Il-Kultura Vokazzjonali (4). Minn Joe Galea

Din hi r-raba’ parti minn konferenza li ta Padre Amadeo Cencini f’laqgħa lill-promuturi vokazzjonali li saret f’Pariġi mid-19 ta’ Novembru sal-1 ta’ Diċembru 2018. Padre Cencini hu speċjalista tal-vokazzjonijiet saċerdotali u tal-ħajja konsagrata. It-tema tal-konferenza kienet ‘Il-Kultura Vokazzjonali’.

IL-KULTURA VOKAZZJONALI – 4

Nistaqsu: X’formazzjoni hi jekk ma tinbidilx il-qalb, ma jinbidlux is-sentimenti, ma jinbidlux l-emozzjonijiet? Jekk il-formazzjoni hi biss intellettwali? Xi drabi naħsbu li l-aqwa hu li ż-żgħażagħ tagħna jistudjaw. Nara żagħżugħ jidħol filgħodu fil-kappella bil-kotba f’idu biex jagħmel il-meditazzjoni. Hi importanti l-kelma t’Alla, imma l-formazzjoni ma tistax tkun biss xi ħaġa tal-moħħ. Irridu niffurmaw is-sentimenti. Qatt ippruvajtu tikkonvertu sentiment jew sensazzjoni? Jaqaw li tikkonverti mġieba hi relattivament ħafifa? Hu għalhekk li għandna nitkellmu dwar formazzjoni permanenti.

Sensibbiltà’ intellettwali

Xi jfisser dan fil-pastorali vokazzjonali? Li naħdmu b’mod intelliġenti, kif huma intelliġenti l-ħafna animaturi. Imma biex inkunu iktar intelliġenti rridu naħdmu fuq is-sensibbiltà vokazzjonali u mmorru għall-essenzjal. Għaliex illum hawn il-kriżi vokazzjonali? Għax m’aħniex naħdmu fuq is-sensibbiltà, li tħaddan il-ħajja kollha, fosthom is-sensibbiltà relazzijonali, li l-ieħor hu importanti fil-ħajja. Aħsbu ftit fuq il-parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb u araw il-mod kif ġabu ruħhom il-qassis u s-Samaritan.

Hemm is-sensibbiltà intellettwali, dik ta’ min tgħallem il-gost li jfittex il-verità bil-moħħ tiegħu. Mhux bħal dak l-istudent li ċempel mill-università lill-professur biex jagħtih it-titlu għat-teżi. “X’inhu?”, wieġbu l-professur, “possibbli li wara 4 snin fl-Università Gregorjana ma twelidx fik l-interess li tapprofondixxi l-ħsieb tiegħek? It-teżi tagħmilha inti fuq suġġett għal qalbek, u wara riċerka skont il-ħila tiegħek. Jiena qatt mhu se nagħtik it-titlu tat-teżi. Huwa inti li trid tagħżel.”

Dwar il-fidi hemm is-‘sensibbiltà kredenti’. Tajjeb li nsejħulha hekk għax meta itgħid ‘fidi’, qed tifhem tgħid pakkett ta’ verità li għandna nemmnu. Imma jekk minflok tgħid ‘sensibbilità kredenti’, qed tgħid mixja li inti tagħmel kontinwament fid-dawl tal-mistoqsija: “Mulej fejn int? X’qed tgħidli? Fejn int mistoħbi? X’qed tagħtini, u x’qed titlob minni?” Din hi l-fidi awtentika. Sibu ġurnata li li fiha kontinwament tqiegħdu din il-mistoqsija. “Mulej, fejn inti?” B’hekk bħala fidi tikber is-‘sensibbiltà kredenti’.

Sensibbiltà morali

Aħsbu wkoll fuq is-‘sensibbilità morali’, li hi mod ieħor kif tgħid kuxjenza, li tmexxina biex ngħidu: “Dan tajjeb, u dan żbaljat”. Waħda mill-affarijiet l-iktar ta’ niket, l-iskandli sesswali ta’ żmienna, hi li tiltaqa’ ma saċerdoti li jkunu kkommettew dawn l-atti, u  jgħidu: “Imma, wara kollox, x’għamilt ħażin?” Din hi ‘sensibbiltà morali’, li ma tħallix li wieħed jitlef kull sens ta’ x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin.

Ma dan hemm is-‘ sensibbiltà penitenzjali’, il-kapaċità li tirrikonoxxi l-ħażin li għamilt u titlob maħfra. Tafu li l-maġġoranza l-kbira tas-saċerdoti li abbużaw sesswalment qatt ma talbu maħfra lil ħadd? Dan hu skadenza ta’ sensibbiltà li hi wkoll fostna.

Allura d-diversi sensibilitajiet nistgħu niġbruhom f’dik li nsejħulha s-‘sensibilità vokazzjonali’. U fuq dan irridu naħdmu, mhux li wieħed jingħata għal animatur vokazzjonali u mill-ewwel iqiegħed l-idea li s-saċerdoti qegħdin dejjem jonqsu. Dan il-mod għandu jiġi mwarrab radikalment. Irridu naħdmu fuq is-sensibbilità li għandu fih kull bniedem. Fiċ-ċentru hemm l-għażla vokazzjonali. Naslu hemm billi naħdmu fuq kull kwalità ta’ sensibbiltà, waħda waħda. Nifhmu li dan hu xogħol ta’ paċenzja,  xogħol li jmur għall-għeruq, xogħol li jfittex li jipprovoka fil-persuna d-dispożizzjoni minn qabel, li hi meħtieġa biex il-persuna tagħmel għażla, li hi l-għażla vokazzjonali, tkun liema tkun. Mhemmx għalfejn dik li ngħid jiena.

Importanti li l-animatur vokazzjonali jkun il-ħu l-kbir jew l-oħt il-kbira, ikbar fil-fidi u fid-dixxipulat, li joqgħod maġenb ħuh iż-żgħir biex jgħinu jagħmel din l-għażla vokazzjonali. Jgħinu billi jfittex li jattiva fiż-żagħżugħ dawn is-sensibilitajiet, li jistgħu jkunu iktar milli semmejna, bil-għan li nagħmlu l-ġid lill-oħrajn. Forsi ma jsirx il-missjunarju ta’ dik it-tali istituzzjoni, imma x’jimporta? L-aqwa li l-animatur vokazzjonali jkun responsabbli tal-mixja taż-żagħżugħ u jgħinu jattiva fih dawn l-atteġġjamenti.

Il-psikoloġija tgħid li kull sensibbiltà, kull għażla, hi ġestita minn sensibbiltà partikulari. Per eżempju l-għażla li temmen hi ġestita minn xiex? Mis-‘sensibbiltà kredenti’ tal-persuna, is-sensibbilità li tagħmilni nagħmel dik l-għażla.

Sensibbiltà affettiva

Jiġri li waqt li jien qed ngħix il-ħajja konsagrata, f’ħin minnhom għandi kriżi affettiva fil-mixja tiegħi, jew għaddej minn kriżi sentimentali u f’din il-kriżi innamrajt ma’ mara. Allura f’dak il-waqt min jiġġestixxi dik il-kriżi? Hi s-‘sensibbiltà affettiva’ tiegħi għax bħal kull għażla hi ġestita minn sensibbiltà. Hekk hu l-principju: kull għażla hi ġestita minn sensibbiltà korrispondenti. Mela hu ċar li l-għażla vokazzjonali hi ġestita mis-‘sensibbilità vokazzjonali’. U fuq dan li rridu naħdmu.

X’għandi nagħmel biex naħdem fuq is- sensibbiltà vokazzjonali? Anke hawn il-psikologija hi utli, u tgħidli: “Attent, għax f’kull sensibilità jikkonkorru u huma implikati sensibilitajiet oħra. Bħal meta naraw quddiem għajnejna s- sensibbiltà vokazzjonali bl-għażla li rridu nwasslu għaliha liż-żagħżugħ. Imma din is-sensibbiltà vokazzjoali min-naħa tagħha hi komposta mis-sensibiltajiet l-oħra kollha li rrid naħdem fuqhom biex nagħmel xogħol tajjeb maż-żagħżugħ li qed nakkumpanja. Fi kliem ieħor, inqajjem fih u nqiegħed f’moviment is-sensibbiltà intellettwali, dik spiritwali, dik etika, dik redentiva u sensibilitajiet oħra. Dan diġà fih innifsu hu mixja li biha jikber, anzi nistgħu ngħidu li din diġà hi evanġelizzazzjoni.  

Niftakru li l-vokazzjoni pastorali mhix għas-servizz tal-istituti tagħna bl-iskop li aħna nibqgħu neżistu. Mhix għan-novizjati tagħna ħalli jkollna n-numri. Motivazzjoni bħal din hi egoistika. Il-vokazzjoni hi għas-servizz tal-kobor fil-fidi tal-persuni li qegħdin nakkumpanjaw. Din trid tkun it-triq il-ġdida. Nagħmlu pastorali vokazzjonali mhux għall-interessi tal-istituzzjoni imma għall-prosperità tal-Knisja li f’dan il-mument hi rappreżentata fil-persuna li qed nakkumpanjaw u li rridu nkabbru fil-fidi, għax għażlet li tipproġetta l-ħajja futura tagħha ta’ min għandu l-fidi u jrid jikber fil-fidi.

Mod pedagoġiku

Irridu naħdmu fuq il-vokazzjoni b’mod pedagoġiku, allura b’mod intelliġenti. Hawn tidħol sensibbiltà oħra, dik ‘intellettwali veritattiva’. Forsi mhuwiex terminu li hu tant użat. Jagħti l-idea ta’ min irid ifittex bil-moħħ tiegħu dak li jittratta mal-futur tiegħu. Mela rridu nattivaw fiż-żagħżugħ dan l-orjentament, dan l-atteġġjament u din il-pre-dispożizzjoni interjuri. Il-persuna li tgħid: ”Jiena rrid infittex u nagħmel kollox bi ħsieb u nqiegħed f’din it-tfittxija l-impenn tiegħi kollu.” Hu sabiħ li tfittex il-verità. Fiha nfisha tirrappreżenta xi ħaġa li tiġbed lill-persuni intelliġenti. Għax il-bniedem iġorr fih istint ta’ verità. U aħna għandna bżonn tal-verità.

X’inhi l-problema llum? Hemm is-suġġettiviżmu u r-relattiviżmu, li qed iħabbru dan l-anti- Vanġelu. X’inhu dan l-anti-Vanġelu? L-Evanġelju jfisser aħbar tajba, l-anti-Vanġelu jfisser aħbar ħażina. X’inhi l-aħbar ħażina għaż-żagħżugħ tal-lum? Hi li ma teżistix verità. M’hemmx siwi f’li tfittixha, anzi jkun ħin moħli. U jekk teżisti l-verità, mhux faċli nsibuha. F’kliem ieħor il-periklu tal-enigma, li tfisser dlam, oskurità.

Il-misteru

Din hi l-pedagoġija li tgħinna niffurmaw għas- sensibbiltà. Li niffurmaw fis-sens tal-misteru. Misteru hu xi ħaġa li ma nifhmux. U għaliex ma nifhmuhx? Għax fil-misteru hemm ħafna dawl. Il-Vanġelu hu misterjuż. Il-ħajja hi misterjuża. Alla hu misteru. Anke l-futur tagħna hu misteru. Imma misteru jfisser li ma nistgħux nifhmu dik ir-realtà għax fih hemm ħafna dawl. Il-misteru, però, jixtieq li jiżvela ruħu lilna.

Il-misteru hu bħas-siġra taqbad ta’ Mosè. Tippretendix li tifhem kollox f’daqqa. Imma l-misteru jrid jiżvela ruħu billi jitkellem mas-sensi, għax hu sensibbli. Il-misteru jgħinek tagħti sens lill-ħajja. Hu aħbar tajba. Il-misteru hu arrikkit bid-dawl u bil-ħajja. Alla hu misteru. U dan hu sabiħ.

Għalhekk is-‘sensibbiltà veritattiva’, għax din l-idea li tittrażmetti l-misteru hi sabiħa. Fil-misteru hemm ħafna dawl imma lkoll nistgħu naddattaw ruħna għal dan id-dawl. X’inhu l-mod kif naddattaw ruħna għad-dawl ta’ Alla, li navviċinawh bil-mod il-mod, b’kalma u paċenzja.

Nedukaw fit-talb

Sensibbiltà oħra hi dik tat-talb. It-talb hu l-mod, ta’ paċenzja, ta’ kuljum li bih nidħlu fid-dawl tal-misteru. Il-mod li naddattaw il-ħarsa tagħna biex tara d-dawl qawwi. Li titlob ifisser li tidħol bil-mod il-mod  f’dan l-atteġġjament partikulari tal-pellegrin. Il-pellegrin jimxi fi triq li ma jafx huwiex fit-tajjeb. M’għandux strumenti ta’ gwida; allura x’jagħmel? Jisma’, mhux bħan-navigatur artifiċjali li waqt li jsuq għandu l-istrumenti fil-karozza li jiggwidawh biex imur għall-ajruport. In-navigatur naturali, minflok, iqiegħed idejh ma’ widnejh, u jisma’ b’interess. Kif jgħidu bil-Latin, “ob audiens”, li tisma’ intensament.

Għat-talb trid titgħallem tisma’, iktar milli tuża t-teknika.  Alla jitkellem minn taħt l-ilsien hekk li tista’ ma tindunax li qed ikellmek. Niftakru fit-terremot ta’  Elija, fejn hemm in-nar imma Alla mhux hemm, hemm ir-riħ,… iż-żiffa,… Trid titgħallem kull mument tistaqsi dawk il-mistoqsijiet? “Mulej, fejn int, xi trid tagħmel minni?”

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading