Dikjarazzjoni Konġunta mill-Papa Ljun XIV u l-Patrijarka Bartilmew I

VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
FIT-TURKIJA U L-LIBANU
B’PELLEGRINAĠĠ F’İZNIK (IT-TURKIJA)
FL-OKKAŻJONI TAL-1,700 ANNIVERSARJU MILL-EWWEL KONĊILJU TA’ NICEA
(27 ta’ Novembru – 2 ta’ Diċembru 2025)

LAQGĦA MAL-Q.T. BARTILMEW I
U FFIRMAR TAD-DIKJARAZZJONI KONĠUNTA
Palazz Patrijarkali (Istanbul)
Is-Sibt 29 ta’ Novembru 2025

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA

“Roddu ħajr lill-Mulej, għax hu tajjeb, għax għal dejjem hi t-tjieba tiegħu.” Salm 105:1

Lejlet il-Festa ta’ Sant’Andrija, l-ewwel imsejjaħ minn fost l-Appostli, ħu l-Appostlu Pietru u Patrun tal-Patrijarkat Ekumeniku, aħna, il-Papa Ljun XIV u l-Patrijarka Ekumeniku Bartilmew, minn qalbna rroddu ħajr lil Alla, Missier ħanin tagħna, għad-don ta’ din il-laqgħa fraterna. Fuq l-eżempju tal-Predeċessuri Meqjuma tagħna u fis-smigħ tar-rieda ta’ Sidna Ġesù Kristu, nissoktaw mexjin b’determinazzjoni sħiħa fit-triq tad-djalogu, fl-imħabba u fil-verità (ara Efes 4:15), lejn it-tiġdid mixtieq tal-komunjoni sħiħa bejn il-Knejjes aħwa tagħna. Konxji li l-għaqda tal-Insara mhix sempliċiment riżultat ta’ sforzi umani, imma don li ġej mill-għoli, nistiednu lill-membri kollha tal-Knejjes tagħna – kleru, monaċi, persuni kkonsagrati u fidili lajċi – biex ifittxu bil-ħerqa t-twettiq tat-talba li Ġesù Kristu għamel lill-Missier: “li jkunu lkoll ħaġa waħda. Kif inti fija, Missier, u jiena fik, ħa jkunu huma wkoll ħaġa waħda fina, biex hekk id-dinja temmen li inti bgħattni” (Ġw 17:21).

It-tifkira tal-1,700 anniversarju tal-Ewwel Konċilju Ekumeniku ta’ Nicea, iċċelebrata lejlet il-laqgħa tagħna, kienet mument straordinarju ta’ grazzja. Il-Konċilju ta’ Nicea, li nżamm fis-sena 325 wk, kien ġrajja providenzjali ta’ għaqda. Madankollu, l-iskop li nfakkru din il-ġrajja mhuwiex sempliċiment dak li nfakkru l-importanza storika tal-Konċilju, imma li nħossuna xprunati ħa nkunu l-ħin kollu miftuħa għall-istess Spirtu s-Santu li tkellem permezz ta’ Nicea, waqt li naffrontaw l-għadd ta’ sfidi ta’ żmienna. Aħna profondament grati lejn il-mexxejja u d-delegati kollha ta’ Knejjes u Komunitajiet ekkleżjali oħra li riedu jieħdu sehem f’din il-ġrajja. Barra li nagħrfu x’inhuma l-ostakli li qed iżommuna milli nerġgħu mmorru għall-komunjoni sħiħa bejn l-Insara kollha – ostakli li qed infittxu li naffrontaw permezz tat-triq tad-djalogu teoloġiku – jeħtieġ ukoll nagħrfu li dak li jgħaqqadna hu l-fidi espressa fil-Kredu ta’ Nicea. Din hija l-fidi, li ssalva, fil-persuna tal-Iben ta’ Alla, veru Alla u veru bniedem, homoousios mal-Missier, li għalina u għas-salvazzjoni tagħna inkarna u għammar fostna, ġie msallab, miet u ġie midfun, qam mill-mewt fit-tielet jum, tela’ s-sema u għad jerġa’ jiġi mill-ġdid biex jagħmel ħaqq mill-ħajjin u mill-mejtin. Bil-miġja tal-Iben ta’ Alla, aħna ġejna mdaħħla fil-misteru tat-Trinità Qaddisa – Missier, Iben u Spirtu s-Santu – u ġejna mistiedna nsiru, fil-persuna ta’ Kristu u permezz tiegħu, ulied tal-Missier u werrieta flimkien ma’ Kristu bil-grazzja tal-Ispirtu s-Santu. Mogħnija b’din l-istqarrija komuni, nistgħu naffrontaw l-isfidi li naqsmu flimkien fix-xhieda li nagħtu tal-fidi espressa f’Nicea b’rispett reċiproku, u nistgħu naħdmu flimkien lejn soluzzjonijiet konkreti b’tama sinċiera.

Aħna konvinti li t-tifkira ta’ dan l-anniversarju sinifikanti tista’ tnebbaħ passi ġodda u kuraġġjużi fil-mixja lejn l-għaqda. Fost id-deċiżjonijiet tiegħu, l-Ewwel Konċilju ta’ Nicea forna wkoll il-kriterji biex tiġi determinata d-data tal-Għid, komuni għall-Insara kollha. Aħna grati lejn il-Providenza divina li din is-sena d-dinja Nisranija kollha ċċelebrat l-Għid fl-istess jum. Hi xewqa komuni tagħna li nkomplu bil-proċess ta’ esplorazzjoni ta’ soluzzjoni possibbli biex niċċelebraw flimkien ta’ kull sena l-Festa tal-Festi. Nittamaw u nitolbu li l-Insara kollha, “bl-għerf kollu u d-dehen spiritwali” (Kol 1:9), iħabirku fil-proċess maħsub biex naslu għal ċelebrazzjoni komuni tal-Qawmien glorjuż ta’ Sidna Ġesù Kristu.

Din is-sena qed infakkru wkoll is-60 anniversarju mid-Dikjarazzjoni konġunta storika tal-Predeċessuri Meqjuma tagħna, il-Papa Pawlu VI u l-Patrijarka Ekumeniku Atenagora, li wasslet fi tmiemu l-qsim ta’ skomuniki tal-1504. Irroddu ħajr lil Alla għax dan il-ġest profetiku li wassal lill-Knejjes tagħna biex ifittxu “fi spirtu ta’ fiduċja, ta’ stima u ta’ mħabba reċiproka, id-djalogu li se jwassalhom, bl-għajnuna ta’ Alla, biex jgħixu mill-ġdid, għall-ġid ikbar tal-erwieħ u l-miġja tas-Saltna ta’ Alla, fil-komunjoni sħiħa tal-fidi, ta’ fehma waħda bejn l-aħwa u ta’ ħajja sagramentali li kienet teżisti bejniethom matul l-ewwel millennju tal-ħajja tal-Knisja” (Dikjarazzjoni komuni tal-Papa Pawlu VI u tal-Patrijarka Ekumeniku Atenagora I, biex ineħħu mill-memorja u mill-Knisja s-sentenzi ta’ skomunika tas-sena 1054, 7 ta’ Diċembru 1965). Fl-istess waqt, neżortaw lil dawk li għadhom jaħsbuha dwar kull xorta ta’ djalogu, biex jagħtu widen għal dak li l-Ispirtu qed jgħid lill-Knejjes (ara Apok 2:29), misjuqa, fiċ-ċirkustanzi attwali tal-istorja, biex nippreżentaw lid-dinja xhieda mġedda ta’ paċi, rikonċiljazzjoni u għaqda.

Konvinti mill-importanza tad-djalogu, nesprimu s-sostenn kontinwu tagħna għall-ħidma tal-Kummissjoni internazzjonali mħallta għad-Djalogu teoloġiku bejn il-Knisja Kattolika u l-Knisja Ortodossa, li fil-fażi attwali qed tistħarreġ kwistjonijiet storikament meqjusa għajn ta’ firda. Minbarra r-rwol insostitwibbli li d-djalogu teoloġiku għandu fil-proċess biex il-Knejjes tagħna jitqarrbu mill-ġdid lejn xulxin, nirrakkomandaw anki l-elementi l-oħra meħtieġa ta’ dan il-proċess, fosthom il-kuntatti fraterni, it-talb u l-ħidma konġunta f’dawk l-oqsma kollha fejn il-koperazzjoni diġà hi possibbli. Neżortaw minn qalbna lill-fidili kollha tal-Knejjes tagħna, u b’mod partikulari l-kleru u t-teologi, biex jilqgħu bil-ferħ il-frott li nkiseb sa issa u jħabirku għat-tkabbir kontinwu tiegħu.

L-għan tal-għaqda tal-Insara jinkludi l-iskop li tikkontribwixxi b’mod fundamentali u ħaj u għall-paċi bejn il-popli kollha. Flimkien ejjew ngħollu bil-ħerqa leħinna u nitolbu d-don divin tal-paċi fuq id-dinja tagħna. Traġikament, f’ħafna reġjuni tagħha, kunflitti u vjolenza qed ikomplu jeqirdu l-ħajja ta’ tant persuni. Nappellaw lil dawk li għandhom responsabbiltajiet ċivili u politiċi biex jagħmlu kulma hu possibbli biex jiggarantixxu li t-traġedja tal-gwerra tieqaf minnufih, u nitolbu lill-persuni kollha ta’ rieda tajba biex iwieżnu s-supplika tagħna.

B’mod partikulari, nirrifjutaw kull użu tar-reliġjon u tal-Isem ta’ Alla biex jiġġustifika l-vjolenza. Nemmnu li djalogu reliġjuż awtentiku, bogħod milli jkun kawża ta’ sinkretiżmu u konfużjoni, huwa essenzjali għall-konvivenza bejn il-popli ta’ tradizzjonijiet u kulturi differenti. Waqt li nfakkru s-60 anniversarju mid-Dikjarazzjoni Nostra ætate, inħeġġu lill-bnedmin kollha ta’ rieda tajba biex jaħdmu flimkien ħa jibnu dinja iżjed ġusta u solidali u jieħdu ħsieb tal-ħolqien, li Alla fdalna f’idejna. Hekk biss il-familja umana tista’ tegħleb l-indifferenza, ix-xewqa għall-ħakma, il-kilba għall-profitt u l-ksenofobija.

Imqar jekk allarmati bil-kbir bis-sitwazzjonijiet internazzjonali ta’ bħalissa, aħna ma nitilfux it-tama. Alla mhux sa jitlaq lill-umanità waħidha. Il-Missier bagħat lil Ibnu l-Waħdieni biex isalvana, u l-Iben ta’ Alla, Sidna Ġesù Kristu, tana l-Ispirtu s-Santu, biex jagħtina sehem fil-ħajja divina tiegħu, għall-preservazzjoni u l-ħarsien tas-sagralità tal-persuna umana. Permezz tal-Ispirtu s-Santu nafu u nħossu li Alla jinsab magħna. Għal din ir-raġuni, fit-talb tagħna, nafdaw lil kull bniedem f’idejn Alla, speċjalment lil dawk li jinsabu fil-bżonn, dawk li qed ibatu l-ġuħ, is-solitudni jew il-mard. Nitolbu fuq kull membru tal-familja umana kull grazzja u barka biex “qalbhom imqawwija, jinġabru lkoll flimkien fl-imħabba, ħalli jaslu għall-għana tal-fehma sħiħa u l-għarfien tal-misteru ta’ Alla” (Kol 2:2), li hu Sidna Ġesù Kristu.

Mill-Phanar, 29 ta’ Novembru 2025

Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading