Mill-istorja tal-Knisja Nisranija. Kitba ta’ Joe Galea (20)
L-idea ta’ ħarba u iżolament mid-dinja għal raġunijiet reliġjużi hija mifruxa tista’ tgħid mal-parti l-kbira tar-reliġjonijiet il-kbar. Iżda f’din il-lezzjoni ser naraw x’kienu r-raġunijiet partikulari li wasslu biex bosta nsara speċjalment fil-lvant jaħarbu fid-deżert u hemhekk isiru l-famużi “Missirijiet tad-Deżert”. U kif dan il-moviment kellu jinfluwenza l-kumplament tal-Knisja. Dawn l-Anakoreti kienu suġġett għal bosta rakkonti u tradizzjonijiet, kif ukoll meħuda b’eżempju għall-kumplament tad-dinja Nisranija. Għalhekk ser naraw x’bażi storika hemm wara dawn in-nies.

Sorsi
Nistgħu ngħidu li l-ġrajjiet li waslu għandna fuq dawn il-missirijiet huma ġejjin minn żewġ tipi ta’ sorsi differenti: il-Vitae (Vita)u l-Apophtegm (Apoftagem). Tal-ewwel huma biografiji li jirrakuntaw ħajjiet partikolari ta’ Anakoreti kbar, l-ewwel u x’aktarx l-aqwa Vitae hija dik ta’ San Anton Abbati miktuba min San Atanasju. (San Anton Abbati twieled l-Eġittu fil-251. Hu meqjus bżala missier l-eremiti, ta’ ħajja axxetika estrema. Ta parir lill-Isqfijiet, fosthom lil San Atanasju, kontra l-Arjaniżmu.) It-tieni kategorija huma għidut li qalu jew suppost qalu dawn il-missirijiet.
Tajjeb ukoll li nifhmu li sorsi oħrajn bħal ġrajjiet sekulari u sorsi ġejjin minn kittieba xi drabi ukoll pagani jistgħu jagħtuna stampa differenti ta’ dawn in-nies minn dik li jagħtuna dawn it-tnejn. Dan il-fatt mhux talli ma jħawwadniex iżda għandu jagħtina stampa aktar sħiħa ta’ dan il-moviment fi ħdan il-knisja tal-bidu.
Bidu
Il-moviment Anakoreta, jiġifieri tal-eremiti fid-deżert, beda’ fl-Eġittu tat-tielet seklu. X’aktarx illi beda’ b’mod naturali hekk kif numru ta’ Nsara ħarbu fid-deżert f’mument ta’ persekuzzjoni. Iżda wara kien hemm żewġ raġunijiet li wasslu għal dan il-fenomenu.
- Il-‘Martirju l-Abjad’, dak li ħa post il-martirju l-aħmar jew tad-demm. Hekk kif il-persekuzzjoni ntemmet, bosta kienu dawk li bdew ifittxu ħajja aktar perfetta biex ikunu qrib t’Alla, f’axxettiċiżmu li kellu jwassal għall-ħelsien sħiħ fi Kristu.
- L-idea li n-Nisrani huwa gwerrier spiritwali li bil-qawwa t’Alla jisfida lix-xitan b’armi spiritwali. Id-deżert huwa muri bħala l-bejta tax-xjaten, post fejn jgħammru ħlejjaq fantastiċi qaddejja tal-ħażin. Għalhekk fir-rakkonti nsibu ġrajjiet fejn il-protagonist jegħleb tentazzjonijiet kbar u jiltaqa’ ma ħlejjaq tal-biża’, li jirbħilhom u xi drabi jirbaħhom bil-qawwa ta’ Ġesù. Hekk naraw kif San Anton mhux biss jegħleb lit-tentazzjonijiet iżda saħansitra jiltaqa’ u jikkonverti satiri u fawni, ħlejjaq mitoloġiċi nofshom nies u nofshom bhejjem meqjusa qaddejja tax-xitan. (‘Satiri’ fil-mitoloġija Griega kienu spirti maskili b’widnejhom u denbhom li jixbhu lil dawk ta’ żiemel.)
Huma x’inhuma ir-raġunijiet li taw bidu lil dan il-moviment, kollox jindika illi l-monaċi fl-Eġittu tat-tielet u r-raba’ seklu kienu preżenza ħajja. Il-ġrajjiet juruna kif l-ewwel monaċi kienu jgħixu f’iżolament maqtugħin minn kulħadd, lebsin b’li jsibu u xi drabi saħansitra bla ħwejjeġ. Lilhom kienu mogħtija doni li jitkellmu mal-annimali (skond dawn ir-rakkonti) u jagħrfu r-rieda t’Alla b’għerf li ġej minn ħajja axxetika.
Din it-tip ta’ ħajja iżda kellha l-perikli tagħha. Ħafna minn dawn l-eremiti kienu nies ta’ bla skola, iż-żmien li kienu jgħaddu fid-deżert kien joħloq nies li xi drabi kienu jrabbu karattru stramb u salvaġġ li faċilment seta’ jġib nuqqas ta’ karità lejn l-oħrajn. Kollox kien juri li kien hemm bżonn ta’ xi forma ta’ ordni biex din il-ħajja ma tiddeġenerax.
Anton u Pakomju
Ir-risposta għal dan il-problema ingħatat mill-ħajjiet ta’ żewġ qaddisin Eġizzjani li tista’ tgħid kienu l-veri fundaturi tal-monakiżmu Nisrani, Anton u Pakomju. Skond San Atanasju fil-Vita Antoni, Anton kien iben proprjetarju sinjur tal-art. Il-mewt tal-ġenituri tiegħu, u r-responsabilitajiet li huwa wiret, daħħluh fi kriżi, kriżi illi kellha twasslu għas-soluzzjoni li Ġesù kien ta lil kulħadd, “biegħ kollox, qassmu lill-foqra u imxi warajja”.
Fil-Vitae naraw proċess ta’ maturazzjoni fejn Anton jibda bħala eremit fit-truf tar-raħal, jitbiegħed fid-deżert u fl-aħħar joħroġ u jiġbor lejh għall-ħabta tas-sena 305 dixxipli lesti li jgħixu bħalu. Matul din il-mixja naraw lil Anton jegħleb tentazzjonijiet u jżomm l-identità tiegħu ta’ bniedem ħieles fi Kristu, taqbid mal-ħażin li permezz tiegħu Anton isir aħjar. Fi kliem Atanasju “bosta bdew jaraw fih ħuhom u binhom”.
Xi żmien wara huwa kien ukoll il-missier ta’ bosta ulied spiritwali ta’ bosta eremiti li għalkemm ma jgħixux f’komunità kif nifhmu llum, kellhom rabta ta’ mħabba u fraternità nisranija. Biż-żmien dehru ukoll nisa li ħaddnu din il-ħajja, u xi uħud kienu jagħmluha ta’ rġiel, numru minnhom kienu prostituti u midinba kbar li fid-deżert sabu mezz kif ipattu għall-passat tagħhom.
It-tieni mudell tal-monakiżmu primitiv hu dak ta’ Pakomju. Raħħal maqbud fil-lieva tal-armata Rumana, Pakomju kien baqa’ mpressjonat mill-karità u l-ħniena tal-Insara. Dan wasslu biex hu stess iħaddan dan it-twemmin u jmur fid-deżert. Fis-sena 328 huwa waqqaf komunità ta’ ‘monaċi’ li ħajjithom kienet maqtugħa mid-dinja iżda mhux mill-oħrajn. Din il-komunità Ċenobita kienet x’aktarx l-ewwel komunità monastika fost l-Insara.
Aktar kitbiet minn Joe Galea dwar l-Istorja tal-Knisja u Ġrajjiet il-Kristjaneżmu …