UDJENZA ĠUBILARI
KATEKEŻI TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
Pjazza San Pietru
Is-Sibt 8 ta’ Novembru 2025
Katekeżi. 8. Nittamaw ifisser nagħtu xhieda. Isidore Bakanja
Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba u merħba!
It-tama tal-Ġublew tinbet mis-sorpriżi ta’ Alla. Alla hu differenti minn kif imdorrijin li nkunu aħna. Is-Sena Ġubilari ġġagħalna nagħrfu din id-differenza u nittraduċuha fil-ħajja ta’ kuljum. Għalhekk hija Sena ta’ grazzja: nistgħu ninbidlu! Dan nitolbuh dejjem meta nitolbu l-Missierna u ngħidu: “Kif fis-sema hekkda fl-art”.
San Pawl jikteb lill-Insara ta’ Korintu u jistedinhom jintebħu li bejniethom l-art diġà bdiet tixbah lis-sema. Jgħidilhom iqisu s-sejħa tagħhom u jaraw kif Alla qarreb lejn xulxin persuni li altrimenti qatt ma kienu ħa jiltaqgħu. Min hu l-aktar umli u l-inqas setgħani issa sar prezzjuż u importanti (ara 1 Kor 1:26-27). Il-kriterji ta’ Alla, li dejjem jibda minn dawk tal-aħħar post, diġà f’Korintu huma “terremot” li ma jeqridx, imma jerġa’ jqajjem id-dinja mir-raqda. Il-kelma tas-Salib, li Pawlu jagħti xhieda tagħha, tqajjem il-kuxjenzi u terġa’ tagħti l-ħajja lid-dinjità ta’ kull persuna.
Għeżież ħuti, li nittamaw ifisser nagħtu xhieda: nagħtu xhieda li kollox diġà nbidel, li xejn ma hu kif kien qabel. Għalhekk illum nixtieq inkellimkom fuq xhud tat-tama Nisranija fl-Afrika. Jismu Isidore Bakanja u ilu Beatu sa mill-1994, Patrun tal-lajċi fil-Kongo. Imwieled fl-1885, meta pajjiżu kien kolonja tal-Belġju, ma marx skola, għax ma kienx hemm f’beltu, imma sar ħaddiem apprendista. Tħabbeb mal-missjunarji Kattoliċi, il-monaċi Trappisti: dawn kellmuh fuq Ġesù u hu aċċetta li jirċievi t-tagħlim Nisrani u l-Magħmudija, meta kellu xi għoxrin sena. Sa minn dak il-mument, ix-xhieda tiegħu saret dejjem iżjed imdawla. Li tittama jfisser tagħti xhieda: meta nagħtu xhieda tal-ħajja ġdida, jiżdied id-dawl anki qalb id-diffikultajiet.
Fil-fatt, Isidore isib ruħu jaħdem fl-għelieqi għal sid Ewropew bla skrupli ta’ xejn, li ma kienx jiflaħ għall-fidi u l-awtentiċità tiegħu. Is-sid kien jobgħod il-Kristjaneżmu u lil dawk il-missjunarji li kienu jiddefendu lill-indiġeni kontra l-abbużi tal-kolonizzaturi, imma Isidore baqa’ jilbes sal-aħħar l-iskapular tiegħu madwar għonqu bix-xbieha tal-Verġni Marija, minkejja l-maltrattamenti u t-torturi kollha, bla qatt ma tilef it-tama. Li tittama jfisser tagħti xhieda! Isidore miet jgħid lill-patrijiet Trappisti li ma kellu ebda rabja, anzi, wiegħed li jitlob anki fil-ħajja l-oħra għal min ġabu f’dak l-istat.
U din, għeżież ħuti, hija l-kelma tas-Salib. Hi kelma li tingħax, li tkisser il-katina tal-ħażen. Hi bixra ġdida ta’ qawwa, li xxerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom u tniżżel lis-setgħana minn fuq it-tron tagħhom. Hekk tfeġġ it-tama. Kemm-il darba l-Knejjes qodma tat-Tramuntana tad-dinja jirċievu mingħand il-Knejjes żgħażagħ din ix-xhieda, li twassalna biex nimxu flimkien lejn is-Saltna ta’ Alla, li hi Saltna ta’ ġustizzja u ta’ paċi. L-Afrika, b’mod partikulari, titlob din il-konverżjoni, u dan tagħmlu hija u tagħtina tant żgħażagħ xhieda tal-fidi. Li nittamaw ifisser nagħtu xhieda li l-art tista’ tassew issir tixbah lis-sema. U dan huwa l-messaġġ tal-Ġublew.
Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard