20 sena ta’ ħidma b’risq il-missjoni u x-xandir mill-Fondazzjoni U

Se jiġi emendat l-istatut biex, fost oħrajn, tkun tista’ tassoċja ruħha mal-Knisja

Kitba ta’ Michael Caruana

Il-Fondazzjoni U qed tiċċelebra egħluq l-20 sena mit-twaqqif tagħha permezz ta’ quddesa konċelebrata ta’ radd il-ħajr fil-knisja arċipretali San Publiju l-Furjana nhar il-Ġimgħa, 19 ta’ Diċembru fis-6pm. Il-quddiesa se tkun iċċelebrata mill-Arċisqof Charles J. Scicluna.

Din il-Fondazzjoni ħadet post il-Fondazzjoni Ngħinu lil Ħutna fil-Bżonn li Dun Ġwann Farrugia kien waqqaf snin qabel biex ixxandar programmi fuq stazzjonijiet tat-televiżjoni lokali bl-iskop li tippromovi għajnuna lill-missjonijiet immexxija minn reliġjużi u lajċi Maltin kif ukoll biex tixpruna l-festi tal-ibliet u l-irħula tagħna. Dun Ġwann kien beda din il-Fondazzjoni għax permezz tal-ħidma tagħha ra li seta’ jaqdi aħjar il-vokazzjoni tiegħu ta’ saċerdot. 

Dun Ġwann, sa minn żogħżitu, kien iħobb il-midja u meta sar saċerdot ħass li permezz tax-xandir, partikolarment permezz tat-televiżjoni, seta’ jwassal aktar u aħjar il-kelma ta’ Alla lin-nies. Dan għall-ewwel beda jwettqu permezz air time li l-Fondazzjoni Ngħinu lil Ħutna fil-Bżonn kienet tixtri minn stazzjonijet diversi f’liema ħin imbagħad kienet itella’ progammi b’tema reliġjuża ghat-tfal u għall-kbar. Bħalma kull stazzjon tat-televiżjoni għandu l-aġenda tiegħu, hekk ukoll il-Fondazzjoni Ngħinu lil Ħutna fil-Bżonn kellha l-aġenda tagħha u għalhekk, barra dawn il-programmi, bdiet ittella’ maratoni ta’ ġbir ta’ flus għall-missjonijiet l-aktar fil-bżonn u  programmi dwar il-festi li huma parti importanti mill-kultura ta’ pajjiżna.

Il-Fondazzjoni kienet bdiet ixxandar ukoll il-quddiesa mis-santwarju nazzjonali Ta’ Pinu u programmi soċjo-reliġjużi. Kien f’dan il-perijodu li Dun Ġwann emmen li l-Fondazzjoni Ngħinu lil Ħutna fil-Bżonn kellu jkollha l-istazzjon televiżiv tagħha. U grazzi għall-flus li wiret xtara post u t-tagħmir li kellu bżonn biex seta’ jarma stazzjon tat-televiżjoni attrezzat proprju ħalli jkun jista’ jwettaq il-vokazzjoni tiegħu tax-xandir tal-kelma ta’ Alla b’mod aħjar u aktar professjonali. Mhux biss, iżda issa wasal biex ikollu stazzjon tat-televiżjoni ieħor f’Għawdex.

Iżda sena wara li beda jxandar mill-istazzjon il-gdid tal-Fondazzjoni Ngħinu lil Ħutna fil-Bżonn, l-Awtorità tax-Xandir talbitu jwaqqaf ix-xandir u jagħmel upgrading. B’diżappunt kbir ix-xandir twaqqaf u saret kawża lill-Awtorità tax-Xandir li matulha Dun Ġwann tgħallem ħafna, fost oħrajn li ma jagħmilx għedewwa u biex joqgħod attent lil min jafda. Fil-maltemp li għadda minnu ma kienx jaf min verament iħobbu u min jobgħodu.  

Għaddew is-snin u l-Fondazzjoni Ngħinu lil Ħutna fil-Bżonn baqgħet ixxandar u kkonċentrat l-aktar fuq l-organizzazzjoni ta’ maratoni għall-ġbir ta’ flus b’risq il-missjonijiet. Il-Fondazzjoni reġgħet bdiet tixtri l-air time biex tkun tista’ ittella’ dawn il-maratoni. F’Jannar li ġej se tkun qed tittella’ l-40-il edizzjoni tal-maratona Il-Missjoni Bżonnok.

Kien hawnhekk, proprju 20 sena ilu, li twaqqfet il-Fondazzjoni U bl-iskop li jkollha stazzjon tagħha li jagħti valur lill-bniedem u li ma tkunx aktar grata lejn ħadd. Lejn ebda stazzjon ieħor. Il-Fondazzjoni U li qed tiċċelebra egħluq l-20 sena mit-twaqqif tagħha hi kontra l-individwaliżmu – għalhekk U (int). Int, int min int, tiswa għall-Fondazzjoni U. Din qiegħda hawn għalik. Kuntrarju għal stazzjonijiet oħra tat-tv, UTV qiegħed hawn għalik. Mhux biex jinqeda bik, hekk isostni Dun Ġwann Farrugia, il-fundatur u d-direttur tal-Fondazzjoni U.   

Imbagħad, wara perijodu xxandar permezz ta’ Xejk TV, il-Fondazzjoni U applikat għal-liċenzja biex ikollha l-istazzjon li għandha llum: il-UTV – xandir soċjo-reliġjuż. Dun Ġwann kellu jistenna 17-il sena biex reġa’ seta’ jxandar mill-stazzjon tat-televiżjoni tiegħu. Issa ilu jxandar permezz ta’ UTV sentejn.

F’dawn is-sentejn, UTV – li mhux stazzjon kummerċjali – żied minn in-numru ta’ telespettaturi tiegħu kif reġa’ ikkonferma l-Audience Survey Report ta’ Settembru li għadda tal-Awtorità tax-Xandir. Dan grazzi għall-programmi li l-Fondazzjoni U qed ittella’, fosthom dak ta’ kull ġimgħa dwar il-festi.

Bid-difetti kollha tagħha l-Fondazzjoni U, immexxija minn Kumitat ta’ Tmexxja, qed tipprova tkabbar, tferrex aktar, l-evenġelizzazzjoni. Se jiġi emendat l-istatut tagħha bl-iskop, fost oħrajn, li l-Fondazzjoni U tkun assoċjata mal-Knisja. Biex aktar saċerdoti u lajċi, partikolarment żgħażagħ, jersqu lejha. Biex tqajjem aktar is-sens tal-volontarjat u tal-professjonaliżmu f’dak li xxandar. Emenda oħra fl-istatut il-ġdid se tkun li l-Fondazzjoni U issa se tibda tilqa’ fi ħdanha membri minn fost l-Insara Maltin u Għawdxin li jemmnu fil-missjoni tagħha.

Dun Ġwann Farrugia wasal fejn wasal fix-xandir bit-televiżjoni mhux biss bil-ħidma tiegħu u ta’ ħafna oħrajn, iżda aktar bil-ħidma tal-Mulej. Grazzi lill-Mulej ta’ danakollu għax, kieku ma kienx hekk, kieku l-Fondazzjoni U u hu ma kienux jeħilsuha mill-maltemp li għaddew. Il-Fondazzjoni U qed tfittex nies li mhux biss jemmnu fil-missjoni tagħha, iżda wkoll fix-xandir soċjo-reliġjuż biex jassoċjaw ruħhom magħha ħalli ’l quddiem ikunu huma li jkomplu b’dak li beda u għadhu jwettaq Dun Ġwann li llum għandu 76 sena. Il-futur tal-Fondazzjoni U u ta’ UTV issa verament hu f’idejn il-Mulej.

F’dan l-anniversarju l-Fondazzjoni U tirringrazzja lil dawk in-nies li hi mżejna bihom, partikolarment fix-xandir u lill-benefetturi kollha tagħha li regolarment jikkontribwixxu għall-missjonijiet li qiegħda tgħin.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading