Nazzjon li jħaddan etika konsistenti favur il-ħajja. Omelija mill-Isqof Joe Galea Curmi

Il-Ħadd, 21 ta’ Settembru 2025: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fl-anniversarju tal-Indipendenza ta’ Malta. Konkatidral ta’ San Ġwann, Valletta.

L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Illum, bħala nazzjon, niċċelebraw il-kisba prezzjuża tal-indipendenza. L-indipendenza qatt m’għandha tittieħed bħala xi ħaġa ovvja; hija frott ta’ viżjoni, sagrifiċċji u perseveranza ta’ dawk li ġew qabilna, li aħna nfakkru bi gratitudni. Mhijiex biss in-nuqqas ta’ ħakma barranija, imma l-libertà li nfasslu d-destin tagħna, li nkunu poplu magħqud, u li ngħixu l-valuri tagħna.

Bħall-amministratur fl-Evanġelju tal-lum skont San Luqa, aħna ġejna fdati b’dak li hu prezzjuż: l-art tagħna, l-istorja tagħna, u l-ħajja komunitarja tagħna. Li tkun indipendenti jfisser li tkun responsabbli, għax il-libertà mingħajr responsabbiltà malajr tinbidel f’kaos jew abbuż. Il-libertà ma tfissirx awtonomija ċċentrata fuq il-bniedem innifsu, imma l-kapaċità li nagħżlu dak li hu tajjeb u veru. Il-libertà vera  tiffjorixxi  meta  tkun  imsejsa  fuq  il-verità,  il-ġustizzja  u l-imħabba.

L‑amministratur u r‑responsabbiltà nazzjonali

Fl-Evanġelju tal-lum, l-amministratur ġie msejjaħ jagħti kont. Hu kien abbuża minn dak li kien ġie fdat f’idejh u kellu jħallas il-konsegwenzi. Din il-parabbola tfakkarna li r-responsabbiltà mhijiex xi ħaġa miżjuda; hija parti essenzjali tal-libertà. Dak li japplika għall-individwu japplika wkoll għan-nazzjon. Ġurnata waħda ’l quddiem l-istorja se tistaqsina, lilna lkoll: x’għamiltu bl-indipendenza tagħkom? Bnejtu soċjetà ta’ integrità u ta’ onestà, jew ħlejtu l-libertà tagħkom fix-xejn permezz ta’ diżonestà u interessi personali?

L-indipendenza titlob kontabbiltà, integrità, għerf, u ġustizzja. Ma għandna qatt ninsew: il-korruzzjoni li teqred il-ġustizzja, il-ħasil tal-flus li jħeġġeġ il-kriminalità, l-isfruttament tad-dgħajfin li jgħaffeġ lill-innoċenti, l-abbuż tal-poter li jittradixxi l-fiduċja, il-qerda tal-ambjent li tkasbar il-ħolqien, u l-pjaga tad-drogi li tkisser il-familji u tjassar ġenerazzjonijiet sħaħ – dawn mhumiex żbalji żgħar jew insinifikanti; huma tradiment tal-indipendenza nnifisha. Meta ħażen bħal dan jieħu l-għeruq, l-indipendenza tiġi mħassra minn ġewwa.

L-indipendenza vera ma titkejjilx biss bil-bnadar, bil-parati jew bid-diskorsi politiċi. Titkejjel bil-fibra etika tas-soċjetà tagħna: li nqisu kull persuna, hi min hi, bid-dinjità tagħha, li l-foqra jkunu protetti,

li l-ġustizzja sseħħ anki meta tkun inkonvenjenti. L-indipendenza għandha dimensjoni politika u etika, u biss meta t-tnejn jiġu onorati, nistgħu nkunu b’idejna nodfa quddiem Alla u l-istorja.

Naqdu lil Alla, mhux il-flus

Ġesù jtemm il-parabbola bi twissija qawwija: “Ma tistgħux taqdu lil Alla u lill-flus” (Lq 16:13). L-għadu tal-indipendenza vera mhuwiex biss il-ħakma mill-barrani, imma wkoll meta nsiru skjavi tal-kilba għall-flus, tar-regħba, tal-poter. Poplu li jaqdi l-flus jista’ jidher indipendenti, imma fir-realtà jkun marbut bi ktajjen inviżibbli.

L-indipendenza vera tagħna tintwera minn kif namministraw il-ġid, kif immexxu l-ekonomija, u lil min inkunu fil-fatt qed naqdu. Il-miżura tal-indipendenza tagħna tidher fil-mod kif inħarsu lejn dawk l-aktar vulnerabbli – dawk li tnisslu imma għadhom ma twildux, l-anzjani, il-morda, il-foqra, il-migranti, dawk bla post fejn jgħixu, dawk li qed jiffaċċjaw sfidi ta’ saħħa mentali. Ġesù nnifsu identifika ruħu magħhom: “Kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25:40).

Il-bażi tal-indipendenza vera

L-indipendenza ssejħilna biex inkunu dejjem immexxija minn etika konsistenti favur il-ħajja, li tfisser li niddefendu u nħarsu l-ħajja umana f’kull stadju, f’kull kundizzjoni, u f’kull persuna. Il-protezzjoni tal-ħajja ma għandhiex tkun frott ta’ konvenjenza imma ta’ konvinzjoni. Ma għandhiex tkun dipendenti fuq il-kunsens popolari, għax anke ħajja umana waħda hija prezzjuża. Soċjetà li tgħid li hi ħielsa imma tippermetti l-qerda tal-ħajja fil-punti l-aktar dgħajfa tagħha tkun qed tkisser il-pedamenti tagħha stess.

Aħna l-Maltin b’konvinzjoni nemmnu li ma nistgħux inxandru l-libertà jekk noħonqu l-vuċi ta’ dawk li għadhom ma twildux. Ma nistgħux nitkellmu fuq progress jekk inħallu lill-anzjani f’iżolament jew inqisuhom bħala piż. Ma nistgħux nitkellmu fuq dinjità jekk ninjoraw it-tbatija tal-migrant jew nagħlqu għajnejna quddiem il-faqar. L-indipendenza ma tistax tkun selettiva; trid tkun konsistenti, minsuġa bħal libsa waħda, minn meta persuna tkun fil-ġuf sal-mewt naturali, minn ċittadin għal barrani, mid-dgħajfin sal-qawwija.

Nazzjon li jħaddan din l-etika jagħraf jgħix l-indipendenza msejsa fuq il-ġustizzja u l-imħabba. Nazzjon li jabbandunaha jsir priġunier tal-biża’, tal-konvenjenza u tal-interess personali. Il-kobor ta’ nazzjon hu ġġudikat mill-mod kif jittratta lill-membri l-aktar dgħajfa tiegħu.

Indipendenza ma tfissirx iżolament

L-indipendenza qatt mhi maħsuba biex tpoġġina f’iżolament. Ngħixu f’dinja ta’ interdipendenza, u l-libertà tagħna dejjem trid tiġi mgħajxa fis-solidarjetà mal-oħrajn. Il-libertà vera tifrex ’il barra; tfittex il-ġid ta’ nazzjonijiet oħra, tal-Ewropa, tal-komunità internazzjonali.

L-indipendenza nazzjonali tagħna għandha tkompli tispirana naħdmu għall-paċi u l-ġustizzja lil hinn mill-fruntieri tagħna. Għandha twassalna biex insemmgħu leħinna b’mod sod kontra l-massakru ta’ nies innoċenti, kull fejn qed iseħħ, permezz ta’ aggressjoni, gwerra, terroriżmu, jew inġustizzja sistematika.

Aħna msejħa mhux biss biex inħarsu l-libertà tagħna, imma biex inkunu leħen għal min m’għandux. L-indipendenza tissawwar tassew meta ssir ġenerożità ma’ ħaddieħor, meta nazzjon juża l-libertà tiegħu biex iħeġġeġ lill-oħrajn, mhux biex jibni ħitan ta’ indifferenza.

Kif namministraw il-libertà

L-Evanġelju tal-lum jgħallimna li l-libertà u l-indipendenza mhumiex trofej biex inqegħduhom għall-wiri, imma responsabbiltajiet li rridu ngħixuhom. L-indipendenza hija sejħa għall-fedeltà, l-onestà u l-kuraġġ fis-servizz tal-ġid komuni ta’ żmienna u tal-ġenerazzjonijiet futuri. Ejjew naħdmu lkoll ħalli aktar żgħażagħ jagħrfu jimpenjaw ruħhom bis-sħiħ fil-bini ta’ nazzjon li jgħożż dawn il-valuri.

Ejjew nibnu soċjetà fejn l-Indipendenza ma niċċelebrawhiex biss darba fis-sena, imma ngħixuha kuljum b’etika konsistenti favur il-ħajja li turi ruħha f’atti konkreti ta’ onestà, ġustizzja u solidarjetà, u fil-ħidma għall-għaqda, kif nitolbu fl-Innu Malti: “seddaq il-għaqda fil-Maltin u s-sliem”.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju

Sors: www.knisja.mt

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading