist Kanadiż Timothy Schmalz bit-titlu “San Carlo alla Croce” kien ġie inawgurat fil-15 ta’ Awwissu 2025. Dal-monument jinsab barra s-Santwarju tar-Rinunziate fil-Knisja ta’ Santa Marija Maggiore f’Assisi,u juri lil San Carlo Acutis, għarkupptejh ħdejn il-Kurċifiss Imqaddes,iżomm laptop bi iskrin li juri Kalċi u Patena – simbolu tal-konnessjoni tiegħu mat-teknoloġija u l-arkivju online tiegħu li jikkataloga l-Mirakli Ewkaristiċi.
- Il-Wirt u l-Legat ta’ San Carlo Acutis għall-ġejjieni:
•
Mudell għall-Insara Fidili u l-bnedmin kollha:
Ċertament, San Carlo Acutis se jservi bħala figura ta’ ispirazzjoni għall-bnedmin kollha ta’ rieda tajba, speċjalment għaż-żgħażagħ, billi juri kif huma jistgħu jintegraw il-Fidi u l-ħajja moderna f’relazzjoni profonda u awtentika ma’ Ġesù.- Ispirazzjoni għall-Era Diġitali:
Fl-aħħarnett, San Carlo Acutis huwa meqjus bħala mudell mhux biss għaż-żgħażagħ imma għal kull min b’xi mod jew ieħor jagħmel użu mit-teknoloġija moderna għaliex din tista’ tkun għodda qawwija biex jitħabbar il-Vanġelu, u jitrawwem it-tkabbir spiritwali fid-dinja diġitali.
- Ispirazzjoni għall-Era Diġitali: