Messaġġ tal-Papa Ljun XIV waqt l-Angelus fil-31 Ħadd matul is-Sena u l-Għid tal-Imwiet

IL-PAPA LJUN XIV
ANGELUS
Pjazza San Pietru
Il-XXXI Ħadd taż-żmien ordinarju,

u Għid tal-Imwiet
2 ta’ Novembru, 2025

Għeżież ħuti il-Ħadd it-tajjeb!

F’dal-ġranet tal-bidu ta’ Novembru, il-qawmien mill-imwiet ta’ Ġesù, l-Imsallab, hu dawl fuq id-destin ta’ kull wieħed u waħda minna. Kien Hu stess li qalhulna: “Issa r-rieda ta’ min bagħatni hija din: li jiena ma nitlef xejn minn dak kollu li tani, iżda li nqajjmu mill-imwiet fl-aħħar jum” (Ġw 6,39).  Hekk naraw ċar xhinu dak li l-aktar jippreokkupa lil Alla: li ħadd ma jintilef għal dejjem, li kulħadd ikollu postu u jibbrilla fl-uniċità tiegħu.

Hu l-misteru lil ċċelebrajna lbieraħ fis-Solennità tal-Qaddisin Kollha: komunjoni tad-differenzi li, biex ngħidu hekk, tiftaħ il-ħajja t’Alla għal uliedu kollha mimlijin bix-xewqa li jkollhom sehem fiha.  Hi x-xewqa mnaqqxa fil-qalb ta’ kull bniedem, li titlob l-għarfien, attenzjoni u ferħ. Kif kiteb il-Papa Bendittu XVI, l-espressjoni “ħajja ta’ dejjem” trid tagħti isem lil din l-istennija insopprimibbli: mhux suċċessjoni bla tmiem imma qabża fl-oċejan tal-imħabba infinita li fiha ż-żmien, il-qabel u l-wara ma jeżistux aktar.  Milja ta’ ħajja u hena: dan hu li nittamaw mill-fatt li aħna fi Kristu (cfr Enċ. Spe salvi, 12).

Hekk, it-tifkira tal-fidili kollha li ħallew dil-ħajja tqarribna aktar lejn il-misteru.  Il-preokkupazzjoni ta’ Alla li ħadd ma jintilef, infatti, inħossuha ġo fina kull darba li bil-mewt donnu li nitilfu għal dejjem leħen, wiċċ, dinja sħiħa.  Infatti, kull persuna hi dinja sħiħa.  Għalhekk dan tal-lum hu jum li jisfida l-memorja umana, tant prezzjuża u tant fraġli.  Mingħajr il-memorja ta’ Ġesù – ħajtu, mewtu u l-qawmien mill-imwiet – it-teżor bla qies ta’ kull ħajja hu f’riskju li jintesa.  Fil-memorja ħajja ta’ Ġesù, però, anki dak li ħadd ma jiftakar fih aktar, anki dak li l-istorja donnha nsietu, jibqa’ jgħammar bid-dinjità infinita tiegħu.  Ġesù, il-ġebla li warrbu l-bennejja, issa saret il-ġebla tax-xewka (Atti4,11).  Din hi t-tħabbira tal-Għid.  Din hi r-raġuni għala l-insara minn dejjem jiftakru fil-mejtin f’kull Ewkaristija, u sal-lum jitolbu li l-għeżież tagħhom jissemmew fit-talba ewkaristika.  Minn dik it-tħabbira tinbet it-tama li ħadd mhu se jintilef.

Iż-żjara fiċ-ċimiterju, li s-skiet tiegħu jinterrompi l-ġenn tal-ħajja, għandha tkun stedina għal kulħadd biex jimmedita u jistenna.  “Nistenna l-qawma mill-imwiet u l-ħajja taż-żmien li ġej”, ngħidu fil-Kredu.  Infakkru għalhekk dak li ġej.  Ma nibgħux magħluqin fl-imgħoddi, fid-dmugħ tan-nostalġija.  U lanqas magħluqin fil-preżent qiesna f’qabar.  Inħallu leħen Ġesù jasal għandna u jasal għand kulħadd għax hu l-uniku leħen li ġej mill-futur.  Isejħilna b’isimna, iħejjielna post, jeħlisna mis-sens ta’ impotenza li bih nirriskjaw li nirrifjutaw li ngħixu.  Marija, il-Mara ta’ Sibt-il  Għid, tgħallimna nibqgħu nittamaw.

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti!

B’niket kbir qed insegwi l-aħbarijiet traġiċi li qed jaslu mis-Sudan, partikolarment mill-belt ta’ El Fasher fid-Darfur t’Isfel imbiċċer.  Vjolenza bl-addoċċ fuq nisa u tfal, attakki fuq nies ċivili bla difiża u ostakli kbar għall-għajnuna umanitarja, qed iġibu tbatijiet inaċċettabbli fuq popolazzjoni li diġà mifnija b’xhur twal ta’ kunflitt.  Nitolbu biex il-Mulej jilqa’ fi ħdanu lill-mejtin, iwieżen lil min qed ibati u jmiss il-qlub ta’ min hu responsabbli.  Minn qigħ qalbi nġedded l-appell tiegħi biex dawk li qed jitqabdu jwaqqfu l-ġlied minnufih u bla telf ta’ żmien  jitfħu l-kuriduri umanitarji.  Fl-aħħar, nistieden lill-komunità internazzjonali biex tintervjeni b’deċiżjoni u ġenerożità u toffri għajnuna lil min qed jagħmel ħiltu kollha biex itaffi t-tbatija.

Nitolbu wkoll għat-Tanżanja, fejn, wara l-elezzjonijiet politiċi ta’ dan l-aħħar inqala’ ħafna nkwiet lil ħalla għadd ta’ vittmi.  Nistieden lil kulħadd biex jevita kull forma ta’ vjolenza u jfittex it-triq tad-djalogu.

Insellem lilkom ilkoll, rumani u pellegrini mill-Italja u minn tant inħawi tad-dinja, partikolarment lir-rappreżentanti tal-grupp PeaceMed, minn diversi pajjiżi madwar il-Mediterran, il-Kulleġġ “São Tomás” minn Lisbona, is-Sorijiet “Operaie” minn Brescia flimkien mal-kumpanija teatrali “Uno di noi”, lill-fidili minn Manerbio, lill-għalliema tal-Istitut “Aurora” minn Cernusco sul Naviglio u liż-żgħażagħ minn Rivarolo.

Illum waranofsinhar se niċċelebra Quddiesa fiċ-ċimiterju tal-Verano b’suffraġju għall-mejtin kollha.  Se nersaq spiritwalment lejn l-oqbra tal-għeżież tiegħi u se nitlob ukoll għall-mejtin li ħadd ma jiftakar fihom.  Iżda l-Missier tagħna Ċelesti jafna u jħobbna wieħed wieħed u waħda waħda u ma jinsa’ lil ħadd!

Il-Ħadd it-tajjeb lil kulħadd fit-tifkira nisranija tal-mejtin tagħna.

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading