Enċiklika tal-Papa Ġwanni Pawlu II dwar Xogħol il-Bniedem
Ippubblikata fl-14 ta’ Settembru 1981
F’Settembru 1981, il-Papa Ġwanni Pawlu II ppubblika l-enċiklika soċjali tiegħu, Laborem Exercens – dwar Xogħol il-Bniedem. Dan għamlu l-ewwel u qabel kollox sabiex ifakkar enċiklika soċjali oħra, ir-Rerum Novarum, li l-Papa Ljun XIII kien ħareġ eżattament 90 sena qabel. Fiż-żewġ okkażjonijiet, id-dinja kienet għaddejja minn trasformazzjonijiet ekonomiċi u soċjali kbar.
Għalkemm meta ġew ippubblikati ir-Rerum Novarum u l-Laborem Exercens, il-kuntest storiku u soċjali kienu ferm differenti minn xulxin, madankollu ż-żewġ dokumenti jindirizzaw il-kwistjoni tax-xogħol u d-dinjità tal-ħaddiem. Ir-Rerum Novarum ħarġet fi żmien ir-Rivoluzzjoni Industrijali, meta ħafna ħaddiema kienu qed jgħixu f’faqar kbir, b’kundizzjonijiet tax-xogħol diffiċli u mingħajr ebda protezzjoni legali adegwata. Għalhekk, il-Papa Ljun XIII enfasizza id-drittijiet fundamentali tal-ħaddiema u l-ġustizzja soċjali. Min-naħa l-oħra, il-Laborem Exercens ġiet ippubblikata 90 sena wara, f’dinja aktar industrijalizzata u teknoloġikament avvanzata. Hawnhekk, il-problemi kienu jinkludu l-impatt tal-awtomazzjoni fuq il-bniedem, il-qgħad, u relazzjonijiet aktar kumplessi bejn il-kapital u x-xogħol. Fiha, Ġwanni Pawlu II ffoka hafna wkoll fuq il-valur spiritwali u uman tax-xogħol, u fuq il-bżonn li l-bniedem jibqa’ dejjem fiċ-ċentru tas-sistemi ekonomiċi moderni.
Illum, 45 sena wara l-Laborem Exercens, nerġgħu ninsabu f’realtà kompletament ġdida – waħda mmarkata mill-globalizzazzjoni, ir-rivoluzzjoni diġitali, u sfidi ġodda għad-dinjità tal-bniedem fuq il-post tax-xogħol. Minkejja li matul dan iż-żmien kienu ppublikati dokumenti soċjali oħra, u minkejja li llum nistennew li anke l-Papa Ljun XIV ma jdumx ma jagħtina d-dokument tal-maġisteru soċjali tiegħu, madankollu l-messaġġ ċentrali tal-Laborem Exercens jibqa’ mhux biss rilevanti, imma forsi wkoll aktar urġenti minn qatt qabel.
Bidliet kbar fil-kundizzjonijiet umani u soċjali
Ma jistax jonqos li llum, il-papa preżenti ser jindirizza temi ta’ żmienna bħal ma huma l-intelliġenza artifiċjali, il-paċi fid-dinja jew n-nuqqas tagħha, u dak li s-Santa Sede spiss iddeskrivitu bħala l-kriżi fil-liġi internazzjonali.
L-avvanz mgħaġġel fl-intelliġenza artifiċjali u l-awtomazzjoni bidel bil-kbir in-natura tax-xogħol. Ħafna xogħlijiet tradizzjonali sparixxew jew inbidlu drastikament, filwaqt li ġew maħluqa oħrajn ġodda. Dan ġab miegħu kemm opportunitajiet kif ukoll inċertezzi, speċjalment għal dawk li jsibuha diffiċli biex jadattaw lilhom infushom.
Il-globalizzazzjoni wkoll bidlet il-mod kif jaħdmu s-swieq tax-xogħol. Il-produzzjoni u s-servizzi m’għadhomx limitati għal pajjiż wieħed, u dan wassal għal kompetizzjoni akbar iżda wkoll għal sfruttament aktar kiefer f’ċerti partijiet tad-dinja. Diversi setturi ta’ ħaddiema spiss jiffaċċjaw kundizzjonijiet prekarji, pagi baxxi, u nuqqas ta’ sigurtà.
Barra minn hekk, il-kunċett tax-xogħol innifsu nbidel. Illum spiss nirreferu “gig economy”, suq tax-xogħol definit minn kuntratti għal żmien qasir, flessibbli, u freelance aktar milli minn impjiegi permanenti. Bosta mill-ħaddiema saru speċi ta’ kuntratturi tagħhom infushom, jinkrew għal xogħolijiet speċifiċi, gigs. Spiss lanqas biss ma jkunu jafu lil min krihom. Ma jkollhom lanqas kuntatt dirett bejniethom, imma biss permezz ta’ pjattaformi diġitali. Lanqas ma jkollhom dawk il-benefiċċji tradizzjonali bħall-assigurazzjoni tas-saħħa jew leave bi ħlas. Għal dawn iridu jaraw kif ser jillapazzaw huma.
Illum, għadna qed naraw inugwaljanzi kbar fil-kondizzjonijiet tax-xoghol tal-ħaddiema, f’ċerti każi saħansitra skavitù kummerċjali. F’bosta pajjiżi, saħansitra l-istess tfal għadhom qed ikunu sfruttati. Iż-żieda fil-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, mhux dejjem qed tkun instigata mid-drittijiet umani tagħhom, imma biss mill-bżonnijiet tas-suq. L-istess jiġri f’dik hekk imsejħa “importazzjoni ta’ ħaddiema barranin”, fejn il-bniedem huwa bħal biċċa għodda li ordnajna minn fuq l-internet, magna umana li nużaw għal ftit żmien, sakemm fi ftit żmien ieħor, inkunu nistgħu nibdluh ma’ maġna robotika, irħas u ċertament aktar effiċenti. Spiss, il-bniedem huwa biss użat, sfruttat u mormi. Aktar importanti minnu, huwa s-suq. Għaliex, kif jgħidu, is-suq … isuq.
Xogħol għall-bniedem, mhux bil-maqlub
F’nofs dawn il-bidliet kollha, il-prinċipju fundamentali tal-Laborem Exercens jibqa’ wieħed ċar; ix-xogħol għandu jkun għall-bniedem, mhux il-bniedem għax-xogħol. Id-dinjità tal-persuna umana trid tibqa’ fiċ-ċentru ta’ kull sistema ekonomika. Il-valur tax-xogħol ma jitkejjilx biss bil-produttività jew bil-profitt, imma bil-fatt li hu espressjoni umana.
Ironikament, il-problemi li l-Laborem Exercens indirizzat tant snin ilu ma sparixxewx, anzi f’ħafna każi, saru aktar kumplessi. Il-pressjoni ekonomika, l-inċertezza tax-xogħol, u l-isfidi teknoloġiċi jagħmlu l-messaġġ tagħha aktar importanti.
Illum, iżjed minn qatt qabel, hemm bżonn li nerġgħu nikkunsidraw il-valur tax-xogħol fid-dawl tad-dinjità umana u f’qafas morali u soċjali li jista’ jgħinna nibnu ekonomija aktar ġusta u umana.
Wara 45 sena, il-Laborem Exercens tibqa’ dokument profetiku. Minkejja l-bidliet kbar fid-dinja tax-xogħol, il-prinċipji tagħha huma stabbli u universali. Fil-fatt, fil-kuntest tal-lum, dawn il-prinċipji mhux biss għadhom validi, imma wkoll essenzjali biex nindirizzaw l-isfidi tal-preżent u tal-futur.
IMMA jiena x’nista’ nagħmel? Aħna x’nistgħu nagħmlu? Min jaf kieku jkollna nagħtu l-ewwel pass billi waħedna, jew forsi aħjar ma’ oħrajn, nibdew biex naqraw mill-ġdid u nistudjaw l-enċiklika tal-Papa Ġwanni Pawlu II, il-Laborem Exercens?
Insibuha bil-Malti minn din il-link ta’ hawn taħt …
https://laikosblog.org/2020/08/02/fgheluq-id-disghin-sena-mill-hrug-tal-enciklika-rerum-novarum/
