Sejħa lill-politiċi biex jaġixxu f’atti konkreti ta’ onestà, ġustizzja u solidarjetà

Il-Ħabbar ta’ Sant’Antnin
Michael Caruana

Għadha kemm ġiet ippubblikata l-aħħar ħarġa tar-rivista Il-Ħabbar ta’ Sant’Antnin, pubblikazzjoni ta’ kull xahrejn tal-Patrijiet Franġiskani Konventwali. Bħas-soltu din il-ħarġa fiha aħbarijiet u tagħrif mill-Ordni tal-Franġiskani Konventwali u artiklu dwar Sant’Antnin; ħsibijiet dwar is-Sena tat-Tama u l-artiklu dwar l-ambjent tal-Professur Paul Pace, il-Viċi Chairperson tal-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent, dwar il-kura tal-ħolqien: sejħa lil kulħadd.

Fiha wkoll l-artikli regolari u l-intervista ta’ kull xahrejn li din id-darba hi ma’ Dun Ġwann Farrugia li qed jiċċelebra għeluq il-50 sena tas-saċerdozju tiegħu u li hu wkoll il-fundatur u d-direttur ta’ UTV. F’din l-intervista Dun Ġwann iħabbar li qed isir statut ġdid tal-Fondazzjoni U li tmexxi dan l-istazzjon u li qed isiru tentattivi biex il-Knisja tkun b’xi mod assoċjata fix-xandir ta’ programmi fuq UTV.

L-editorjal isejjaħ lill-politiċi biex jaġixxu f’atti konkreti ta’ onestà, ġustizzja u solidarjetà. Jagħmel riferenza għad-diskorsi li saru f’dan is-sens mill-Isqof Anton Teuma fil-festa nazzjonali tat-8 ta’ Settembru u mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi fil-festa nazzjonali tal-21 ta’ Settembru. Żewġ diskorsi li tajjeb wieħed jixtarr u jaġixxi dwarhom.

Jikkwota lill-Isqof Teuma li sostna li ma jistax il-politiku jħares biss lejn l-aspett materjali. Dak importanti, imma meta l-aspett materjali jispiċċa biex jeskludi u jwarrab fil-ġenb jew jipprova jissostitwixxi d-dimensjoni spiritwali tal-bniedem u l-mistoqsijiet profondi li għandu, is-servizz tal-politika ma jkunx kif jixraq u sħiħ kif għandu jkun. Forsi tidher stramba li lkoll kemm aħna, nagħmlu x’nagħmlu fil-politika, hemm pjan li hu aktar profond, li jmur lil hinn minn dak li naraw aħna, mid-deċiżjonijiet li nieħdu, li jrid iwassal lill-bnedmin għall-milja tagħhom f’Ġesù. “Kultant ikollna nimxu fejn irid il-poplu. Ġustament, għax id-demokrazija hekk titlob. Imma intom tafu li ħafna drabi aħna rridu min jiftħilna għajnejna għax faċli ħafna nilbsu nuċċali li jġagħalna naraw sa mneħirna. Faċli ħafna nippruvaw insolvu l-problemi t’issa u jiġrilna li noħolqu aktar problemi għal imbagħad. Imma l-importanti li bħalissa l-poplu sodisfatt, b’ħalqu magħluq, kuntent u jċapċap. Inkunu qed nagħmlu nuqqas ta’ servizz lill-poplu meta naġixxu b’dan il-mod.”

Jikkwota wkoll lill-Isqof Galea-Curmi li sostna li l-Indipendenza tagħna għandha tkompli tispirana naħdmu għall-paċi u l-ġustizzja lil hinn mill-fruntieri tagħna. Għandha twassalna biex insemmgħu leħinna b’mod sod kontra l-massakru ta’ nies innoċenti, kull fejn qed iseħħ, permezz ta’ aggressjoni, gwerra, terroriżmu jew inġustizzja sistematika. “Aħna msejħa mhux biss biex inħarsu l-libertà tagħna, imma biex inkunu leħen għal min m’għandux. Ejjew nibnu soċjetà fejn l-Indipendenza ma niċċelebrawhiex biss darba fis-sena, imma ngħixuha kuljum b’etika konsistenti favur il-ħajja li turi ruħha f’atti konkreti ta’ onestà, ġustizzja u solidarjetà u fil-ħidma għall-għaqda.”

Ma’ din il-ħarġa qed jitqassam b’xejn il-Kalendarju Antonjan għas-sena li ġejja.

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading