LJUN XIV
UDJENZA ĠENERALI
Pjazza San Pietru
L-Erbgħa 17 ta’ Diċembru 2025
Udjenza Ġenerali tal-17 ta’ Diċembru 2025 – Ċiklu ta’ Katekeżijiet – Ġublew 2025. Ġesù Kristu t-tama tagħna. IV. Il-Qawmien ta’ Kristu u l-isfidi tad-dinja tal-lum. 8. L-Għid bħala port għall-qalb imtaqqla
Tislima tal-Papa lill-morda fl-Awla Pawlu VI qabel l-Udjenza Ġenerali
L-għodwa t-tajba lil kulħadd! Good morning! Welcome!
Ħa nagħmel tislima fil-qosor, barka għal kull wieħed u waħda minnkom.
Illum xtaqna nipproteġukom ftit mill-elementi, l-aktar mill-kesħa… Mhix xita, imma hekk forsi tkunu xi ftit iktar komdi. Wara tkunu tistgħu ssegwu l-Udjenza fuq l-iskrin, jew jekk tridu tistgħu anki toħorġu barra, imma napprofittaw minn din il-laqgħa ċkejkna u xi ftit personali, hekk, biex insellmilkom, biex noffrilkom il-barka tal-Mulej, u anki awgurju. Diġà ninsabu qrib tal-festa tal-Milied u rridu nitolbu lill-Mulej li l-ferħ ta’ dan iż-żmien tal-Milied ikun magħkom ilkoll: il-familji tagħkom, l-għeżież tagħkom, u li tkunu dejjem f’idejn il-Mulej bil-fiduċja, bl-imħabba li Alla biss jista’ jagħti.
Issa se nbierek lil kulħadd, imbagħad ngħaddi nsellmilkom.
Barka
Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba u merħba!
Il-ħajja umana hi kkaratterizzata minn moviment kostanti li jimbuttana biex nagħmlu xi ħaġa, biex naġixxu. Illum kullimkien aħna mitluba ngħaġġlu niksbu l-aqwa riżultati fl-oqsma kollha. B’liema mod il-qawmien ta’ Ġesù jdawwal din il-parti tal-esperjenza tagħna? Meta għad nieħdu sehem fir-rebħa tiegħu fuq il-mewt, se nistrieħu? Il-fidi tgħidilna: iva, nistrieħu. Ma nkunux b’idejna fuq żaqqna, imma nidħlu fil-mistrieħ ta’ Alla, li hu paċi u ferħ. Tajjeb, mela kemm nistennew, jew dan jista’ jibdilna sa minn issa?
Ninsabu mitlufa qalb tant attivitajiet li mhux dejjem jissodisfawna. Ħafna mill-azzonijiet tagħna għandhom x’jaqsmu ma’ ħwejjeġ prattiċi, konkreti. Irridu nerfgħu r-responsabbiltà ta’ tant impenji, insolvu problemi, naffrontaw taħbit. Anki Ġesù involva ruħu mal-persuni u mal-ħajja, u ma qagħadx lura, anzi ta lilu nnifsu sal-aħħar. Imma, spiss inħossu kemm il-ħafna taħbit, flok ma jgħinna nħossuna sħaħ, isir bħal belliegħa li tistordina, teħdilna s-serenità, ma tħalliniex ngħixu bl-aħjar mod dak li hu tassew importanti għall-ħajja tagħna. Allura nħossuna għajjiena, mhux sodisfatti: iż-żmien jidher mitluf f’elf ħaġa prattika li imma ma ssolvix it-tifsira aħħarija tal-eżistenza tagħna. Xi drabi, fl-aħħar ta’ ġranet mimlija attivitajiet, inħossuna vojta. Għaliex? Għax aħna m’aħniex magni, għandna “qalb”, anzi, nistgħu ngħidu, aħna qalb.
Il-qalb hija simbolu tal-umanità kollha tagħna, sintesi ta’ ħsibijiet, sentimenti u xewqat, iċ-ċentru inviżibbli tal-persuna tagħna. L-evanġelista Mattew jistedinna nirriflettu fuq l-importanza tal-qalb, meta jġib din il-frażi mill-isbaħ ta’ Ġesù: “Hemm fejn hemm it-teżor tiegħek, imma hi qalbek ukoll” (Mt 6:21).
Mela fil-qalb hemm il-veru teżor, mhux fil-kaxxafortijiet tal-art, mhux fl-investimenti finanzjarji kbar, li qatt daqs illum ma huma mġenna u inġustament konċentrati, meqjuma għall-prezz imdemmi ta’ miljuni ta’ ħajjiet umani u tal-qerda tal-ħolqien ta’ Alla.
Importanti nirriflettu fuq dawn l-aspetti, għax fl-għadd kbir ta’ impenji li kontinwament naffrontaw, dejjem iżjed qed jikber ir-riskju tad-dispersjoni, xi drabi tad-disperazzjoni, tan-nuqqas ta’ sinifikat, saħansitra f’persuni apparentement ta’ suċċess. Min-naħa l-oħra, meta naqraw il-ħajja fid-dawl tal-Għid, inħarsu lejha ma’ Kristu Rxoxt, dan ifisser insibu l-aċċess għall-essenza tal-persuna umana, għall-qalb tagħna: cor inquietum. B’dan l-aġġettiv “bla mistrieħ”, Santu Wistin ifissrilna d-direzzjoni li jrid jieħu l-bniedem indirizzat lejn il-milja sħiħa tiegħu. Il-frażi integrali teħodna lura għall-bidu tal-Istqarrijiet, fejn Wistin jikteb: “Mulej, int għamiltna għalik u qalbna ma tistrieħx jekk mhux fik” (I, 1,1).
Il-qalb mhix mistrieħa hi s-sinjal li l-qalb tagħna ma tiċċaqlaqx bl-addoċċ, b’mod diżordinat, mingħajr fini jew destinazzjoni, imma hi orjentata għad-destinazzjoni aħħarija tagħha, dik tar-“ritorn lejn id-dar”. U l-port awtentiku tal-qalb mhux fil-pussess tal-ġid ta’ din id-dinja, imma f’li jfittex dak li jista’ jimlieh għalkollox, jew aħjar, l-imħabba ta’ Alla, jew aħjar, Alla Mħabba. Imma dan it-teżor insibuh biss jekk inħobbu lill-proxxmu li niltaqgħu miegħu fit-triq: l-aħwa tad-demm u l-laħam, li l-preżenza tagħhom tħeġġeġ u tisfida lill-qalb tagħna, u ssejħilha biex tinfetaħ u tingħata. Il-proxxmu qed jitolbok tikkalma l-pass, tħares lejh f’għajnejh, xi drabi tibdel il-pjan tiegħek, forsi anki tibdel id-direzzjoni.
Għeżież, dan hu s-sigriet tal-moviment tal-qalb umana: li terġa’ lura għall-għajn ta’ dak li hi, tgawdi mill-ferħ li ma jonqosx, li ma jiddeludix. Ħadd ma jista’ jgħix mingħajr sinifikat li jmur lil hemm mill-kontinġenti, lil hemm minn dak li jgħaddi. Il-qalb tal-bniedem ma tistax tgħix mingħajr ma tittama, mingħajr ma taf li hi magħmula għall-milja, u mhux għan-nuqqas.
Ġesù Kristu, bl-Inkarnazzjoni, il-Passjoni, il-Mewt u l-Qawmien tiegħu ta pedament sod għal din it-tama. Il-qalb bla mistrieħ mhix sa tkun deluża, jekk tidħol fid-dinamiżmu tal-imħabba li għaliha hi maħluqa. Il-port huwa ċert, il-ħajja rebħet u fi Kristu tkompli tirbaħ f’kull mewt tal-ħajja ta’ kuljum. Din hi t-tama Nisranija: inbierku u nirringrazzjaw dejjem lill-Mulej li tahielna!
Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard