Messaġġ Urbi et Orbi tal-Papa Ljun XIV f’Jum il-Milied

MESSAĠĠ “URBI ET ORBI”
TAL-QDUSJA TIEGĦU LJUN XIV

MILIED 2025
Loġġa Ċentrali tal-Bażilika ta’ San Pietru
il-Ħamis, 25 ta’ Diċembru, 2025

Messaġġ tal-Qdusija Tiegħu u barka “Urbi et Orbi” fis-Solennità tal-Milied
Awguri lill-Popli u lin-Nazzjonijiet fl-okkażjoni tal-Milied
Messaġġ tal-Qdusija tiegħu

Għeżież ħuti,

“Nifirħu lkoll fil-Mulej: tweldilna s-Salvatur tad-dinja.  Illum il-paċi vera niżlet għalina mis-sema” (Antifona tad-dħul tal-Quddiesa tal-lejl tal-Milied).  Hekk tgħanni l-Liturġija fil-lejl tal-Milied u hekk tidwi fil-Knisja l-aħbar ta’ Betlehem: It-Tarbija li twieldet mill-Verġni Marija hi Kristu s-Salvatur, mibgħut mill-Missier biex jeħlisna mid-dnub u mill-mewt.  Hu l-paċi tagħna, dak li għeleb il-mibegħda u l-ostilità bl-imħabba ħanina ta’ Alla.  Għaldaqstant “il-Milied tal-Mulej hu l-Milied tal-paċi” (S. Ljun il-Kbir, Sermone 26).

Ġesù twieled fl-istalla għax ma kienx hemm post għalih fil-lukanda.  Malli twieled, ommu Marija “fisqietu fil-faxex u medditu f’maxtura” (cfr Lq 2,7). 

Iben Alla, li permezz tiegħu inħalaq kollox, mhux milqgħuh u l-benniena tiegħu hi maxtura fqajra tal-ikel tal-annimali.

Il-Verb etern tal-Missier, li s-smewwiet ma jesgħuhx, għażel li jiġi fid-dinja b’dal-mod.  Għall-imħabba ried jitwieled minn mara biex magħna jaqsam l-umanità tagħna; għall-imħabba għażel il-faqar u ċ-ċaħda u ried jidentifika ruħu ma’ min hu skartat u mwarrab.

Fl-Milied ta’ Ġesù diġa naraw l-għażla fundamentali li kellha tmexxi lil Iben Alla tul ħajtu, sal-mewt fuq is-salib: l-għażla li jneħħi minn fuqna t-toqol tad-dnub u jġorru Hu, jitgħabba bih Hu.  Hu biss seta’ jagħmel dan.  Imma fl-istess ħin uriena xinhu dak li aħna biss nistgħu nagħmlu, jiġifieri li kull wieħed u waħda minna nerfgħu r-responsabbiltà tagħna.  Iva, għax Alla li ħalaqna mingħajrna, ma jistax isalvana mingħajrna (cfr Santu Wistin, Diskors 169, 11.13), jiġifieri mingħajr ir-rieda ħielsa tagħna li nħobbu.  Min ma jħobbx ma jsalvax, jintilef.  U min ma jħobbx lil ħuh li jara ma jistax iħobb lil Alla li ma jarax (cfr 1Ġw 4,20).

Ħuti, din hi t-triq tal-paċi: ir-responsabbiltà.  Jekk kull wieħed u waħda minna – fil-livelli kollha -, minflok jipponta sebgħu lejn l-oħrjan, qabel kollox jagħraf in-nuqqasijiet tiegħu u jitlob maħfra lil Alla għalihom, u fl-istess ħin jidħol fiż-żarbun ta’ min qed ibati, juri solidarjetà mal-aktar dgħajjef, allura d-dinja tkun tista’ tinbidel.

Qabel kollox, Ġesù Kristu hu l-paċi tagħna għax jeħlisna mid-dnub, imbagħad għax jurina t-triq li minnha negħlbu l-kunflitti, il-kunflitti kollha, ibda minn dawk inter-presonali sa dawk internazzjonali.  Mingħajr qalb meħlusa mid-dnub, qalb maħfura, ma nistgħux inkunu rġiel u nisa ta’ paċi u bennejja tal-paċi.  Kien għal dan li Ġesù twieled f’Betlehem u miet fuq is-salib; biex jeħlisna mid-dnub.  Hu s-Salvatur.  Bil-grazzja tiegħu nistgħu u hu dmirna nagħmlu l-parti tagħna biex nirrifjutaw il-mibegħda, il-vjolenza, il-kontrappożizzjonijiet u nkunu bnedmin ta’ djalogu, ta’ paċi u ta’ rikonċiljazzjoni.

F’dal-jum ta’ festa nixtieq nibgħat tislima ħerqana u paterna lill-insara kollha, b’mod speċjali lil dawk li jgħixu fil-Lvant Nofsani, li ridt niltaqa’ magħhom ftit ilu fl-ewwel vjaġġ appostoliku tiegħi.  Smajt il-biżgħat tagħhom u nagħraf sew is-sentiment ta’ impotenza quddiem id-dinamika tal-poter li jgħakkishom.  It-tarbija li llum titwieled f’Betlem hi l-istess Ġesù li jgħid: “Dawn il-ħwejjeġ għedthomlkom ħalli bija jkollkom is-sliem. Fid-dinja tbatu jkollkom. Iżda agħmlu l-qalb: jiena rbaħt id-dinja!” (Ġw 16,33).

Minnu ninvokaw il-ġustizzja, il-paċi, l-istabbiltà fil-Libanu, fil-Palestina, f’Iżrael, fis-Sirja, b’fiduċja sħiħa f’dal-kliem divin: “Is-sliem ikun frott il-ġustizzja, u l-ħidma tal-ġustizzja tkun serħan u tama għal dejjem” ( 32.17).  Lill-Prinċep tal-Paċi nerħulu f’idejh il-kontinent ewropew kollu, nitolbuh ikompli jispira fih sentimenti ta’ spirtu komunitarju u kollaborattiv b’fedeltà lejn l-għeruq insara u l-istorja tiegħu, solidali u akkoljenti ma’ min jinsab fil-bżonn. Nitolbu b’mod partikolari għall-poplu mifluġ tal-Ukrajna: waqqfu d-damdim tal-armi u mwieżna mill-impenn tal-komunità internazzjonali, jalla l-partijiet fil-kunflitt isibu l-kuraġġ li jiddjalogaw b’mod sinċier, dirett u rispettuż.

Mit-Tarbija ta’ Betlehem nimploraw paċi u faraġ għall-vittmi tal-gwerer kollha li hawn bħalissa fid-dinja, speċjalment dawk minsijin; u għal kull min qed isfori minħabba l-inġustizzji, l-instabbiltà politika, il-persekuzzjoni reliġjuża u t-terroriżmu.  Insemmi b’mod partikolari lil ħutna fis-Sudan, fis-Sudan t’Isfel, fil-Mali, fil-Burkina Faso u fir-Repubblika Demokratika tal-Congo.

F’dawn l-aħħar jiem tal-Ġublew tat-Tama, nitolbu lil Alla magħmul bniedem għall-għażiża popolazzjoni ta’ Haiti sabiex tieqaf kull xorta ta’ vjolenza fil-pajjiż u titkompla t-triq tal-paċi u r-rikonċiljazzjoni.

Jalla t-Tarbija Ġesù tkun dawl għal dawk kollha li fl-Amerika Latina għandhom responsabbiltajiet politiċi sabiex quddiem il-bosta sfidi li jiffaċċjaw ikunu miftuħin għad-djalogu biex ikun fejda għall-ġid komuni, u mhux ilsiera tal-għeluq ideoloġiku u parzjali.

Lill-Prinċep tal-Paċi nitolbuh idawwl lill-Myanmar bid-dawl ta’ ġejjieni ta’ rikonċiljazzjoni: inissel mill-ġdid it-tama fil-ġenerazzjonijiet żgħażagħ, imexxi l-poplu birman kollu f’toroq ta’ paċi u jakkumpanja li min jgħix bla saqaf, bla sigurtà u bla fiduċja fl-għada.

Nitolbuh ukoll jirrestawra l-ħbiberija antika bejn it-Tajlandja u l-Cambogia sabiex il-partijiet fil-kunflitt ikomplu jimpenjaw ruħhom għar-rikonċiljazzjoni u l-paċi.

Inħallu f’idejh ukoll lil bosta popolazzjonijiet sħaħ tal-Asja t’Isfel u tal-Oċeanja, li dan l-aħħar intlaqtu minn diżastri naturali qerrieda.  Quddiem dawn il-provi nistieden lil kulħadd biex iġedded b’konvinzjoni l-impenn komuni ħalli jgħin lil min hu batut.

Għeżież ħuti,

fid-dalma tal-lejl, “ġie fid-dinja dak id-dawl veru, li jdawwal kull bniedem” (Ġw 1,9), imma li “niesu ma laqgħuhx” (Ġw 1,11). Ma nħallux tirkibna l-indifferenza lejn il-batut, għax Alla mhuwiex indifferenti għall-miżerji tagħna.

Meta sar bniedem, Ġesù refa’ fuqu d-dgħufija kollha tagħna, twaħħad ma’ kull wieħed u waħda minna: ma min ma baqgħalu xejn jew min tilef kollox bħalma huma l-abitanti ta’ Gaża; ma’ min mgħakkes mill-ġuħ u l-faqar bħall-poplu tal-Yemen; ma’ min maħrub minn artu biex ifittex futur ximkien ieħor, bħall-bosta rifuġjati u migranti li jaqsmu l-Mediterran jew jiġru minn pajjiż għal ieħor fil-kontinent amerikan; ma’ min tilef ix-xogħol u ma’ min qed ifittxu, bħalma huma l-bosta żgħażagħ li hi ibsa għalihom isibu impieg; ma’ min hu sfruttat bħall-bosta ħaddiema mħallsin ħażin; ma’ min jinsab fil-ħabs u spiss jgħix f’kundizzjonijiet diżumani.

Jalla fil-qalb t’Alla tasal l-invokazzjoni tal-paċi li titla’ minn kull art, kif jikteb poeta:

“Mhux il-paċi tal-waqfien mill-ġlied,

lanqas it-tixbiha tal-lupu u l-ħaruf,

imma pjuttost

Bħall-qalb li meta jintemm l-eċċitament

U jibqa’ biss għejja kbira.

(…)

Jalla tiġi f’daqqa

Bħall-fjuri salvaġġi

Għax l-għalqa teħtieġhom: paċi spontanja” (1).

F’dal-jum qaddis, niftħu qlubna għal ħutna fil-bżonn u mnikktin.  B’hekk inkunu qed niftħuhom għall-Ġesù Bambin li b’dirgħajh miftuħin jilqagħna u jiftħilna d-divinità tiegħu: “Lil dawk li laqgħuh tahom is-setgħa li jsiru wlied Alla” (Ġw 1,12).

Minn hawn u ftit jiem oħra tintemm is-Sena tal-Ġublew.  Il-Bibien Imqaddsa jingħalqu, iżda Kristu, it-tama tagħna, jibqa’ dejjem magħna.  Hu l-bieb dejjem miftuħ, li jdaħħalna fil-ħajja divina.  Hu l-aħbar it-tajba ta’ dal-jum: it-Tfajjel li twieled hu Alla magħmul bniedem; Hu ma jiġix biex jikkundanna, iżda biex isalva; id-dehra tiegħu mhix waħda li tgħaddi bħal żiffa riħ, Hu jiġi biex jibqa’ u biex jagħti lilu nnifsu.  FiH, kull ġerħa titfejjaq u kull qalb issib is-serħan u l-paċi.  “Il-Milied tal-Mulej hu l-Milied tal-paċi”.

Nawgura lil kulħadd Milied hieni u qaddis!


[1] Y. Amichai, “Wildpeace”, in The Poetry of Yehuda Amichai, Farrar, Straus and Giroux, 2015.

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading