Diskors tal-Papa Ljun XIV fil-Kungress tal-Akkademja Pontifiċja Marjana Internazzjonali

LILL-PARTEĊIPANTI TAL-KUNGRESS
TAL-AKKADEMJA PONTIFIĊJA MARJANA INTERNAZZJONALI

Sala Pawlu VI
Is-Sibt 6 ta’ Settembru, 2025

Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Eminenzi, Eċċellenzi,
distinti Awtoritajiet reliġjużi, ċivili u militari,
Sinjuri Ambaxxaturi,
studjużi tal-Marjoloġija,
għeżież ħuti!

Hu pjaċir tiegħi niltaqa’ magħkom fi tmiem il-Kungress tal-Akkademja Marjana Internazzjonali.  Insellem lill-President, lis-Segretarju u lill-membri tal-Kunsill Direttiv, lill-kollaboraturi u lill-benefatturi kollha.

Il-Verġni Marija, Omm il-Knisja, tgħallimna nkunu l-poplu qaddis ta’ Alla; minn dan tiġi wkoll l-importanza ta’ din l-Akkademja Pontifiċja, ċenaklu ta’ ħsieb, spiritwalità u djalogu, kompitu tal-koordinament tal-istudji marjoloġiċi u ta’ min iħobb il-marjoloġija, bħala servizz  ta’ pjetà marjana ġenwina u għammiela.

F’das-26 Kungress intom għarbiltu jekk Knisja bil-wiċċ marjan hix residwu tal-imgħoddi inkella profezija tal-ġejjieni, bil-ħila li toftom l-imħuħ u l-qlub mid-drawwiet u x-xenqa għal “soċjetà kristjana” li m’għadhiex teżisti.  Iddiskutejtu dwar l-għanijiet u l-valuri li l-kult marjan jipproponi lil min jemmen, biex taraw jekk dawn humiex ta’ servizz għat-tama u l-faraġ li hu dmir tal-Knisja li tħabbar.  Fil-Ġublew u fis-sinodalità intom sibtu żewġ kategoriji bibliċi u teoloġiċi li b’mod effikaċi jfissru l-vokazzjoni u l-missjoni ta’ Omm il-Mulej.

Bħala mara “ġjubilari”, Marija tidher bħala dik li dejjem tagħti bidu ġdid ibda’ mis-smigħ tal-Kelma, skont l-atteġġjament li Santu Wistin jiddeskrivi b’dal-mod: “Kulħadd jitolbok parir għal dak li jkun jixtieq, imma mhux dejjem jirċievi t-tweġiba li jkun irid.  Il-qaddej l-aktar fidil tiegħek hu dak li ma jistenniex li se jisma’ mingħandek dak li jrid hu imma pjuttost jagħti widen għal dak li jkun sama’ mingħandek” (Stqarrijiet, X, 26).  Bħala mara “sinodali”, hi mwaħħda għal kollox u maternament mal-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu, li jitlobna nimxu flimkien bħal aħwa, bħala dawk li qabel kien jidhrilhom li kellhom raġunijiet biżżejjed biex jibqgħu mifrudin minħabba diffidenza reċiproka u saħansitra ostilità (cfr Mt 5,43-48).

Knisja b’qalb marjana tindokra u tifhem dejjem aħjar il-ġerarkija tal-veritajiet tal-fidi, tintegra r-raġuni u l-għożża, il-ġisem u r-ruħ, l-universali u l-lokali, il-persuna u l-komunità, l-umanità u l-kożmu.  Hi Knisja li ma tismellx tagħmel lilha nfisha, lill-oħrajn u lil Alla, mistoqsijiet skomdi – “kif ikun dan?” (Lq 1,34) – li tterraq it-toroq esiġenti tal-fidi u tat-tama – “Ara jiena l-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minn skont kelmtek” (Lq 1,38).

Il-pjetà u d-drawwiet marjani orjentati lejn is-servizz tat-tama u tal-faraġ jillibwerawna mill-fataliżmu, mis-superfiċjalità u l-fundamentaliżmu; ir-realtajiet umani, ibda minn min hu tal-aħħar u l-imwarrbin iqisuhom bħala ħaġa serja; huma kontribut biex jingħata leħen lil min jisfa sagrifikat fuq l-altari tal-idoli antiki u ġodda.

Għax fil-vokazzjoni ta’ Omm il-Mulej aħna naqraw il-vokazzjoni tal-Knisja.  It-teoloġija marjana għandha d-dmir li fil-poplu t’Alla kollu tħawwel id-disponibbità għall-bidu ġdid li jitlaq minn Alla, mill-Kelma tiegħu u mill-ħtiġijiet tal-proxxmu, bl-umiltà u l-kuraġġ (cfr Lq 1,38-39); u minbarra dan, tnissel ukoll ix-xewqa lejn mixja ta’ għaqda li tnixxi mit-Trinità, biex tingħata xhieda lid-dinja tas-sbuħija tal-fidi, tal-fekondità tal-imħabba u tal-profezija tat-tama li ma taqarraqx.  Il-kontemplazzjoni tal-misteru t’Alla u tal-istorja bil-ħarsa interjuri ta’ Marija tħarisna mill-mistifikazzjonijiet tal-propaganda, mill-ideoloġija tal-informazzjoni marida, li qatt m’għandhom ħila jwasslu kelma diżarmata u diżarmanti, u tiftaħna għall-gratwità divina, għax biha biss ikun possibbli li l-bnedmin, il-popolazzjonijiet u l-kulturi jimxu flimkien fil-paċi (cfr Lq 24,36.46-48).

Din hi r-raġuni għala l-Knisja teħtieġ il-marjoloġija; teħtieġ li ssir riflessjoni dwarha u tkun offruta fiċ-ċentri akkademiċi, fis-santwarji u fil-komunitajiet parrokkjali, fl-assoċjazzjonijiet u fil-movimenti, fl-istituti tal-ħajja konsagrata; kif ukoll fil-postijiet fejn jissawru l-kuluturi kontemporanji, biex tivvalorizza l-faxxinu li joffru l-arti, il-mużika, il-letteratura.

Tul das-snin, l-Akkademja Marjana tat ħajja wkoll lil diversi inizjattivi biex twassal l-immaġni u l-messaġġ ta‘ Omm Ġesù bħala mezz ta’ laqgħa u djalogu bejn il-kulturi: infatti, Marija hi kooperatriċi perfetta mal-Ispirtu s-Santu, qatt ma tehda tiftaħ bibien, tibni pontijiet, iġġarraf ħitan u tgħin lill-umanità tgħix fil-paċi u l-armonija tad-diversitajiet.

Irroddilkom ħajr għal das-servizz ekkleżjali li jibqa’ jfakkarna li l-Knisja dejjem għandha wiċċ marjan u drawwiet marjani.  Nifraħ ukoll lil dawk li ppreżentaw il-kompożizzjonijiet mużikali u artistiċi għall-premju internazzjonali annwali “Marija, triq tal-paċi bejn il-kulturi”.

Għeżież, jalla l-Akkademja tkun dejjem aktar dar u skola miftuħa għal dawk kollha li jixtiequ jkunu ta’ servizz għall-knisja bl-istudji marjani tagħhom.  Nitlob għal dan u nakkumpanjakom bil-barka tiegħi.  Grazzi.

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading