Norbtu qalbna mal-ġid li ma jeħodhomna ħadd. Kitba ta’ P. Juan De Bono ocd

Larinġ frisk

Il-bieraħ bdejna nbiegħu l-larinġ frisk tal-kunvent, u ngħidilkom id-dritt nibqa’ b’ħalqi miftugħ meta nara l-ġenn u l-entużjażmu biex kulħadd jimla kemm jiflaħ il-basktijiet biċ-ċitru tal-kunvent.

Tgħiduli għala bqajt b’ħalqek miftugħ ?

Ngħid jiena jekk nies li qatt ma tkun rajthom b’għajnejk għal sena sħiħa, bla ma tkun għamilt avviż, tarhom ġejjin qishom dubbien lejn tubu li tkun għadek kif xegħelt, jew bħan-nemus li jiġu ħdejn widnejk malli tidħol fis-sodda, jistaqsu għal laring jew għaż-żejt tal-kunvent, allura ngħid jiena GĦALA MA TILTAQAX MA DAQSTANT ENTUŻJAŻMU BIEX WIEĦED JERSAQ GĦAS-SAGRAMENT TAL-QRAR JEW BIEX JISMA QUDDIESA ?

Parteċipazjoni fis-Sagramenti

Għala biċċa larinġa nfittxuha aktar minn qrara sinċiera jew quddiesa ?

Aħna bħala patrijiet u bħala saċerdoti weġibna għas-sejħa ta’ Alla mhux biex naqta’ jew inbiegħ il-larinġ, imma biex inservu ta’ pont bejn Alla u l-bniedem, u b’danakollu spiss ninnota li lilna jfittxuna għal kollox barra għal dak li Alla sejħilna għalih.

Żerriegħa li nibtet

Meta jiena kont abbati, konna madwar 24 abbati dak iż-żmien f’din il-Knisja.

Niftakar qisu lbieraħ li l-patri li kien jieħu ħsiebna (P. Victor u wara P. Benjamin) kien imliena b’imħabba kbira lejn l-Omm tagħna Santa Tereża, speċjalment fis-sena ċentimnarja tal-1982.

Tant kienu mlewna b’imħabba lejn l-Omm tagħna Santa Tereża, li ta’ tifel li kont, kont nissoponi li konna se nkunu ħafna minn fostna l-abbatini, jew mil-membri tal-kor (immexxi minn P. Redent) li nidħlu patrijiet.

L-għażla ta’ dak li jibqa’ għal dejjem

Kont naħseb u ngħid bejni u bejn ruħi, jekk fuq bank ikun hemm ħafna muniti, u jkun hemm għoxrin karta tal-Eur 5, għoxrin karta tal-Eur 10, u għoxrin karta oħra tal-Euro 20, u JKUN HEMM WAĦDA BISS TAL-EUR 100, jiena kont nissopomi u nimmaġina li jekk tkun tista’ tagħżel munita jew karta waħda biss, KULĦADD KIEN SE JISPIĊĊA JISSIELET GĦAL-KARTA TAL-Eur 100!!!!!

Kemm kont żbaljat!!!!!

Apparti Dun Timon Mercieca, li ukoll kien għamel żmien abbati f’din il-Knisja, ħadd minn dawk l-għexieren ta’ abbatini u tal-kor ma spiċċaw għażlu li jimxu f’din it-triq li waslet lili u lil Dun Timon biex eventwalment nirċievu l-ordinazjoni saċerdotali.

Il-grazzja tas-saċerdozju

Meta ġieli esprimejt dawn il-ħsibijiet spiss nismagħhom jgħidulek, ‘għax dik ‘sejħa’ ta’ Alla’, u ‘kull vokazjoni hija sejħa qaddisa minn Alla, hi liema hi’.

Għal dan il-kumment, nirrispondi bi storja sabiħa li ġratli nhar is-Sibt li għadda.

Qabel immutu nixtiequ saċerdot ħdejna

Waqt li kont qiegħed inqaddes quddiesa (darba fil-ħmistax) fejn tinsab rikoverata ommi, u wara li qarbint lil dawk li kienu fis-sodod u ma setgħux jiġu għal quddiesa, ġiet fuqi waħda mara (li qatt ma kont rajtha qabel) u ħasbitni wieħed miċ-chaplains tar-Residenza, u talbitni ngħid talba qrib ta’ ommha li kienet ilha moribonda għal ġimgħa shiħa.

Jiena hekk għamilt, u wara li għidt talba ma’ wliedha għal ommhom, berikt lilha u lil uliedha u għamiltilha s-salib fuq moħħha.

EŻATTAMENT KIF GĦAMILTILHA S-SALIB FUQ MOĦĦHA DIN MIETET.

Oh l-aħwa X’KONSOLAZJONI LI JKOLLOK DIN IL-GRAZZJA LI TMUT U JKUN HEMM IL-PREŻENŻA TAS-SAĊERDOT.

Dak il-mument, mument li tkun se tħalli warajk kollox, il-bniedem ikun jixtieq l-preżenza u l-barka ta’ Alla.

Kollox jgħaddi

Larinġa, sabiħa kemm tkun sabiħa, wara ftit jiem maqtugħa tibda timmoffa u eventwalment titħassar, IMMA ALLA MA JINBIDEL QATT.

EJJEW L-AĦWA NQIEGĦDU QALBNA U NORBTUHA MAL-ĠID LI TASSEW JIBQA’ U LI MA JEĦEDULNA ĦADD.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading