DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
LILL-PARTEĊIPANTI FIL-KORS GĦALL-INKARIGATI DJOĊESANI
MILL-PASTORALI LITURĠIKA
PROMOSS MILL-ISTITUT PONTIFIĊJU LITURĠIKU SANT’ANSELMU
It-Tnejn 17 ta’ Novembru 2025
Fl-isem tal-Missier, u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Il-paċi magħkom!
L-għodwa t-tajba u merħba lil kulħadd!
Insellem lill-Abbati Primat, lir-Rettur tal-Atenew Sant’Anselmu, lis-Surmast tal-Istitut Pontifiċju Liturġiku, il-professuri u l-parteċipanti kollha fil-Kors ta’ aġġornament għall-inkarigati djoċesani mill-pastorali liturġika. Kuntent li qed nilqagħkom għall-bidu tal-mixja tagħkom ta’ approfondiment.

Il-proposta formattiva li qed tieħdu sehem fiha tikkorrispondi mal-missjoni doppja tal-Istitut Pontifiċju Liturġiku. Kif awgura l-Papa Benedittu XVI, dan miexi b’ħeġġa fis-servizz tiegħu lejn il-Knisja, fil-fedeltà sħiħa għat-tradizzjoni liturġika u għar-riforma li xtaq il-Konċilju Vatikan II, skont il-linji għalliema tas-Sacrosanctum Concilium u tat-tagħlim tal-Maġisteru (ara Diskors lill-parteċipanti fil-konvenju promoss mill-Atenew Pontifiċju Sant’Anselmu, 6 ta’ Mejju 2011). Min-naħa l-oħra, inizjattivi bħal din jagħtu attwazzjoni lill-ħidmiet ta’ formazzjoni li ħeġġet il-Kostituzzjoni appostolika Veritatis gaudium, bħal dak li niffurmaw ministri u fidili biex inħejjuhom għas-servizz tagħhom fil-pastorali u fil-liturġija.
Jidhirli li lill-Istitut tagħkom ukoll qed issir l-istedina ħerqana tal-Papa Franġisku, li fl-Ittra appostolika Desiderio desideravi rrakkomanda: “Jeħtieġ insibu l-kanali għal formazzjoni bħala studju tal-Liturġija: ibda mill-moviment liturġiku, sar ħafna f’dan is-sens, bis-sehem prezzjuż ta’ bosta studjużi u istituzzjonijiet akkademiċi. Madankollu hemm bżonn inxerrdu dan l-għarfien ’il barra mill-qasam akkademiku, b’mod aċċessibbli, biex kull fidil jikber f’għarfien tas-sens teoloġiku tal-Liturġija […] kif ukoll tal-iżvilupp taċ-ċelebrazzjoni Nisranija” (n. 35).
Fil-fatt, fid-djoċesijiet u fil-parroċċi hemm bżonn ta’ formazzjoni bħala din u hu importanti, hemm fejn ma hemmx, li jibdew mixjiet bibliċi u liturġiċi. L-Istitut Pontifiċju Liturġiku jista’ jikkwalifikahom, biex jgħin lill-Knejjes partikulari u l-komunitajiet parrokkjali jħallu l-Kelma ta’ Alla tiffurmahom, billi jfisser it-testi tal-Lezzjonarju ferjali u festiv, u anki jissokta b’inizjazzjoni Nisranija u liturġika li tgħin lill-fidili jifhmu, permezz tar-riti, tat-talbiet u tas-sinjali sensibbli, il-misteru tal-fidi li jiġi ċċelebrat fihom (ara Kostituzzjoni Sacrosanctum Concilium, 48).
Dwar il-formazzjoni biblika magħquda ma’ dik liturġika, nirrakkomanda lill-kura tad-diretturi tal-uffiċċji ta’ pastorali liturġika l-attenzjoni partikulari lejn dawk li jxandru l-Kelma ta’ Alla. Żguraw preparazzjoni approfondita tal-letturi istitwiti u ta’ dawk li jaqraw l-Iskrittura b’mod stabbli fiċ-ċelebrazzjonijiet. Il-kompetenzi bażiċi bibliċi, il-qari ċar, il-ħila li jkantaw is-salm responsorjali, kif ukoll li jinsġu t-talbiet tal-fidili għall-komunità huma aspetti importanti li jattwaw ir-riforma liturġika u jgħinu biex tisseddaq il-mixja tal-Poplu ta’ Alla.
Nafu tajjeb li l-formazzjoni liturġika hi waħda mit-temi prinċipali tal-mixja Konċiljari u post-Konċiljari kollha. Saru tant passi ’l quddiem, imma għad fadal triq twila x’nimxu. Ma negħjewx: ejjew nerġgħu naqbdu b’ħeġġa l-inizjattivi tajba li ġabet ir-riforma u fl-istess waqt infittxu mill-ġdid toroq u metodi ġodda.
L-uffiċċju għall-pastorali liturġika hu responsabbli f’kull djoċesi mill-formazzjoni liturġika permanenti tal-kleru u tal-fidili, mill-preparazzjoni għall-ministeri, mill-kura tal-gruppi liturġiċi parrokkjali, mill-abbatini, mil-letturi, mill-kanturi. B’dan inkunu ngħinu biex is-sehem tal-Poplu ta’ Alla jħalli l-frott, kif ukoll biex ikun hemm liturġija dekoruża, attenta għad-diversi sensibbiltajiet u sobrja fis-solennità tagħha.
Fost l-aspetti marbuta mas-servizz tagħkom ta’ diretturi, nixtieq infakkar fil-promozzjoni tal-Liturġija tas-Sigħat, il-kura tal-pjetà popolari, l-attenzjoni għad-dimensjoni ċelebrattiva fil-bini tal-knejjes ġodda u fl-adegwament ta’ dawk li diġà jeżistu. Huma temi li se taffrontaw matul il-Kors u li magħhom ikollkom x’taqsmu ta’ kuljum.
F’ħafna parroċċi, imbagħad, hemm preżenti wkoll il-gruppi liturġiċi, li għandhom jaħdmu f’sinerġija mal-kummissjoni djoċesana. L-esperjenza ta’ grupp, anki jekk żgħir imma mmotivat tajjeb, li jieħu ħsieb tal-preparazzjoni tal-liturġija hi espressjoni ta’ komunità li tieħu ħsieb taċ-ċelebrazzjonijiet tagħha, tħejji għalihom, tgħixhom b’mod sħiħ, fi qbil mal-kappillan. B’dan il-mod nevitaw li niddelegaw kollox lilu u li nħallu biss f’idejn il-ftit ir-responsabbiltà tal-kant, tax-xandir tal-Kelma, tat-tiżjin tal-knisja. Maż-żmien, b’xorti ħażina, xi wħud minn dawn il-gruppi ċkienu sa ma għebu, kważi tilfu l-identità tagħhom; allura jeħtieġ inħabirku biex dan il-qasam tal-ħajja tal-Knisja jerġa’ jsir attraenti, kapaċi jinvolvi persuni kompetenti jew tal-inqas inklinati għal din ix-xorta ta’ servizz.
Bħala diretturi inkarigati mill-Isqfijiet, tistgħu tipproponu lil ħutkom il-kappillani mixjiet ta’ formazzjoni biex jibdew jew isaħħu fil-parroċċa l-gruppi liturġiċi, jiffurmaw il-membri tagħhom u joffru suġġerimenti għall-ħidma tagħhom. Il-laboratorji tal-Kors se jgħinukom f’dan is-sens biex issibu u tesperimentaw forom opportuni, li tistgħu tintroduċu fil-Knejjes partikulari. Il-kreattività pastorali tagħkom imbagħad tagħraf issib il-forom l-aktar idonji.
Għeżież, intom u tibdew din il-mixja formattiva, nawguralkom li t-tappa tagħkom f’Ruma, fis-Sena Ġubilari, barra li toffrilkom strumenti ta’ approfondiment, iġġedded l-enerġiji spiritwali tagħkom, hekk li meta terġgħu lura għall-Knejjes lokali tistgħu tkomplu b’ħeġġa mġedda l-azzjoni pastorali għall-qadi tal-liturġija. Dan hu l-awgurju tiegħi, waqt li nberikkom minn qalbi. Grazzi.
Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard