IL-PAPA LJUN XIV
ANGELUS
Pjazza San Pietru
XXXIII Ħadd taż-żmien Ordinarju,
16 ta’ Novembru, 2025
Għeżież ħuti il-Ħadd it-tajjeb!
Hekk kif is-sena liturġika qed toqrob lejn tmiemha, l-Evanġelju tal-lum (Lq 21,5-19) jgħinna nirriflettu dwar it-taqlib tal-istorja u t-tmiem ta’ kollox. Minħabba li jaf qlubna, quddiem dawn il-ġrajja, Ġesù jistedinna biex qabel kollox ma nintrebħux mill-biża’: “Meta tisimgħu min jitkellem fuq gwerer u taqlib fil-pajjiżi, tinħasdux, ” (v. 9).
L-istedina tiegħu hi attwalli ħafna: infatti, sfortunatament, kuljum jaslulna aħbarijiet ta’ kunfkitti, diżastri u persekuzzjonijiet li jkiddu miljuni ta’ rġiel u nisa. Kemm quddiem dawn it-tbatijiet u wkoll quddiem l-indifferenza li tipprova tinjorahom, kliem Ġesù jħabbar li l-aggressjoni tal-ħażen ma tistax titfi t-tama ta’ min jafda fiH. Aktar ma s-siegħa tkun mudlama bħal-lejl, il-fidi aktar tiżreġ bħax-xemx.
Infatti, għal darbtejn, Kristu jafferma li “minħabba f’ismu” ħafna se jsofru vjolenza u tradimenti (cfr v. 12.17), imma propju dik hi okkażjoni biex jagħtu xhieda (cfr v. 13). Fuq l-eżempju tal-Imgħallem, li fuq is-salib wera l-imħabba bla tarf tiegħu, dan l-inkoraġġiment jolqot lilna lkoll. Il-persekuzzjoni tal-insara, infatti, ma ssirx biss bl-armi u t-trattament ħażin iżda wkoll bil-kliem, jiġifieri bil-gideb u l-manipulazzjoni ideoloġika. Aktar ma nkunu mgħakksin minn dal-ħażen fiżiku u morali, akbar hi s-sejħa biex inkunu xhieda tal-verità li ssalva d-dinja, tal-ġustizzja li tirhan il-popli mill-oppressjoni, tat-tama li turi lil kulħadd it-triq tal-paċi.
Bl-istil profetiku tiegħu, kliem Ġesù jikkonferma li d-diżastri u t-tbatija tal-istorja għandhom tmiem, filwaqt li l-hena ta’ dawk kollha li fiH jagħrfu s-Salvatur se tibqa’ għal dejjem. “Jekk tibqgħu sħaħ sal-aħħar issalvaw ħajjitkom” (v. 19): dil-wegħda tal-Mulej timliena bil-qawwa biex nirreżistu l-ġrajjiet intimidatorji tal-istorja u kull offiża; ma nibqgħux impotenti quddiem in-niket għax Hu stess itina “kliem u għerf” (v. 15) biex naħdmu dejjem għall-ġid b’qalb imħeġġa.
Għeżież, tul l-istorja kollha tal-Knisja huma propju l-martri li jfakkruna li l-grazzja t’Alla għandha ħila saħansitra tibdel il-vjolenza f’sinjal ta’ redenzjoni. Għalhekk, magħqudin ma’ ħutna li qed isofru f’isem Ġesù, infittxu bil-fiduċja l-interċessjoni ta’ Marija, għajnuna tal-insara. F’kull prova u diffikultà l-Verġni Mqaddsa tikkunslana u tweżinna.
Wara l-Angelus
Għeżież ħuti!
Kif kont qed ngħid ftit ilu jien u nikkummenta l-Evanġelju, illum ukoll, f’diversi nħawi tad-dinja l-insara jsofru diskriminazzjoni u persekuzzjoni. Niftakar partikolarment fil-Bangladesh, fin-Niġerja, fil-Mozambique, fis-Sudan u f’pajjiżi oħra, mnejn spiss jaslu aħbarijiet dwar attakki fuq komunitajiet u mkejjen tal-kult. Alla hu Missier ħanin u jrid il-paċi fost uliedu kollha! Qed nakkumpanja bit-talb lill-familji ta’ Kivu, fir-Repubblika Demokratika tal-Congo, għax dal-ġranet seħħ massakru fost in-nies ċivili li ħalla mill-anqas għoxrin vittma wara attakk terroristiku. Nitolbu biex tieqaf il-vjolenza u dawk li jħaddnu t-twemmin jikkollaboraw flimkien għall-ġid komuni.
Qed insegwi b’niket l-aħbarijiet dwar attakki li għadhom qed isiru fuq għadd kbir ta’ bliet fl-Ukrajna, Kyiv inkluża. Dawn qed iħallu ħafna vittmi u nies feruti, fosthom anki tfal, minbarra d-danni enormi lill-infrastrutturi ċivili li qed iħallu familji bla dar issa li qed tiżdied il-kesħa. Niżgura l-qrubija tiegħi mal-popolazzjoni tant imġarrba. Il-gwerra u d-distruzzjoni m’għandniex nittrattawhom qieshom drawwa! Nitolbu flimkien biex fl-Ukrajna mbiċċra jkun hemm paċi ġusta u stabbiltà.
Nixtieq niżgura talbi wkoll għall-vittmi tal-inċident awtomobilistiku li seħħ nhar l-Erbgħa li għadda fin-nofsinhar tal-Perù. Il-Mulej jilqa’ fi ħdanu lill-mejtin, jagħti l-għajnuna lill-feruti u jfarraġ il-familji li jinsabu f’luttu.
Ilbieraħ f’Bari kien beatifikat Carmelo De Palma, saċerdot djoċesan li miet fl-1961 wara ħajja mogħtija b’ġenerożità għall-ministeru tar-Rikonċiljazzjoni u l-akkumpanjament spirtiwali. Ix-xhieda tiegħu għandha tkun ta’ xprun għas-saċerdoti biex bla heda jkunu ta’ servizz għall-poplu qaddis t’Alla.
Illum qed niċċelebraw Il-Jum Dinji tal-Foqra. Irrodd ħajr lil kull min fid-djoċesijiet u fil-parroċċi nieda inizjattivi ta’ solidarjetà ma’ min hu l-aktar fil-bżonn. U, idealment, f’dal-Jum, nerġa’ nipproponi l-Eżortazzjoni Appostolika Dilexi te, “Ħabbejtek”, dwar l-imħabba lejn il-foqra, dokument li l-Papa Franġisku kien qed iħejji fl-aħħar xhur ta’ ħajtu u li b’ferħ kbir jien wassalt fi tmiemu.
F’dan il-jum niftakru wkoll f’dawk li mietu f’inċidenti fit-toroq li sfortunatament spiss huma riżultat ta’ mġieba irresponsabbli. Dwar dan kulħadd għandu jagħmel eżami tal-kuxjenza.
Ningħaqad ukoll mal-Knisja fl-Italja li llum mill-ġdid qed torganizza Jum ta’ talb għas-superstiti u l-vittmi tal-abbużi biex tissaħħaħ il-kultura tar-rispett bħala garanzija għall-ħarsien tad-dinjità ta’ kull persuna, speċjalment il-minuri u l-aktar vulnerabbli.
U issa nsellem b’għożża lilkom ilkoll, rumani u pellegrini mill-Italja u minn diversi nħawi tad-dinja, partikolarment lill-fidili minn Bar, fil-Montenegro, minn Valencia (Spanja), Syros fil-Greċja, Portorico, Sofia (Bulgarija), Bismark fl-Istati Uniti tal-Amerika, lill-istudenti tal-Catholic Theological Union minn Chicago u l-kor “Eintracht Nentershausen” mill-Ġermanja.
Insellem lill-pellegrini pollakki filwaqt li nfakkar l-anniversarju tal-messaġġ ta’ rikonċiljazzjoni indirizzat mill-Isqfijiet pollakki lill-Isqfijiet tedeski wara t-tieni gwerra dinjija. Insellem fl-aħħar lil-Familja Vinċenzjana u lill-gruppi minn Lurago Erba, Coiano, Cusagi, Paderno Dugnano u Borno.
Grazzi lil kulħadd u l-Ħadd it-tajjeb!
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber
Grazzi utli hafna.