Iż-Żejt ta’ San Charbel Maklouf. Kitba ta’ Joe Galea

Fl-24 ta’ Lulju li għadda, nhar il-festa liturġika ta’ San Charbel Maklouf, eremita Libaniż, ġrat ħaġa li l–Kappillan li ċċelebra l-Quddiesa fil-knisja ta’ San Ferdinandu, fil-qalba storika ta’ Napli, l-Italja, stqarr hekk dwarha: “Ma stajtx nemmen x’qed nara”. Bħalu ħasbu l-madwar 500 persuna, ħafna minnhom morda, li kienu fil-knisja għal Quddiesa ta’ fejqan. Għalihom sar miraklu bl-interċessjoni ta’ San Charbel, li fl-aħħar snin tant żdiedet id-devozzjoni lejh.

Monsinjur Pasquale Silvestri, il-Kappillan tal-parroċċa beda d-Dilka tal-Morda biż-żejt imbierek lin-nies li  resqu lejn l-artal. Iż-żejt ingħata apposta għall-okkażjoni mill-Kurja Maronita f’Ruma. Waqt id-Dilka tal-Morda ġrat xi ħaġa mhux mistennija, kif irrakkonta l-Kappilan.

F’ittra pubblikata fis-27 ta’ Lulju, indirizzata lil Dun Elias Hamhoury, li kien il-postulatur tal-kawża għall-kanonizzazzjoni ta’ San Charbel Maklouf, il-Kappillan kiteb: “Ma stennejtx li se jkun hemm daqshekk nies, u kien hemm ħin meta l-vażett kien kważi svojta u bżajt li mhux se nilħaq lil kulħadd.” Madankollu irnexxielu jidlek lil morda sakemm il-vażett kien vojt. “Meta spiċċajt,” żied jgħid Monsinjur Silvestri, “għalaqt il-vażett u erġajt qegħidtu fil-kaxxa fejn inżommuh u ndunajt li kien mimli mill-ġdid. Ma stajtx nemmen x’kont qed nara.”

Il-Kappillan Silvestri kkonferma dak li ġara: “Kont sorpriż ħafna, għax il-vażett kien vojt. Fil-fatt bżajt għax ma kienx se jkun hemm biżżejjed biex nidlek lil kulħadd, u dawwart il-vażett ta’ taħt fuq diversi drabi biex nieħu l-aħħar ftit qtar. Il-vażett kien jiżen aktar minn qabel.” Il-Kappillan resaq lejn l-artal biex jgħid lill-fidili x’kien ġara. Naturalment kulħadd beda jċapċap.”

Il-Kappillan qal li mhux xi wieħed li jemmen b’mirakli bħal dawn, imma f’dan il-każ kien hemm xi ħaġa serja ħafna. Hu mexa skont il-liġi kanonika, li: “Meta wieħed isir jaf b’miraklu, dan irid jiġi kkomunikat lill-postulatur tal-Qaddis.”

L-għada, il-25 ta’ Lulju, waslu fil-knisja grupp ta’ pellegrini Lebaniżi. Staqsew lill-Kappillan jekk jistgħux ixxommu ż-żejt tal-vażett, u meta xammewh, assigurawh li fih hemm l-aroma tas-siġar taċ-ċedru tal-Libanu, li huma wieħed mis-simboli ta’ art twelid San Charbel.

San Charbel Maklouf, li ismu oriġinali kien Youssef Antoun, twieled fit-8 ta’ Mejju 1828, f’Beqaa-Kafra, raħal ħdejn il-famużi Ċedri ta’ Alla, waħda mill-aħħar riżervi naturali ta’ dawn is-siġar ta’ 1,000 sena li fi żminijiet antiki kienu jkopru ħafna mill-muntanji Lebaniżi.

Il-Kappillan Silvestri assigura li: “Il-flixkun huwa maħżun f’post żgur biex l-awtoritajiet jagħmlu l-eżamijiet neċessarji f’każ li jridu jistudjaw il-kontenut”. Huwa qal li d-devozzjoni tiegħu lejn il-Qaddis bdiet m’ilux. “Ma kontx nafu, smajt bih dan l-aħħar, u l-istorja tiegħu għoġbitni ħafna. Għalhekk waħħalt ritratt fil-knisja tiegħi b’devozzjoni.”

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading