Il-Papa Ljun XIV fl-Angelus tat-30 Ħadd matul is-Sena

IL-PAPA LJUN XIV
ANGELUS
Pjazza San Pietru
XXX Ħadd taż-Żmien Ordinarju
Il-Ħadd, 26 ta’ Ottubru, 2025

Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb!

L-Evanġelju tal-lum (cfr Lq 18,9-14) jippreżentalna żewġ persunaġġi, fariżew u pubblikan, jitolbu fit-tempju.

L-ewwel wieħed jiftaħar b’lista sħiħa ta’ kwalitajiet.  L-opri tajba li jagħmel huma bosta u għalhekk iħoss li hu aħjar mill-oħrajn tant li jiġġudikahom u jmaqdarhom.  Wieqaf b’rasu merfugħa.  Ċar li l-atteġġjament tiegħu hu ta’  bniedem prużuntuz: juri osservanza preċiża tal-Liġi, imma fqira fl-imħabba, osservanza  ta’ “nagħti” u “nieħu lura”, dejn u qligħ, osservanza niexfa mill-ħniena.

Il-pubblikan ukoll qed jitlob, imma b’atteġġajment differenti għal kollox.  Għandu ħafna x’jinħafirlu: jiġbor it-taxxi f’isem l-Imperu Ruman u jaħdem b’kuntratt li jippermettilu jispekula fuq id-dħul għad-dannu tal-istess Lhud ħutu.  Madankollu, fi tmiem il-parabbola, dwaru Ġesù jgħid li mit-tnejn kien propju dan li reġa’ lura d-dar “ġustifikat: jiġifieri maħfur u mġedded mil-laqgħa tiegħu ma’ Alla.  Għaliex?

Qabel xejn, il-pubblikan għandu l-kuraġġ u l-umiltà li jippreżenta ruħu quddiem Alla.  Ma jingħalaqx fid-dinja tiegħu, ma jirrassenjax ruħu għall-ħażen li kien għamel.  Iħalli warajh il-post li minnu kien ibeżża’, imħares mis-setgħa li kien jeżerċita fuq l-oħrajn.  Jiġi waħdu fit-Tempju, mingħajr skorta, akkost li jkollu jħabbat wiċċu ma’ ħars ikraħ u ġudizzji li jniggżu, jersaq quddiem il-Mulej, minn fejn il-bieb ta’ barra, b’rasu baxxuta, u jlissen ftit kliem: “Mulej, ikollok ħniena minni għax jiena midneb” (v. 13).

B’dan, Ġesù jtina messaġġ qawwi: mhux se nsalvaw għax niftaħru bil-merti tagħna, u lanqas jekk naħbu l-iżbalji tagħna, imma nsalvaw dment li nippreżentaw ruħna bl-onestà, kif aħna, quddiem Alla, quddiemna nfusna u quddiem l-oħrajn, nitolbu maħfra u nafdaw fil-grazzja tal-Mulej.

F’kumment dwar dan l-episodju, Santu Wistin iqabbel il-fariżew ma wieħed marid li, għall-mistħija u l-kburija, lit-tabib jaħbilu l-feriti tiegħu, u l-pubblikan ma’ bniedem li bl-umiltà u l-għaqal lit-tabib jikxiflu l-ġrieħi tiegħu, koroħ kemm huma koroħ fid-deherha u jitlob l-għajnuna.  U jtemm: “Mhemmx għalfejn nistagħġbu (…) jekk dak il-pubblikan, li ma staħax jikxef il-ġerħa tiegħu, reġa’ lura d-dar (…) imfejjaq” (Sermo 351,10.

Għeżież ħuti, nagħmlu hekk aħna wkoll.  Ma nibżgħux nagħrfu l-iżbalji tagħna, nberrħuhom u nieħdu r-responsabbiltà tagħhom aħna u nirrikmandawhom lill-ħniena t’Alla.  Hekk tkun tista’ tikber fina u madwarna s-Saltna tiegħu li mhix tal-imkabbrin, imma tal-umli, u li tissaqqa bit-talb u fil-ħajja, bl-onestà, bil-maħfra u bil-gratitudni.

Nitolbu lil Marija, mudell tal-qdusija, tgħinna nsaħħu fina dawn il-virtuwijiet.

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti!

B’għożża nħossni qrib il-popolazzjonijiet tal-orjent tal-Messiku, li dawn l-aħħar jiem intlaqtu, minn għarar kbir.  Nitlob għall-familji tagħhom u għal kulmin qed ibati minħabba dit-traġedja, inħalli f’idejn il-Mulej, bl-interċessjoni tal-Verġni Mqaddsa, l-erwieħ ta’ dawk li tilfu ħajjithom..

Ħa jkompli għaddej bla heda t-talb tagħna għall-paċi, partikolarment permezz tar-reċita komunitarja tar-Rużarju mqaddes.  Aħna u nikkuntemplaw il-misteri ta’ Kristu flimkien mal-Verġni Marija, nagħmlu tagħna t-tbatijiet  u t-tamiet tat-tfal, tal-ommijiet, tal-missirijiet, tal-anzjani, vittmi tal-gwerer… U minn din l-interċessjoni tal-qalb jinbtu tant ġesti ta’ karità evanġelika, qrubija konkreta, solidarjetà ma’ dawk kollha li b’impenn u ta’ kuljum jagħtu l-għajnuna bil-fiduċja u l-perseveranza.  Intenni: “Hienja dawk li jġibu l-paċi”!

Insellem lilkom ilkoll pellegrini mill-Italja u minn bosta nħawi oħra tad-dinja, partikolarment lil dawk minn Logroño, fi Spanja, San Pedro del Paraguay, Recreio (Brażil) u l-Kubani li jgħixu fl-Ewropa.

Insellem ukoll lill-fidili minn Ginosa, Genova, Corato, Cornovo San Giovanni, Milan, San Giovanni Ilarione, lill-adoloxxenti minn Scicli, li dawk li se jagħmlu l-Konfermazzjoni mid-Djoċesi ta’ Saluzzo, lis-Sorijiet Riparatriċi tal-Qalb Imqaddsa, li qed jiċċelebraw il-150 sena mill-fundazzjoni, lill-Grupp tal-Comunione e Liberazione minn Pavia u l-kor Polifiniku, minn Milazzo.

Grazzi lil kulħadd!  Il-Ħadd it-tajjeb!

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading