IL-PAPA LJUN XIV
ANGELUS
Pjazza San Pietru
XXV Ħadd taż-Żmien Ordinarju
Il-Ħadd, 21 ta’ Settembru, 2025
Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb!
Il-parabbola li smajna fl-Evanġelju tal-lum (Lq 16,1-13) tgħinna nirriflettu fuq kif nużaw il-ġid materjali, u aktar ġenerikament, fuq kif qed namministraw l-akbar ġid li għandu kulħadd, jiġifieri l-istes ħajja tagħna.
Fir-rakkont naraw li sid isejjaħ lill-amministratur tiegħu u jitolbu “jagħti rendikont” ta’ għemilu. Hi immaġni li tgħidilna xi ħaġa importanti: aħna m’aħniex sidjien ta’ ħajjitna u lanqas tal-ġid li ngawdu minnu; dan kollu ingħatalna mill-Mulej u dal-patrimonju Hu afdaħ f’idejna, fil-libertà u r-responsabbiltà tagħna. Ġurnata għad inkunu msejħin biex nagħtu rendikont dwar kif amministrajna lilna nfusna, il-ġid li għandna u r-riżorsi tad-dinja, kemm quddiem Alla kif ukoll quddiem il-bnedmin, quddiem is-soċjetà u fuq kollox, għal min għad irid jiġi warajna.
L-amministratur tal-parabbola sempliċiment fittex x’jaqbel lilu u meta jasal il-jum li fih kellu jagħti kont ta’ għemilu u jitneħħa minn amministratur, għandu bżonn jippjana x’kellu jagħmel għall-futur tiegħu. F’dis-sitwazzjoni diffiċli, hu jifhem li l-aktar valur importanti mhux il-ħażna tal-ġid materjali, għax ir-rikkezzi ta’ did-dinja jgħaddu; u allura tiġih idea brillanti: isejjaħ lid-debituri u “jnaqqas” id-dejn tagħhom, u jirrinunzja għas-sehem li kien ikun imiss lilu. Tabilħaqq jitlef ir-rikkezza materjali imma jirbaħ xi ħbieb li jkunu lesti jgħinuh u jwieżnuh.
Ispirat minn dar-rakkont Ġesù jħeġġiġna: “agħmlu għalikom infuskom ħbieb ta’ qligħ il-ħżunija, ħalli meta jonqoskom, jilqgħukom fl-għerejjex ta’ dejjem” (v. 9).
Infati, l-amministratur tal-parabbola, anki bil-mod li bih mexxa l-ġid diżonest ta’ did-dinja, jirnexxilu jsib kif jagħmel il-ħbieb, joħroġ mis-solitudni tal-egoiżmu tiegħu; kemm aktar aħna, dixxipli li ngħixu fid-dawl tal-Evanġelju, għandna nużaw il-ġid tad-dinja u ħajjitna stess bi ħsiebna fuq il-veru rikkezza, il-ħbiberija mal-Mulej u ma’ ħutna.
Għeżież, il-parabbola tistedinna nsaqsu lilna nfusna: kif qed namministraw il-ġid materjali, ir-riżorsi tal-art u l-istess ħajja li tana u fdalna f’idejna Alla Nistgħu nimxu fuq il-kriterju tal-egoiżmu: ir-rikkezza ntuha l-ewwel post u naħsbu biss għal rasna; iżda dan jaqtgħana minn mal-oħrajn u jiżra’ l-velenu tal- kompetizzjoni li spiss jipproduċi l-kunflitti. Inkella nistgħu naraw dak kollu li għandna bħala don li Alla tana biex namministrawh u nużawh bħala strument ta’ kondiviżjoni, biex ninsġu xbiek ta’ ħbiberija u solidarjetà, biex nagħmlu l-ġid, biex nibnu dinja aktar ġusta, aktar ekwa u aktar fraterna.
Nitolbu lill-Verġni Mqaddsa biex tinterċedi għalina u tgħinna namminstraw kif jixraq bil-ġustizzja u r-responsabbiltà dak li l-Mulej afda f’idejna.
Wara l-Angelus
Insellem b’għożża lilkom ilkoll li hawn preżenti fi Pjazza San Pietru u lil dawk li jinsabu magħna permezz tal-mezzi tal-komunikazzjoni.
Qabel xejn indur lejn ir-rappreżentanti ta’ diversi Assoċjazzjonijiet kattoliċi impenjati bis-solidarjetà mal-popolazzjoni tal-Istrixxa ta’ Gaża. Għeżież, napprezza l-inizjattiva tagħkom u ta’ ħafna oħrajn li fil-Knisja kollha jesprimu qrubija mal-aħwa li qed ibatu f’din l-art imbiċċra. Magħkom u mar-Ragħajja tal-Knejjes tal-Art Imqaddsa ntenni: mhemm ebda futur mibni fuq il-vjolenza, fuq l-eżilju sfurzat, fuq il-vendetta. Il-popli għandhom bżonn il-paċi: min iħobbhom verament jaħdem għall-paċi.
Insellem lill-pellegrini mid-Djoċesi ta’ Mindelo, Capo Verde, u lil dawk mid-Djoċesi ta’ Como; u wkoll lill-gruppi li ġew minn Angola, mill-Polonja – partikolarment lil dawk minn Bliżyn -, minn Ciudad Real fi Spanja, minn Porto (Portugall), u minn Mwanza fit-Tanżanja.
Insellem lis-saċerdoti tal-Kumpanija ta’ Ġesù li se jibdew kors ta’ studju f’Ruma; lis-Soċjetà ta’ San Vinċenz de’ Paoli; lill-fidili minn Sora, Pescara, Macerata, San Giovanni in Marignano, Venezja, Bassano del Grappa, Santa Caterina Villarmosa, Taranto, Somma Vesuviana, Ponzano Romano u l-gruppi mid-Djoċesi ta’ Padova.
Bil-ferħ nilqa’ l-Kor tal-Ordni tal-Avukati minn Verona; lill-Kor femminili minn Malo, f’Vicenza; lill-Fondazzjoni Oasi Nazaret minn Corato; lill-Assoċjazzjoni H-Earth Mani e Cuore; ħsieb speċjali jmur lejn il-persuni morda bl-Alzheimer u l-atassìa
Grazzi lil kulħadd u nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb!
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber