Il-Ħadd, 26 ta’ Ottubru 2025: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fil-Pontifikal ta’ Jum Għawdex. Katidral tal-Assunta, Victoria.
Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma
Għażiż President tar-Reġjun, għeżież Sindki, persuni distinti, ħuti saċerdoti, intom ilkoll li qegħdin hawn illejla biex niċċelebraw Jum il-Mulej, imma wkoll biex niċċelebraw Jum Għawdex.
Politika għas-servizz tal-ekonomija
Zygmunt Bauman, li huwa soċjologu kontemporanju, jgħid xi ħaġa li meta taqraha u tipprova tirrifletti fuqha, tixxukkjak ftit. Jgħid illi meta l-politika taħdem u tistinka l-ewwel u qabel kollox għall-flus, meta ssir skjava tal-ekonomija, qisek tfajt qatta’ lpup ġo merħla nagħaġ. Min jiflaħ, iħawwel, meta l-politika tispiċċa għas-servizz tal-ekonomija u tfittex biss il-ġid ekonomiku u mhux il-ġid tal-persuni.
Tgħiduli, il-ġid ekonomiku mhux il-ġid tal-persuni? Mhux dejjem! Li jien nagħti ħafna flus f’idejn l-adolexxenti huwa ġid ekonomiku, imma mhux ġid tal-persuna. Li l-ġid ma jitqassamx kif għandu jitqassam hu ġid ekonomiku, imma mhux ġid komuni. U nistgħu nibqgħu sejrin hekk…
L-etika li tiġi mill-fidi ddawwal il-politika
Għalfejn qegħdin hawn illejla? Għalfejn ma niċċelebrawx Jum Għawdex mod ieħor? Għax il-fidi hija importanti għall-politika. Ħa nkun aktar preċiż: l-etika hija importanti għall-politika. L-ewwel li trid tiġi hija l-etika, u l-etika tfittex il-ġid komuni. Nagħmel lil ħaddieħor dak li nixtieq li ħaddieħor jagħmel lili. Ma nagħmilx lil ħaddieħor dak li ma nixtieqx li ħaddieħor jagħmel lili. L-ewwel l-etika, u l-etika tiġi mill-fidi.
Jgħidulna ħafna filosfi – u fosthom Immanuel Kant, filosfu kbir tal-morali u tal-etika – li l-etika tiġi mill-essri, minn min hu u kif inhu l-bniedem. Aħna nafu min hu u kif inhu l-bniedem jekk inqallbu l-Iskrittura, jekk inħallu lil Alla jkellimna dwaru. Aħna ma nistgħux nagħrfu biżżejjed lilna nfusna, m’aħniex fl-aħjar post biex niġġudikaw lilna nfusna. Għax ħadd mhu aħjar minn ħadd, kollha l-istess. Għandna bżonn ta’ għajnejn li jħarsu lejna minn fuq, u dawn huma l-għajnejn tal-fidi.
Allura l-ewwel l-etika li tiġi mill-fidi, jiġifieri l-mod kif inġib ruħi u ngħix, imbagħad tiġi l-politika – l-etika ddawwal il-politika –, u mbagħad l-ekonomija. Jekk l-ekonomija tiġri għal rasha, u l-etika u l-politika jispiċċaw għas-servizz tal-ekonomija, ser ikollna taħwida kbira, bħalma jista’ jkun li għandna.
Naċċetta u nammetti li l-Fariżew huwa jien
Smajnieh il-Vanġelu tal-lum (Lq 18:9-14) b’mod spempliċi u ċar. Il-Fariżew nista’ nkun jien, anzi, huwa jien, Dun Anton. Għax jekk ma nitlaqx mill-fatt li l-Fariżew huwa jien, il-Vanġelu ma jgħidli xejn lili. Ngħid: ‘Dak mhux l-oħrajn? Mhux l-oħrajn il-politiċi?’. Le, jien il-politiku. Jien li nfittex il-flus, l-ewwel u qabel kollox. Jien li nissagrifika kollox għall-ġid personali tiegħi. Hekk il-Vanġelu jkellemni. Imma din hija r-realtà, għax aħna fil-ftit jew fil-ħafna li għandna, kollha kemm aħna, faċli nfittxu l-ewwel lilna nfusna kif jagħmel il-Fariżew. Tant hu hekk illi dak, meta jmur fit-Tempju, lanqas jitlob. Il-Vanġelu jgħidilna li lanqas jitlob, imma jaħseb bejnu u bejn ruħu, jitlob lilu nnifsu, jirringrazzja lilu nnifsu. Fil-fatt lil Alla qatt ma jsemmih. Jibda: “Niżżik ħajr”, u mbagħad ikompli, “li jien m’iniex bħall-bqija tal-bnedmin, ħalliela, inġusti, żienja, jew ukoll bħal dan il-pubblikan”. Jekk ma nitlaqx li jien ħalliel, żieni u korrott, il-Vanġelu tal-lum ma jgħidli xejn. Dak li qed ngħidu għal ħaddieħor, jekk ma ngħiduhx għalina wkoll, jibqa’ dejjem għal ħaddieħor u ma nibdew minn imkien.
Jien ħalliel, żieni u korrott
Il-Vanġelu tal-lum isemmi tliet difetti li kellu l-pubblikan – ħalliel, inġust u żieni. Dawn huma t-tliet dnubiet li qegħdin hemm fil-qalb tiegħi u tagħna lkoll. Irridu naċċettawha u nammettuha quddiem Alla. Hemm żiemel maħrub fil-qalb tagħna li jfittex il-flus u lilu nnifsu l-ewwel u qabel kollox.
B’inġustizzja, f’dan il-każ, il-Vanġelu jrid ifisser meta jien nieħu l-premju flok ħaddieħor, meta jien nidher wara li ħaddieħor ikun ħadem, meta jien nieħu l-proset wara li ħaddieħor ikun għamel is-sagrifiċċju. L-apparenza, li nidher.
U ż-żina? Meta jien lill-persuni ta’ madwari ma nfittixhomx biex inħobbhom u biex naqdihom, imma biex ninqeda u biex nisraqhom. Jien inħares lejn mara, inħares lejn raġel, biex nisirqu. Jista’ jkun illi l-kuxjenza tagħna tibda bil-mod il-mod issir illuppjata, ma tibqax tħoss f’dawn it-tliet aspetti tal-ħajja, u nibdew niġġustifikaw: ‘U iva, mhux kulħadd hekk jagħmel? U iva, jien x’għamilt b’daqshekk?’.
Biex f’Għawdex u f’Malta jkollna etika vera
U minn hawn jibda jmur lura raħal, pajjiż, gżira: jekk tonqos l-etika! Imma kif qed ngħidu, l-etika hi l-frott tal-fidi, u l-Vanġelu tal-lum jgħidilna b’mod ċar u sabiħ immens. Għax jien il-pubblikan, jien il-Fariżew. U għax jien il-Fariżew, jien irrid naċċetta li jien il-Fariżew, irrid immur quddiem Alla u ngħidlu: “Kyrie, eleison” – ‘Ħenn għalija, Mulej, għax jien midneb. Ħenn għalija, Mulej, għax jien jekk nara sold, nara kif nagħmel biex nieħdu. Ħenn għalija, Mulej, għax jien nara kif nagħmel biex nieħu l-proset minflok ħaddieħor. Ħenn għalija, Mulej, għax jien qalbi żienja’.
Kemm għandna bżonnha l-fidi biex ikollna etika vera, biex nibdew inġibu ruħna flimkien ta’ nies ta’ veru! Allura jkollna politika serja li tħares il-ġid tal-persuni, il-ġid komuni. Jalla din tkun it-talba tagħna llejla għal Għawdex tagħna, għal Malta tagħna. Imma rrid nibda jien.
Darba lil Madre Tereża qalulha: ‘Int mingħalik ser tbiddel id-dinja. Hawn daqshekk nies kulħadd jirraġuna bil-maqlub tiegħek! Kif ser tbiddilha d-dinja?’. Qaltilhom: ‘Jekk ninbidel jien u tinbidel int, ġa jkunu nbidlu tnejn!’. Imma rrid nibda jien, Dun Anton.
Il-Mulej jagħtina li lil Għawdex tagħna nibdew inbiddluh aħna fil-qalb tagħna. Ma nistennewx lil ħaddieħor. Għax jien inkun fil-karozza, u ngerger għall-karozzi l-oħra. Jien nagħti d-dar tiegħi biex tinbena flettijiet, u ngerger li Għawdex sar kollu krejnijiet. Imma tiegħi niġġustifikah u ta’ ħaddieħor le. Fariżew u mhux pubblikan.