Il-31 Ħadd matul is-Sena Ċ. Ħsieb ta’ D. Edward Vella

Il-bniedem, ikollu xi jkollu fil-ħajja, jekk fil-fond ta’ qalbu ma jħossx li huwa maħbub jibqa’ jħossu vojt u xejn ma jibqa’ jagħmel sens għalih. Ovvjament l-akbar responsabiltà f’dan ir-rigward iġorruha l-ġenituri, u b’mod partikulari l-omm, għaliex huwa fl-ewwel snin tal-ħajja li jitpoġġa il-pedament ta’ dak li hu il-proġett bniedem, u huwa f’dawn is-snin li l-bniedem jifhem li huwa maħbub. Minħabba dan jekk allaħares qatt, l-imħabba tkun nieqsa, dik il-persuna tista’ tibqa’ għal ħajjitha kollha tbati biex taċċetta li hija maħbuba.

Minħabba din il-ħaġa, huma l-ġenituri li għandhom l-akbar responsabiltà li mhux biss iħobbu lil uliedhom bi mħabba kbira, iżda wkoll li jdewqulhom l-imħabba ta’ Alla. L-imħabba tal-ġenituri, kbira kemm hi kbira tibqa’ limitata, u għalhekk il-ġenituri li ma jdewqux lil uliedhom l-Imħabba Infinita ikunu ħallewhom l-akbar foqra għaliex wara kollox qalb kull bniedem tixxennaq għal din l-Imħabba li jista’ jagħtihielna biss Alla.

L-ewwel qari tal-lum jeħtiġilna nisimgħuh u nirriflettu fuqu b’attenzjoni kbira. Għax int tħobb il-ħlejjaq kollha, u xejn ma tistmell minn kulma għamilt; li kien hemm xi ħaġa li stajt tobgħodha, int ma kontx tagħmilha.Kull wieħed u waħda minna xi darba ddubitajna li Alla jħobbna; forsi kien mument diffiċli fil-ħajja u ħsibna li Alla abbandunana, jew saħansitra ddubitajna jekk Alla jeżistix jew le. Kemm fihom għerf tas-sema dawn il-kelmiet mill-ktieb tal-Għerf! Alla ma jistax ma jħobbniex; huwa kien jaf kull dettal fuqna u fuq ħajjitna sa minn qabel ma eżistejna. Allura aħna ma stajniex neżistu jekk kien hemm xi ħaġa li minħabba fiha Alla ma kienx ser iħobbna. Xejn ma jista’ jeżisti jekk Alla ma jħobbux jew jekk jieqaf iħobbu. Quddiem il-ħtijiet tagħna, int twiddeb bil-ftit il-ftit lil dawk li jonqsu, twissihom u tfakkarhom fejn dinbu, biex jerġgħu lura mill-ħażen tagħhom, u fik, Mulej, iqiegħdu t-tama tagħhom.’ Kemm għandna bżonn iżommuh f’moħħna u f’qalbna dan il-kliem.

Bħala eżempju ta’ dan għandna fl-Evanġelju lil Żakkew, dan ir-raġel qsajjar li ma tantx kien maħbub għaliex kien kap tal-pubblikani u kien għani. Il-ħars ikraħ tan-nies qatt ma bidillu ħajtu, iżda darba xi ħadd ħares lejħ b’mod differenti. Ġesù waqaf ħdejn it-tina selvaġġa li kien mxabbat magħha u stieden ruħu b’idejh biex imur għandu. Dan ġab il-għadab tar-raħal kollu. Iżda Ġesù ma tantx jimpressjona ruħu b’dak li jgħidu n-nies, huwa jagħti attenzjoni lill-persuna. Żakkew dan bidillu ħajtu u minn dak il-ħin beda ħajja ġdida mimlija ferħ li jaf jagħti biss Ġesù. Liema hija dik it-tina selvaġġa li ninsab iggranfat magħha jien? Żakkew kien iggranfat mal-ġid li kellu, iżda bħat-tina selvaġġa, il-ġid jista’ jimlielek bwietek iżda qatt qalbek u ħajtek.

Mulej Ġesù agħtini l-grazzja li nagħraf liema hija t-tina selvaġġa li ninsab iggranfat magħha jien, u nitolbok għinni ħalli għajnejja jiltaqgħu mal-ħarsa kollha mħabba tiegħek, biex jien ukoll bħal Żakkew induq il-benna tas-salvazzjoni li int biss tista’ toffrili. Ammen.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading