Fil-ħajja jekk ħaġa temmen fiha issib ħin għaliha u tagħmel sagrifiċċji għaliha: allura meta tgħid xi ħaġa ma għandix ċans għaliha, jfisser li ma tantx tkun importanti għalik. Mistoqsija importanti ħafna li rridu nagħmlu lilna nfusna llum hija: jien kemm għandi ħin għall-Fidi tiegħi? Jekk jien nemmen li hija importanti għalija allura nsib ħin biex nieħu ħsiebha. Il-Fidi hija bħal ġawhra żgħira, jiġifieri hija prezzjuża ħafna iżda faċli wieħed jitlifha, infatti huma ħafna li tilfuha.
‘…l-appostli qalu lill-Mulej: “Kattar fina l-fidi!” Din l-espressjoni hija forsi l-isbaħ ħaġa li l-Appostli qatt qalu lil Ġesù. Kemm jeħtiġilna ngħiduhielu bil-qalb aħna wkoll, “Mulej kattar fina l-Fidi”, mingħajrek ma aħna xejn. Hija nteressanti ħafna t-tweġiba ta’ Ġesù: “Kieku kellkom fidi mqar daqs żerriegħa tal-mustarda,…’. X’ried jgħid Ġesù b’dan? Iż-żerriegħa tal-mustarda hija żerriegħa żgħira ħafna, iżda għandha potenzjal li tikber u ssir siġra kbira. Mela aħna, anke jekk ikollna Fidi żgħira bħal din iż-żerriegħa, jekk nieħdu ħsiebha, din tikber u tagħti l-frott. U kif nistgħu nieħdu ħsieb il-Fidi tagħna?
Qegħdin fil-bidu ta’ Sena Pastorali ġdida: is-sena Pastorali tibda ġeneralment mill-bidu ta’ Ottubru wara l-mistrieħ tas-sajf u tispiċċa f’Ġunju: biha nifhmu dak iż-żmien li fih il-Knisja tinsisti aktar magħna biex nisimgħu u nirriflettu fuq il-Kelma t’Alla, nitgħallmu dejjem aktar ħalli napprofondixxu l-Fidi tagħna. Kif kien jgħid San Ġorġ Preca, ‘It-tagħlim huwa l-għajn ta’ kull ġid’. Biex nifhmu aħjar fil-ħajja tan-nisrani hemm tliet affarijiet li m’humiex importanti iżda essenżjali/neċessarji biex jgħix ta’ nisrani ta’ veru: mingħajrhom il-Fidi tagħna tmut. Dawn huma l-Liturġija, il-Katekeżi u l-Karità:
- Il-Liturġija nifhmu biha ċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa u is-sagramenti. Ovvjament dawn għandhom isiru dejjem u mhux matul is-Sena Pastorali biss. Allaħares fis-sajf nieħdu vaganza mill-quddiesa għax inkunu verament qegħdin nirriskjaw il-Fidi tagħna. Fl-antik kienu jgħidulna li jekk ma tismax quddies il-Ħadd tagħmel dnub mejjet, dan għadu żmienu? Iva għadu; meta ngħidu hekk mhux biex inbeżżgħu minn Alla, jew bil-kastig tiegħu, xejn minn dan. Meta ngħidu li huwa dnub serju li wieħed bi traskuraġni ma jismax quddies nhar ta’ Ħadd infissru li wieħed ikun qiegħed jagħmel ħsara kbira lill-Fidi tiegħu u għalhekk lir-relazzjoni tiegħu ma’ Alla. Meta wieħed bi traskuraġni ma jismax quddies nhar ta’ Ħadd, ix-xitan jibda jgħidlek, “u b’daqshekk x’ġara, mhux darba kienet…”, u bil-mod il-mod jibda jnaqqas fik l-importanza tal-quddiesa u allura jbegħdek minn Alla.
- Il-Katekeżi nifhmu biha li wieħed jisma’ u jitgħallem il-Kelma t’Alla u t-tagħlim tal-Knisja. Dan għad li jsir waqt l-omelija tal-quddiesa tal-Ħadd, iżda żġur li dan mhux biżżejjed. Allura l-importanza ta’ gruppi u laqgħat biex wieħed jitgħallem dejjem aktar. Is-sena Pastorali hija dak iż-żmien li fih l-Knisja tinsisti magħna biex nieħdu sehem fi ġruppu, laqgħat u opportunitajiet oħra ta’ tagħlim biex hekk il-Fidi tagħna, bħaż-żerriegħa tal-Mustarda, tikber u tagħti l-frott. Jekk il-Fidi tiegħek ma tikbirx hija f’riskju serju li tmut.
- It-Tielet hija l-Karità jew l-Imħabba: din ovvjament ma għandiex żmien għaliex irridu ngħixuha dejjem, u nkomplu dejjem nikbru fl-imħabba. Mela kemm il-Liturġija u anke l-Katekeżi jridu jwassluna għall-imħabba: infatti fil-Kelma t’Alla l-frott tas-siġra jirreferi dejjem għall-għemejjel tal-imħabba. In-Nisrani li jieħu sehem fil-quddiesa u s-sagramenti, li forsi anke jfittex laqgħat biex jitgħallem iżda ma jħobbx bil-verità lill-oħrajn huwa nisrani ta’ biċ-ċajt.
Dawn it-tliet aspetti tal-ħajja nisranija ma jgħaddux mingħajr xulxin, ma jistax ikollok waħda jew tnejn u ma jkollokx l-oħra. Għalhekk appell biex nieħdu bis-serjetà il-Fidi tagħna billi nieħdu sehem fil-quddiesa u sagramenti, nfittxu t-tagħlim tal-Kelma t’Alla u fuq kollox inħobbu lil xulxin u lil kulħadd bla ebda distinzjoni.
F’dan tmiem il-ġimgħa, f’ħafna mill-parroċċi tagħna ssir il-Festa u l-purċissjoni tal-Madonna tar-Rużarju: din it-talba għażiża li tant talbithielna l-Madonna stess f’diversi deheriet tagħha, għandha l-qawwa li tgħaqqad il-familja. Ejjew nerġgħu niskopru s-sbuħija ta’ din it-talba li mhux biss tgħaqqadna ma’ Alla, il-Madonna u ma’ xulxin, iżda għandha wkoll l-qawwa li tnissel fina dik il-paċi tal-qalb li d-dinja ma tistax tagħtihielna.
Nitolbuk Mulej għenna ħalli qatt ma nserrħu rasna mill-Fidi tagħna hekk li nittraskurawha, iżda dejjem nagħmlu ħilitna biex nieħdu ħsiebha ħalli din tikber u tagħti l-frott. Illum mal-appostli tiegħek nixtiequ ngħidulek, “Mulej kattar fina l-Fidi”.