Qawmien mill-mewt

Minn Dun Pawl Sciberras

Il-qawmien mill-mewt inqisuh taħt żewġ aspetti: qawmien għall-ħajja fiżika tal-ġisem f’każ li l-ġisem jerġa’ jingħata l-ħajja u jissokta fil-ħajja li kellu qabel; u qawmien għal xi tip ta’ ħajja li biha l-bniedem jibqa’ jgħix bir-ruħ u l-ġisem fi stat ta’ ħajja oħra. Eżempji tal-ewwel każ huma l-istejjer tal-qawmien mill-mewt li naqraw fl-evanġelji; eżempju tat-tieni każ hu biss il-fatt tal-qawmien ta’ Ġesù mill-mewt.

“Bil-qawmien mill-imwiet Ġesù ma reġax lura għas-sura tal-ħajja fuq l-art, kif kienu l-qawmien mill-imwiet li seħħu qabel l-Għid: bint Ġajru, iż-żagħżugħ ta’ Najn u Lazzru. Dawn kienu mirakli u dawk, imqajmin mill-mewt bil-qawwa ta’ Ġesù, reġgħu lura għal ħajja ‘ordinarja’ fid-dinja. F’xi mument kellhom jerġgħu jmutu. Il-qawmien ta’ Kristu mill-imwiet hi ħaġa essenzjalment differenti. Fil-ġisem irxuxtat tiegħu Ġesù, bil-qawmien mill-imwiet, jgħaddi minn stat ta’ mewt għal stat ta’ ħajja ’l hemm mill-ispazju u ż-żmien. Il-ġisem ta’ Ġesù fil-qawmien mill-imwiet hu mimli bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, hu msieħeb fil-ħajja ta’ Alla fi stat ta’ glorja hekk li San Pawl jista’ jgħid għal Kristu li hu ‘bniedem tas-sema (ara 1 Kor 15:35-50)’” (Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, Verżjoni bil-Malti, Arċidjoċesi ta’ Malta, 1993, n. 646, p. 169).

Fit-Testment il-Qadim jissemmew biss stejjer ta’ qawmien mill-mewt fl-istejjer ta’ Elija (1 Slat 17:17-24) u ta’ Eliżew (2 Slat 4:18-37; 13:20-21). Dawn għandna nifhmuhom fid-dawl tal-karattru letterarju, pjuttost leġġendarju, tagħhom. Huma aktar każijiet ta’ fejqan mill-mard milli qawmien mill-mewt tassew. Skont il-mentalità tal-Iżraelin ta’ dak iż-żmien lanqas kien jgħaddi minn moħħhom li l-mejtin iqumu.

Wisq aktar kien ’il bogħod minn moħħhom il-ħsieb tal-qawmien għal ħajja bla tmiem wara din il-ħajja. Din ma tidhirx fil-kotba tat-Testment il-Qadim, jekk mhux biss f’xi wħud minn dawk tal-aħħar żmien, ta’ żmien il-Makkabej (Dan 12:2; 2 Mak 7:9; 11:23; 14:46). Mill- Evanġelji nafu wkoll li l-Fariżej kienu jemmnu fil-qawmien mill-imwiet, imma s-Sadduċej ma kinux jemmnu (Mt 22:23; Mk 12:18; Lq 20:27; Atti 23:8). Hekk kienu jemmnu ħafna oħrajn ukoll, kif jixhdu l-kitbiet apokalittiċi (ara wkoll Ġw 11:24).

Hemm testi oħra fit-Testment il-Qadim li donnhom jixhdu xi twemmin fil-qawmien mill-imwiet; imma m’għandniex nifhmuhom hekk. Eżek 37:1-12 iħabbar il-qawmien ta’ Iżrael taħt ix-xenarju tal-qawmien tal-mejtin. Is 53:10-12 juri ħjiel tal-ħajja ġdida tal-Qaddej tal-Mulej; imma dan jista’ jfisser ukoll il-qawmien ta’ Iżrael. Hekk ukoll nistgħu ngħidu għal Is 26:19, għalkemm dan it-test jaqbel xi ftit mal-kliem ta’ Dan 12:2.

B’mod ġenerali għandna għax nagħrfu li r-rivelazzjoni ta’ ħajja oħra wara din u tal-qawmien mill-mewt għal ħajja ġdida kienet għadha ma ngħatatx fit-Testment il-Qadim, jekk mhux xi ftit fost xi twajbin li kienu jfissru din ix-xewqa. Irrivelazzjoni sħiħa tal-qawmien mill-mewt għall-ħajja kienet riservata biex issir fit-Testment il-Ġdid bil-qawmien ta’ Ġesù mill-imwiet.

Il-fatt tal-qawmien ta’ Ġesù mill-mewt ma rah ħadd. Ħadd ma rah iqum jew joħroġ ħaj mill-qabar. Dak li nafu fuq il-qawmien ta’ Ġesù mill-mewt nafuh mix-xhieda ta’ dawk li rawh ħaj wara mewtu. Fl-evanġelji għandna r-rakkonti tax-xhieda tal-qabar vojt u tad-dehriet ta’ Ġesù lid-dixxipli. B’kollox għandna erbatax-il episodju mqassmin fl-erba’ evanġelji. Xi wħud minnhom huma l-istess b’differenzi żgħar u oħrajn għal kollox differenti jew propji għal kull wieħed mill-evanġelisti. Id-differenzi nfissruhom mit-tradizzjonijiet differenti li minnhom ħarġu l-evanġelji u wkoll mill-intenzjoni partikulari ta’ kull wieħed mill-evanġelisti.

Barra r-rakkonti tal-evanġelji fuq il-qawmien ta’ Ġesù mill-mewt għandna wkoll ix-xhieda tal-kerygma,tal-predikazzjoni tal-ewwel żmien mill-Appostli. Il-qawmien ta’ Ġesù mill-mewt kien l-element ewlieni u essenzjali tal-kerygma. Id-diskorsi ta’ Pietru u ta’ Pawlu, irreġistrati fil-Ktieb tal-Atti tal-Appostli, huma xandir tal-qawmien ta’ Ġesù mill-mewt (Atti 2:24-28; 3:15; 4:10; eċċ.). Hekk ukoll xi formoli ta’ stqarrijiet tal-fidi tal-ewwel insara (Atti 8:37; Rum 10:9; 1 Kor 12:3; Ef 5:14; 1 Tim 3:16), u l-aktar ix-xandira ta’ San Pawl f’l Kor 15:3-8.

Dawn ir-riferenzi, ġejjin mill-predikazzjoni primittiva tal-Appostli sew lil-Lhud u sew lill-pagani, jixhdu li x-xandir tal-qawmien ta’ Ġesù mill-mewt kien element ewlieni u fundamentali tagħhom. Il-missjoni ewlenija tal-Appostli, fl-aħħar mill-aħħar, u l-ewwel dmir tagħhom kienet li jagħtu xhieda quddiem kulħadd li Ġesù ta’ Nażaret, li miet tassew, qam tassew mill-mewt (Atti 1:22; 10:41).

“Qam tassew!” (Lq 24:34). Din kienet il-fidi sħiħa u l-konvinzjoni assoluta tal-Appostli u tal-insara ta’ żmienhom. Fuq din il-fidi tagħhom hi mibnija l-fidi tagħna. U l-fidi tagħhom kienet mibnija fuq id-dehriet ta’ Ġesù wara mewtu. Fir-rakkonti tad-dehriet l-evanġelisti juru li huma fehmu jippreżentawhom bħala fatti veri, konkreti u reali. Dak li dehrilhom kien tassew Ġesù ta’ Nażaret, li miegħu huma kielu u xorbu mhux biss fil-ħajja ta’ qabel mewtu, imma wkoll fil-ħajja ta’ wara mewtu (Atti 10:41; Lq 24:43; ara Ġw 21:9-13). B’din l-azzjoni materjali Ġesù ried jurihom li hu kien tassew, l-istess wieħed li kien magħhom f’ħajtu. Hekk ukoll meta wriehom idejh u riġlejh u qalilhom biex imissuh (Lq 24:36-40; Ġw 20:20.27; Mt 28:9). Kien hu, mhux xi fantażma – kif ħasbuh għall-ewwel id-dixxipli – kien hu tassew bil-ġisem veru tiegħu (Lq 24:37-39).

Madankollu l-Appostli u d -dixxipli l-oħra sħabhom ma qabdux u emmnu mill-ewwel u bla ħsieb ta’ xejn li Ġesù, li kien miet tassew, qam mill-mewt tassew. Lin-nisa, li lilhom Ġesù deher l-ewwel (Mt 28:9; Mk 16:10; Ġw 20:6), ma emmnuhomx ( Mk 16:11; Lq 24:22- 23). U inqas meta Ġesù deher ukoll lilhom, xi wħud iddubitaw (Mt 28:17); u Tumas ried jara b’għajnejh u jmiss b’idejh biex jemmen (Ġw 20:24-28).

Tassew mhijiex ħaġa ħafifa taqbad u temmen li wieħed, li jkun miet żgur, iqum mill-mewt. Wisq aktar għal-Lhud ta’ dak iż-żmien, fosthom l-Appostli, li ma kinux kapaċi jifhmu “x’kien ifisser tqum mill-mewt” (Mk 9:10-32). Għalkemm kienu nies sempliċi, ma kinux daqshekk ħfief biex jaqbdu u jemmnu bla ħsieb ta’ xejn ħaġa kbira bħal din. In-nuqqas ta’ fidi u d-dubji tagħhom kienu providenzjali għalina; bihom insaħħu aktar il-fidi tagħna. Hi l-fidi ġejja mingħand l-Appostli li biha aħna wkoll bħalhom nemmnu li Ġesù, li miet tassew, qam tassew mill-mewt, u għadu ħaj (Atti 25:19; 1 Kor 15 :3-4).

Imma jibqa’ l-fatt li dan hu misteru tal-fidi. Il-qawmien ta’ Ġesù mill-mewt hu fatt veru u storiku. Imma aħna ma nafuhx mill-istorja; nafuh mir-rivelazzjoni. Xhieda tal-istorja m’għandniex, u lanqas l-Appostli ma kellhom. Ma rawhx iqum jew joħroġ mill-qabar. Imma rawh ħaj mill-ġdid wara mewtu. U emmnu, għax raw b’għajnejhom. “Ħenjin dawk li ma rawx u emmnu” ( Ġw 20:29).

“Ħadd ma jista’ jgħid kif seħħ fiżikament il-qawmien mill-imwiet, wisq anqas ma jista’ jfisser l-essenza interna ta’ dan il-qawmien, il-mogħdija għall-ħajja oħra, li s-sensi tagħna ma jintebhux biha. Il-qawmien mill-imwiet hu fatt storiku, ippruvat mill-qabar vojt u mil-laqgħat tassew tal-Appostli ma’ Kristu Rxoxt, imma jibqa’ dejjem fil-qalba tal-misteru tal-fidi f’dak li hu ’l fuq mill- istorja u jissuperaha” (Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika,n. 647 p. 169 ).

Għalhekk xi wħud jippreferixxu jsejħulu “fatt metastoriku”, fatt li jmur lil hemm mill-istorja. Il-qawmien ta’ Ġesù mill-mewt hu fatt veru u reali. Imma hu fatt li jaqbeż il-limiti tal- istorja u jmur ’il hemm miż-żmien; jidħol fl-isfera ta’ ħajja oħra li ma taqax taħt il-kriterji tal-istorja. Il-qawmien ta’ Ġesù mill-mewt hu aktar oġġett tal-fidi milli tal-istorja.

Il-qawmien ta’ Ġesù mill-mewt hu wkoll il-kawża tal-qawmien tagħna miegħu. B’mewtu Ġesù kiseb il-ħajja għalih u għalina. Ġie fid-dinja biex jagħti ħajtu għalina, biex imut għas-salvazzjoni tagħna (Ġw 10:11; 11:51-52). Imma jagħtina l-ħajja jew is-salvazzjoni mhux b’mewtu biss, imma bil-qawmien tiegħu mill-mewt ukoll. Din hi r-rivelazzjoni sħiħa tat-Testment il-Ġdid.

“Ġesù kien mogħti għal dnubietna u mqajjem għall-ġustifikazzjoni tagħna” ( Rum 4:24-25). Il-maħfra ta’ dnubietna u l-ġustifikazzjoni tagħna huma l-frott tal-mewt ta’ Ġesù u tal-qawmien tiegħu mill-mewt. In-nisrani jgħix bil-ħajja ta’ Ġesù Kristu, għax hu, li miet, qam mill-mewt u għadu ħaj (Gal 2:20). Alla l-Missier wilidna mill-ġdid “bil-qawmien ta’ Ġesù Kristu mill-imwiet” (1 Pt 1:3), jiġifieri tana l-ħajja ġdida miegħu u bih. L-Ispirtu s-Santu, il-Mulej li jagħti l-ħajja, hu d-don li Ġesù kisbilna bis-saħħa tal-glorifikazzjoni tiegħu, li fil-ħsieb ta’ San Ġwann tfisser il-passjoni u l-mewt ta’ Ġesù u l-qawmien tiegħu mill-imwiet (Ġw 7:39; 16:7; 20:22). L-Ispirtu, li qajjem lil Ġesù mill-mewt, iqajjem ukoll mill-mewt lil dawk kollha li jkunu fl-għaqda miegħu fl-istess Spirtu s-Santu (Rum 8:11).

Dan kollu jfisser li l-qawmien ta’ Ġesù mill-mewt hu wkoll, mal-passjoni u l-mewt tiegħu, il-kawża tas-salvazzjoni u tal-ġustifikazzjoni tagħna u tal-qawmien tagħna għall-ħajja miegħu. Aħna ngħixu bil-ħajja tiegħu sa minn din il-ħajja tal-art (Gal 2:20). Hekk ukoll għad ngħixu jew nibqgħu ngħixu miegħu wara din il-ħajja, għax hu qam mill-mewt u għadu ħaj. “Jiena ngħix, u intom ukoll għad tgħixu” (Ġw 14:19; 11:25-26).

Fir-rivelazzjoni tal-qawmien ta’ Ġesù mill-mewt għandna wkoll ir-rivelazzjoni tal-qawmien mill-mewt ta’ dawk kollha li jingħaqdu miegħu bil-fidi u l-magħmudija u wisq aktar bil-ħajja tagħhom miegħu u fih. “Nafu li dak li qajjem lil Sidna Ġesù, lilna wkoll għad iqajjimna flimkien ma’ Ġesù” (2 Kor 4:14; Rum 8:11; 1 Tess 4:14; 2 Tim 2:11 ). Ġesù hu l-qawmien u l-ħajja; hu jagħti l-ħajja bil-qawmien mill-mewt lil dawk li jemmnu fih (Ġw 11:25; 6:39-44.54).

Hu l-aktar Pawlu li kellu ħafna għal qalbu jħabbar il-qawmien mill-mewt ta’ dawk kollha li jmutu fil-Mulej Ġesù. Dan jagħmlu l-aktar fil-kapitlu 15 tal-Ewwel Ittra lill-Korintin. Xi wħud mill-Korintin bdew jiddubitaw dwar il- qawmien mill-imwiet. Pawlu weġibhom fit-tul; b’qawwa kbira afferma l-fatt tal-qawmien tal-mejtin fi Kristu u b’xi mod ipprova jfisser dan il-fatt, li hu sejjaħlu “misteru” (1 Kor 15:51). Bil-qawmien tagħna mill-mewt ma nerġgħux niksbu l-ħajja tal-ġisem ta’ din l-art, imma tingħatalna l-ħajja tal-ispirtu. Din hi l-ħajja li issa għandu Ġesù fil-ġisem glorjuż tiegħu u li minn issa stess fuq din l-art jagħtina sehem fiha bl-għaqda tagħna miegħu. Hi din l-għaqda tagħna ma’ Ġesù li hu ħaj li tagħtina l-garanzija tal-qawmien tagħna miegħu (Rum 8:11). Ġesù Kristu “għad irid ibiddlilna l-ġisem imsejken tagħna fis-sura tal-ġisem glorjuż tiegħu, bil-qawwa tas-setgħa li għandu li jġib kollox taħtu” (Fil 3:21). Dan ikun il-qawmien tagħna mill-imwiet bi Kristu u ma’ Kristu Sidna. “Jinżera’ ġisem naturali, iqum ġisem spiritwali” (1 Kor 15:44); ġisem glorjuż bħal dak tal-Mulej Ġesù, u ttrasformat bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.

Din tkun ir-rebħa sħiħa ta’ Ġesù fuq il-mewt. Hu rebbieħ bil-qawmien tiegħu, il-qawmien tar-Ras. Jeħtieġ li l-membri kollha tal-ġisem iqumu mill-mewt miegħu wkoll biex ir-rebħa tiegħu tkun sħiħa. “Niżżu ħajr lil Alla li tana r-rebħa permezz ta’ Sidna Ġesù Kristu” (1 Kor 15:57).

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading