DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
LILL-PARTEĊIPANTI TAL-LAQGĦA
“RIFUĠJATI U MIGRANTI FID-DAR KOMUNI TAGĦNA”
Sala Clementina
Il-Ħamis, 2 ta’ Ottubru, 2025
Nibdew bis-salib: Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Il-paċi magħkom!
L-għodwa t-tajba lil kulħadd u merħba! Pjaċir tiegħi nilqagħkom fil-Vatikan, wieħed mill-appuntamenti tal-konferenza bit-tema “Rifuġjati u Migranti fid-Dar Komuni Tagħna”. Irrodd ħajr lil kull min organizza dawn il-jiem ta’ diskussjoni, riflessjoni u kollaborazzjoni, kif ukoll lil kull wieħed u waħda minnkom tal-preżenza tagħkom u tal-kontribut tagħkom għal din l-inizjattiva.

Daż-żmien li qed tqattgħu flimkien jagħti bidu għall-proġett ta’ tliet snin bl-għan li joħloq “pjanijiet ta’ azzjoni” msejsin fuq erba’ kolonni: tagħlim, riċerka, servizz, promozzjoni. Hekk, intom qed twieġbu għas-sejħa li għamel il-Papa Franġisku lill-komunitajiet akkademiċi biex skont ir-roqgħa tal-kompetenza tagħhom jaħdmu biex jgħinu fil-bżonnijiet tal-aħwa turufnati (Indirizz lill-parteċipanti tal-laqgħa dwar ir-rifuġajti mnedija mill-Università Gregorjana Pontifiċja, 29 ta’ Settembru, 2022).
Dawn il-kolonni jiffurmaw parti mill-istess missjoni: biex ilaqqgħu flimkien lill-ilħna l-aktar awtorevoli f’varjetà ta’ dixxiplini bi tweġiba għall-isfidi urġenti attwali li qed iġib miegħu l-għadd dejjem jiżdied ta’ persuni, li issa hu stmat li jlaħħqu l-100 miljun, migranti u evakwati. Nittama li l-isforzi tagħkom iġibu ideat u metodi ġodda dwar dan, intom u tfittxu dejjem li fiċ-ċentru ta’ kull soluzzjoni d-dinjità umana jkollha l-ewwel post.
Intom u tkomplu dawn il-laqgħat, nissuġġerilkom żewġ temi li tistgħu tintegraw fil-pjanijiet ta’ azzjoni tagħkom: rikonċiljazzjoni u tama.
Wieħed mill-ostakli li spiss jinqalgħu meta nsibu quddiemna diffikultajiet tant kbar, hi attitudni ta’ indifferenza kemm min-naħa tal-istituzzjonijiet kif ukoll mill-individwi. Il-venerabbli predeċessur tiegħi kien tkellem dwar “il-globalizzazzjoni tal-indifferenza” fejn is-sofferenza tal-oħrajn titqies ħaġa ta’ kuljum u ma nibqgħux nagħmlu l-parti tagħna biex intaffuha. Dan jista’ jwassalna għal dak li jien irreferejt għalih qabel bħala “l-globalizzazzjoni tal-impotenza” li biha nirriskjaw li nibqgħu ċassi, siekta u forsi dispjaċuti għax naħsbu li ma jista’ jsir xejn meta għandna quddiemna tant tbatija innoċenti (cfr. Messaġġ bil-vidjow fl-okkażjni tal-Preżentazzjoni tal-Kandidatura tal-Proġett “Gestures of Welcome” lill-UNESCO biex jingħata għarfien bħala Wirt Kulturali Intanġibbli, 12 ta’ Settembru, 2025).
L-istess bħalma l-Papa Franġisku tkellem dwar il-kultura tal-laqgħa bħala antidotu għall-globalizzazzjoni tal-indifferenza, għandna naħdmu biex niġġieldu l-globalizzazzjoni tal-impotenza permezz tal-kultura tar-rikonċiljazzjoni. Bil-mod li bih niltaqgħu mal-oħrajn aħna niltaqgħu ma’ xulxin u nfejqu l-ġrieħi tagħna, naħfru lil xulxin għall-ħsara li nkunu għamilna u wkoll għal dak li ma nkunux għamilna, imma li xorta waħda nsofru l-effetti tagħhom (ibid). Dan jitlob minna paċenzja, rieda li nisimgħu, il-ħila li nidentifikaw mat-tbatijiet tal-oħrajn u nagħrfu li aħna għandna l-istess ħolm u l-istess tamiet.
Għalhekk ninkoraġġikom biex tipproponu modi konkreti ta’ għemil u politika ta’ rikonċiljazzjoni, partikolarment fl-artijiet fejn hemm ġrieħi jdennu u kunflitti li ilhom għaddejjin żmien. Din mhix biċċa xogħol ħafifa imma jekk irridu li l-isforzi fil-ħidma għal tibdil dejjiemi jkollhom suċċess, iridu jinkludu sistemi li jmissu l-qlub u l-imħuħ.
Intom u tfasslu l-pjanijiet ta’ azzjoni tagħkom, importanti tiftakru li l-migranti u r-rifuġajti jistgħu jkunu wkoll xhieda privileġġjati tat-tama minħabba r-reżiljenza tagħhom u t-tama tagħhom f’Alla (cfr Messaġġ għall-111-il Jum Dinji tal-Migranti u r-Rifuġjati). Ħafna drabi jibqgħu sodi huma u jfittxu futur aħjar minkejja l-ostakli li jiltaqgħu magħhom. Aħna u nħejju biex niċċelebraw il-Ġublew tal-Migranti u tal-Missjonijiet, f’dis-sena tal-Ġublew Imqaddes, inħeġġiġkom biex twasslu dawn l-eżempji ta’ tama fil-komunitajiet li sservu. Tabilħaqq jistgħu jkunu ispirazzjoni għall-oħrajn u jgħinu biex ikunu żviluppati sistemi li jindirizzaw l-isfidi li jkunu ħabbtu wiċċhom magħhom fil-ħajja tagħhom stess.
B’dawn is-sentimenti nawguralkom li l-konferenza tħalli l-frott u nitlob li mdawlin mil-Ispirtu Qaddis tkomplu taħdmu biex issibu soluzzjonijiet inklussivi għall-promozzjoni tal-kultura tal-laqgħa, tar-rikonċiljzzjonni u s-solidarjetà fraterna għall-benefiċċju ta’ kulħadd. Minn qalbi nagħti l-barka lil kull wieħed u waħda minnkom u lill-imsieħba magħkom fil-missjoni tagħkom. Grazzi ħafna.
Nitolbu flimkien kif għallimna Ġesù: Missierna li inti fis-smewwiet…
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber