L-Għid tal-Erwieħ. Ħsieb ta’ D. Edward Vella

2 ta’ Novembru

Min jibża mill-wirdien u min jibża mill-għoli: int minn xiex tibża? Kulħadd jibża minn xi ħaġa, iżda hemm xi ħaġa li żgur li lkoll nibżgħu minnha; din hija l-mewt. Il-ħajja fuq din l-art twila jew qasira trid tgħaddi, u lkoll kemm aħna rridu naffrontaw il-mument tal-verità. Meta ngħidu r-rużarju fil-qaddisa ngħidu: “Qaddisa Marija Omm Alla, itlob għalina midinbin, issa u fis-siegħa tal-mewt tagħna”. Li niftakru li rridu mmutu hija xi ħaġa ta’ dwejjaq, xi ħaġa li għandna nevitawha? Żgur li ma rridux niffissaw dwarha, iżda l-aktar problema komuni ta’ żmienna hija bil-maqlub, jiġifieri li l-bniedem jgħix qisu qatt mhu ser imut. Meta l-bniedem, ħafna drabi nkonxjament, jibda jaħseb u jgħix bħallikieku ser jibqa hawn għal dejjem jispiċċa jagħmel żbalji kbar. Tgħid jagħmel azzjonijiet ħżiena lil għajru l-bniedem li jiftakar li jrid imut, jew jisraq, jew jiġġieled fuq wirt, jew iweġġa bi kliemu jew għemilu? Tgħid jintrabat iżżejjed ma dak li hu ta’ din id-dinja u l-flus u dak li jakkwista bihom kieku jiftakar ta’ sikwit li jrid iħalli kollox warajh?

Illum qed niftakru fil-mejtin kollha, iżda fuq kollox qed niftakru li aħna wkoll irridu mmutu. Dan il-ħsieb għad li xi ftit jew wisq inikkitna u jbeżżana, huwa ħsieb li jagħmlilna ħafna ġid. Il-Kelma t’Alla tgħallimna li Alla tant ħabbna li meta ħalaqna, ħalaqna għal dejjem u għalhekk il-ħajja tagħna fuq din l-art għad li tintemm, aħna msejħin u maħluqin biex inkunu ma’ Alla fi mħabbtu għal dejjem.

San Ambroġ, f’waħda mill-omeliji tiegħu li aħna s-saċerdoti naqraw fl-uffiċċju tal-qari tal-lum, jgħallimna: ‘Il-mewt ma kinitx mill-bidu fin-natura, imma daħlet wara; fil-bidu Alla ma għamilx il-mewt, imma mbagħad tahielna bħala fejqan. Dan għaliex, minħabba d-dnub, il-ħajja tal-bniedem ittaqqlet bix-xogħol ta’ kuljum u b’tiġrib li ma jinfelaħx, u hekk il-ħajja saret tassew imsejkna. Kien meħtieġ li dan id-deni kollu jasal fit-tmiem tiegħu, u ngħatat il-mewt biex tagħti lura dak li l-ħajja kienet tilfet. L-immortalità hi toqol u mhux barka, jekk ma jkunx hemm il-grazzja ta’ Alla.’ Interessanti ħafna kif iħares lejn il-mewt dan il-qaddis kbir: huwa qed jgħallimna li Alla fil-bidu qatt ma ħalaq il-mewt jew xtaqha għall-bniedem, iżda wara li daħal id-dnub, u allura l-konsegwenzi koroħ tiegħu, Alla ppermetta l-mewt biex jeħles lill-bniedem minn dan il-gwaj. Allura skont dan il-qaddis, il-mewt Alla ma ppermettijiex biex iġib fix-xejn lill-bniedem iżda biex iġib fi tmiemu dak li hu ħażin u negattiv fil-bniedem.

F’dan il-jum niftakru wkoll fl-għeżież tagħna li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. Huwa dover tagħna li nitolbu għalihom u noffru quddies għal ruħhom. Hija sfortuna li fi żmienna d-drawwa sabiħa li wieħed joffri intenzjonijiet tal-quddies għall-mejtin qiegħda tonqos. Dan huwa sinjal ta’ nuqqas ta’ fidi, kemm fejn tidħol il-ħajja ta’ dejjem u anke fil-valur tal-quddiesa. Il-quddiesa għandha valur infinit, u wieħed jista’ joffriħa għall-ħajjin u għall-mejtin. Lill-qrabatna u ħbiebna li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem, u li issa ma nistgħu nagħmlu xejn iżjed għalihom biex irroddulhom ta’ dak li għamlu magħna, il-quddiesa hija l-akbar rigal li nistgħu noffrulhom. Fl-aħħar mill-aħħar għad jasal il-mument tagħna wkoll li fih inkunu nixtiequ u neħtieġu min jitlob għalina u fuq kollox joffri xi quddiesa għal ruħna.

Nistaqsu lilna nfusna: jien qiegħed ngħix bħallikieku ser nibqa hawn għal dejjem? Nemmen li t-talb u riflessjoni fuq il-Kelma t’Alla jżommuli saqajja mal-art fejn tidħol il-realtà tal-ħajja? Nemmen li l-ħsieb tal-mewt joffrili fejqan fir-ruħ tiegħi?

Mulej illum nixtiequ nirringrazzjawk tad-don tal-ħajja li tajtna, Int li għoġbok tagħtina sehem mill-eternità tiegħek hekk li filwaqt li l-eżistenza tagħna għandha bidu iżda ma għandiex tmiem għax Int tridna nkunu miegħek għal dejjem. Nitolbuk tgħinna llum biex qatt ma ngħixu qisu ser nibqgħu hawn għal dejjem biex hekk nirbħu l-egoiżmu tagħna u nishru waqt li nistennew il-miġja tiegħek meta l-vjaġġ tagħna fuq din l-art jasal fi tmiemu. Ammen.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading