It-28 Ħadd matul is-Sena Ċ. Ħsieb ta’ D. Edward Vella

Min jaf kemm-il darba smajna min jgħid, u forsi għedna aħna wkoll, ‘mela hemm bżonn tmur il-knisja biex titlob’, jew ‘mela hemm bżonn tqerr biex Alla jaħfirlek…’, u kliem ieħor bħal dan li bħal donnu jibda joħloq dubju f’dak li aħna nemmnu u f’dak li nipprattikaw bħala nsara.

L-ewwel qari tal-lum jirrakkontalna l-istorja ta’ Nagħman, raġel importanti ħafna fis-saltna ta’ Aram. Dan Nagħman kellu problema kbira għax kien lebruż. Darba waħda xi ħadd issuġġerixxa lir-re biex jibgħatu Iżrael għand il-profeta biex ifejqu, u hekk ġara. Iżda meta Nagħman iltaqa mal-profeta u dan bagħtu jinħasel fil-Ġordan, huwa rrabja għax ma emminx li l-ilma tal-Ġordan setgħa jfejqu. Iżda l-qaddejja tiegħu kkalmawh u qalulu, ‘kieku l-profeta qallek biex tagħmel xi ħaġa diffiċli biex tfiq ma kontx tagħmilha? Allura kemm aktar li qallek inħasel u tfiq’. Hekk għamel, u fiq mill-marda tiegħu. Dan il-fejqan wasslu għal fejqan ieħor, ħafna iktar importanti, jiġifieri dak tal-fidi. Nagħman emmen, u għalih l-art tal-poplu t’Alla saret tant qaddisa li talab lil Eliżew jagħtih ammont ta’ ħamrija biex fuqha jkun jista’ jadura ’l Alla l-veru, Alla ta’ Iżrael.

Fir-rabja ta’ Nagħman naraw ħafna drabi n-nuqqas ta’ fidi tagħna meta nsibuha diffiċli li nemmnu li ma hemmx mod aqwa biex tiltaqgħa ma’ Alla mill-quddiesa, li biex jinħafrulek dnubietek jeħtieġ li tqerr, wara kollox hekk ried u ordna Ġesù stess. Ma nkunux boloħ kif kien ser ikun Nagħman li kien ser jitlef opportunità daqshekk kbira għaliex ma riedx jaċċetta l-mod sempliċi li bih kienet ser tasallu. Ma ninsewx li l-grazzja tal-fejqan ta’ Nagħman kienet għal ftit, jiġifieri għal ftit snin tal-ħajja fuq din l-art, iżda l-grazzja tal-fidi li qed joffrilna Alla hija għal dejjem.

Mhux l-istess għamlu l-10 mġiddma tal-Evanġelju tal-lum; setgħu sabu ħafna skużi x’ħin Ġesù bagħthom juru ruħhom lill-qassisin. Setgħu qalu, ‘imma aħna għadna ma aħniex imfejqa’; infatti wieħed kien jeħtieġlu jmur juri ruħu lill-qassisin jekk ifiq, biex jiġi ddikjarat imfejjaq. Setgħu qalu wkoll, ‘u l-qassisin mhux midinbin aktar minna’. Imma le dawn emmnu u telqu, u ħadu l-fejqan minn din l-marda li kellhom u l-kundizzjoni orribli li kienet tpoġġihom fiha.

Pero wieħed minnhom ma kienx kuntent biss bil-fejqan fiżiku, li kif għedna qabel, wieħed jista’ jgawdih għal ftit taż-żmien biss. Forsi wieħed f’din il-ġrajja jaħseb li Ġesù stenna l-ġrazzi. Jista’ jkun, u xieraq ħafna li wieħed jrodd ħajr ’l Alla għal don daqshekk kbir, però żgur li Ġesù ried jagħtihom xi ħaġa akbar, u li wieħed samaritan biss wera ruħu lest biex jirċeviha. ‘Qum, mur; il-fidi tiegħek salvatek’, qallu Ġesù. U dan huwa l-akbar fejqan li jaf jagħti Ġesù, jiġifieri l-Fidi, dak id-don li ma jdumx dawn il-ftit snin tal-ħajja biss, iżda don li jfisser il-ħajja ta’ dejjem. Int u jien, għal liema don nixxenqu, għal dak li jdum ftit, jew għal dak li jibqa’ għal dejjem?

Mulej, kemm għandna għax ngħidulek grazzi ta’ tant doni li tagħtina,  materjali u spiritwali. Għinna Mulej fin-nuqqas ta’ Fidi tagħna, biex nixtiequ dak li jibqa’ għal dejjem, dak li inti dejjem lest li tagħtina.  Ammen.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading