Kitba ta’ Joe Galea
Wara Nicea
Wara l-mewt ta’ Kostantinu, l-Imperu kien maqsum bejn it-tlett uliedu. Costanzo II irrennja fil-Lvant għal 24 sena (337-361) u fl-aħħar 11-il sena (350-361) kien l-Imperatur uniku. Costanzo ffavorixxa l-pożizzjoni Arjana u ħalla l-Arjaniżmu jikber f’dawn is-snin. Kostantinu II dam biss Imperatur 3 snin wara missieru u l-parti tiegħu għaddiet għand Costante, li rrenja fuq il-Punent mit-337 sat-350. Bil-maqlub ta’ ħuh Costanzo II, iffavorixxa l-pożizzjoni ta’ Nicea u fir-renju tiegħu il-Punent baqa’ fidil għall-Konċilju.
Fit-341 sar sinodu f’Antijokja li fformula verżjoni ġdida tal-Kredu ta’ Niċea u eskluda t-terminu homoousis, imma dan il-Kredu hu magħruf għall-ambigwità tiegħu. F’dal-punt, l-aħwa imperjali ddeċidew li jlaqqgħu konċilju għall-Knisja kollha tal-Lvant u tal-Punent, bil-għan li jkun hemm ftehim bejn iż-żewġ naħat.
Il-konċilju sar fit-343 f’Sardica, illum Sofia, imma ma ntlaħaqx ftehim. Xaqq dawl feġġ meta fit-346 il-Lvant stabbilew mill-ġdid fis-sede veskovili ta’ Lixandra lil Atanasju, id-difensur tal-ortodossija Nicena. Imma l-mewt ta’ Costante fit-350 ħalliet lil Costanzo II Imperatur uniku tal-Imperu kollu, u dan wassal għal mewġa ta’ persekuzzjoni kontra l-Insara ‘ortodossi’ u kien hemm l-qawmien ta’ Arjaniżmu estrem. Imma wara xi snin, l-Arjani wrew sinjali ta’ firda bejniethom.
Għas-sena 390, l-istabbiltà ppermettiet li l-Knisja tipprepara għar-rebħa finali tat-teoloġija ortodossa Nicena taħt l-Imperatur Teodosju l-Kbir, fil-Konċilju ta’ Kostantinopli, li afferma d-deċiżjonijiet tal-Konċilju ta’ Nicea (325). Il-Kredu ġie aċċettat mill-Knisja ta’ Ruma u b’hekk intemm it-tentattiv Arjan li jieħu padrunanza tal-Knisja.
Il-Filioque
Hawn tidħol il-kwestjoni tal-Filioque. Din hi kelma Latina li tfisser “u mill-Iben”, terminu miżjud mal-Kredu ta’ Nicea/Kostantinopli, li ma kinitx fil-verżjoni oriġinali. Il-Filioque hi suġġett ta’ kontroversja kbira bejn il-Kristjanità tal-Lvant u dik tal-Punentu. Hu waħda mir-raġunijiet tax-Xiżma tal-1054. Li l-Ispirtu s-Santu ġej mill-Missier u mill-Iben insibuha f’ħafna kitbiet tal-bidu, bħal f’Tertulljanu (216) u Origene (229). Il-Filioque ġie kkonfermat fit-2 konċilju ta’ Nicea (787).
F’Nicea kienet żdiedet din id-dikjarazzjoni fuq l-Ispirtu s-Santu. Kienet formulata b’mod attent ħafna: “.. u fl-Ispiru s-Santu, Mulej li jagħti l-ħajja: li ġej mill-Missier u mill-Iben; li hu meqjum u mweġġah flimkien mal-Missier u mal-Iben: hu li tkellem b’fomm il-profeti.”
Apollinare ta’ Loadicea
L-Arjaniżmu ma kienx l-unika ereżija li ġiet trattata f’Kostantinopli. Ikkundanna bħala eretika t-teoloġija ta’ Apollinare ta’ Loadicea (310-390) li għallem li fi Kristu l-Ispirtu uman ġie sostitwit mil-Logos divin, u b’hekk qiegħed fid-dubju l-umanità sħiħa ta’ Kristu. Hu għolla d-divinità ta’ Kristu b’mod tali li ddefenda t-titlu Marjan ta’ Theotokos, Omm Alla.
Kontra Apollinare kien hemm Teodoro ta’ Mopsuestia, li għolla kemm l-umanità kif ukoll id-divinità ta’ Kristu u sostna t-titlu ta’ Theotokos; imma ma rnexxielux jispjega kif Kristu seta’ kien Alla kif ukoll bniedem.
Nestorju
Dawn il-kwestjonijiet teologiċi ġew eżaminati fil-5 seklu minn Nestorju († 451) u minn Ċirillu ta’ Lixandra (†444). Nestorju kien il-Patrijarka ta’ Kostantinopli. Hu għamilha ċara li ried ineħħi l-ideat eretiċi u jipprietka l-ortodossija. Żamm mal-kritika għat-titlu Theotokos, anke minħabba r-rabta li l-kappillan tiegħu kellu mal-Apollinariżmu.
Theotokos hi kelma Latina li tfisser ‘dik li welldet lil Alla’, magħrufa iktar bħala ‘Omm Alla’. Mill-bidu Marija kienet tissejjaħ Omm Alla u forsi l-ewwel li semma dan it-titlu kien Origene. Id-differenza hawnhekk kienet bejn Theotokos (Omm Alla) u Christokos (Omm Kristu). In-naħa ta’ Nestorju ma kinux jammettu li Marija hi Omm Alla, fis-sens li kienet Omm Alla mill-eternità. Sostnew li Marija hi Omm l-Iben mill-Inkarnazzjoni.
It-titlu Theotokos kien diġà daħal sew għax kien użat minn ħafna teoloġi ‘ortodossi’ u kien akkwista popolarità minħabba li kibret id-devozzjoni lejn Marija. F’Konċilju li sar f’Efesu fl-431 Nestorju ġie akkużat li ċaħad id-divinità ta’ Kristu u li offenda d-dinjità ta’ Marija Id-duttrina tiegħu ġiet ikkundannata u t-titolu Theotokos dikjarat ortodoss. Nestorju ġie skumnikat u eżiljat ġo monasteru.
Eutiche
Il-kontroversja faqqgħet mill-ġdid fl-446. Eutiche, arkimandrita (superjur) ta’ monasteru ta’ ‘l fuq minn 300 patri f’Kostantinopli, ċaħad iż-żewġ naturi ta’ Kristu wara l-inkarnazzjoni u żamm biss dik divina u b’hekk ta bidu għal ereżija li ‘l quddiem saret magħrufa bħala monofisiżmu.
Kontra r-rieda tal-Papa Ljun I tlaqqa’ konċilju f’Efesu fl-449 fejn Eutiche li fih Eutiche fittex li jdawwar l-idea favur l-ereżija tiegħu kontra ż-ż-ewġ naturi fi Kristu. Id-deċiżjonijiet ta’ dan il-konċilju, imsejjaħ il-“konċilju tal-ħallelin” ġew imħassra minn konċilju ekumeniku li sar fl-451 f’Kalċedonja, fl-Asja Minuri.
Madwar 600 isqof iddibattew għal ġimagħtejn u ttieħdu dawn id-deċiżjonijiet: Il-konċilji ta’ Nicea, Kostantinopli u Efesu (431) ġew dikjarata ekumeniċi, il-Kredijiet ta’ Nicea u Kostantinopli affermati mill-ġdid, il-“konċilju tal-ħallelin” tal-449 ta’ Efesu kundannat, Eutiche mneħħi mill-karigi tiegħu u saret din il-professjoni ta’ fidi:
“Aħna qed ngħallmu b’mod unanimu li nistqarru l-Mulej Kristu wieħed; li nirrikonoxxu fih żewġ naturi, mingħajr konfużjoni, immutabbli, indiviż, inseparabbli, mingħajr ma tnaqqset id-differenza tan-naturi bl-unjoni tan-naturi, anzi hi salvagwardata l-proprjeta’ ta’ kull natura biex tifforma persuna waħda.”
Din id-definizzjoni tqiegħed solennement quddiem il-Knisja d-duttrina uffiċjali fuq il-Persuna ta’ Kristu.

