Alla jsir bniedem bħalna u ikel għalina. Omelija tal-Isqof Anton Teuma

Il-Ħamis, 25 ta’ Diċembru 2025: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fis-Solennità tat-Twelid tal-Mulej. Bażilika ta’ San Ġorġ, Victoria.

Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma

Il-Vanġelu, l-aħbar it-tajba li għadha tgħodd għalina llum

Għadna kif smajna l-Vanġelu u fih hemm il-kelma vanġelu li tfisser ‘aħbar tajba’, ewangelizo (ara Lq 2:1-14). L-anġlu lir-ragħajja qalilhom: ‘Ġejt inwasslilkom aħbar tajba. Ġejt nevanġelizzakom. Ġejt nagħtikom aħbar ta’ ferħ’. Allura dalgħodu din l-Aħbar tajba, imsemmija darbtejn f’dan il-Vanġelu, irridu nħalluha tmiss il-qalb tagħna. Illum naħseb li għandna dritt, jekk mhux dmir, li noħorġu minn hawn ftit aktar kuntenti milli dħalna, biex ngħixu tassew il-Milied.

Għandna bżonn inkunu ferħanin jew le? Ejja nagħmlu din il-mistoqsija: Jien il-ferħ tiegħi fiex insibu, jekk insibu? Jew forsi qtajt qalbi li nkun ferħan, li xi darba nkun fil-paċi miegħi nnifsi, kuntent miegħi nnifsi u mad-dinja ta’ madwari? Hija possibbiltà jew inkella hija utopija, xi ħaġa li ma nistgħux nilħqu? Jekk inhu hekk, il-Vanġelu tal-lum huwa illużjoni, ħolma li tgħodd biss jew għat-tfal, jew għal dawk ta’ moħħom ħafif, jew għal dawk li jafu tant jgħixu fil-problemi u d-diffikultajiet li jiġu jaqgħu u jqumu minn dak kollu li jiġri.

Imma l-Vanġelu hu miktub għalija, għalina, għan-nies normali, komuni, għalina li qegħdin hawn dalgħodu. Anzi, il-Vanġelu tal-lum jerġa’ jgħidilna xi ħaġa oħra importanti li ma nistgħux inħalluha taħarbilna: ‘Illum ġejt inwasslilkom din l-aħbar sabiħa. Illum fil-Belt ta’ David tweldilkom Salvatur’. Illum, mela mhux elfejn sena ilu… u San Luqa joqgħod attent li din il-kelma jużaha b’tali mod illi aħna, li qegħdin nisimgħu l-Vanġelu elfejn sena wara, inħossu li din l-Aħbar tajba tgħodd għalina llum.

Qed infittxu ferħ li mhux etern

Kif nippruvaw aħna nsibu l-kuntentizza u l-ferħ tagħna? Naħseb li kulħadd għandu l-mod tiegħu. Forsi xi ħadd minna jkun kuntent meta jara lil uliedu mexjin ’il quddiem u jirrealizzaw ruħhom fil-pjanijiet, fil-familja, fil-professjoni tagħhom, u narawhom jissetiljaw. Dak huwa mod ta’ kif inkunu kuntenti. Imma hemm oħrajn ukoll illi din il-kuntentizza ma rnexxilhomx jiksbuha. Forsi stennew ħwejjeġ, proġetti u pjanijiet fuq uliedhom illi ma seħħux, ma rnexxewx. Allura dawn forsi jfittxu l-ferħ tagħhom xi mkien ieħor: forsi fis-suċċess, fl-iżvilupp professjonali personali, fil-karriera, fl-irwol soċjali, fil-proprjetà, jew forsi f’kemm għandna kontijiet jew investimenti l-bank. Kull wieħed u waħda minna jsib il-mod tiegħu kif jipprova jkun ferħan; u għandna dritt. Imma intom ma taħsbux bħali li dawn it-toroq kollha li aħna ilna nippruvaw matul ħajjitna ma jwasslux għall-veru ferħ imma għall-pjaċir illi jgħaddi wara ftit, għal sodisfazzjon li mhux etern, li ma jdumx fit-tul?

It-triq sempliċi tal-ferħ li jipproponi l-Vanġelu

Mela għandna bżonnu tal-anġlu llum, “Ġejt inwasslilkom aħbar ta’ ferħ kbir”? L-anġlu jgħid li “jkun għall-poplu kollu”. Ħadd mhu eskluż. Mhux biss għal-Lhud, jew għal dawk li jemmnu f’Ġesù, imma dan il-ferħ tal-Vanġelu saħansitra jippretendi li jasal għand kull bniedem, anki min ma jemminx f’Ġesù. Kif? Qed joħlom il-Vanġelu? Le. Liema hi t-triq tal-ferħ li jipproponi l-Vanġelu tal-lum, li l-anġlu ppropona lir-ragħajja? Hija triq sempliċi, u allura mhix tajba għalina għax aħna jogħġbuna l-affarijiet ikkumplikati. Aktar ma jkunu kkumplikati u straordinarji, aktar nikluhom. Ħalli mbagħad nitħabblu u nitfixklu ġo fihom. Imma dak li hu sempliċi, ma jattiraniex, ma jiġbidniex. U għalhekk għandna bżonn l-umiltà tar-ragħajja dalgħodu biex naċċettaw dak li hu sempliċi. Għandna bżonn din is-sempliċità ta’ min ma jafx u ma joqgħodx iħabbel u jħaddem ħafna rasu.

Għandna bżonn l-aċċettazzjoni li kellhom ir-ragħajja ta’ dik l-aħbar sabiħa tal-anġlu li qalilhom: “Tweldilkom Salvatur, li hu Kristu l-Mulej”. Fi kliem aktar sempliċi, l-anġlu qalilhom: ‘Alla li jista’ kollox, Alla l-Imbierek li ħalaq id-dinja u kulma fiha, sar wieħed bħalkom, wieħed minnkom’. Il-fraġilità, il-mard, id-dwejjaq, il-preokkupazzjoni tal-bniedem, mhux talli ma begħduhx minna, imma Alla daħal f’din il-fraġilità. Alla din id-dgħufija għamilha tiegħu, iżżewwiġha u saret parti minnu, u hu sar parti minnha.

Alla twaħħad mal-umanità fraġli tagħna

X’ferħ hemm f’dan kollu? Ejja nibdew nifhmu ftit. Kif inħarsu aħna lejn id-dgħufijiet u l-mard, tagħna? Kif inħarsu lejn l-umanità tagħna? Ħafna drabi nħarsu lejna nfusna bl-ikrah. Insibuha bi tqila biex naċċettaw id-dgħufijiet tal-persuna tagħna, tal-familja tagħna, tar-relazzjonijiet ta’ bejnietna, u nħossuhom bħala falliment tal-ħajja. U nkabbru u nżidu l-inkwiet, l-istress u t-toqol tal-ħajja tagħna ma’ dak li diġà jkollna. Illum l-anġlu qiegħed jgħidilna li dak li hu u jista’ kollox, sar bniedem fraġli bħalna. Dak mhux qed jiddejjaq bid-dgħufijiet, bil-mard, bl-inkwiet, bl-istress li jkollu l-bniedem, anzi ħadu kollu fuqu. Kemm tagħmlilna kuraġġ din l-ewwel verità li toħroġ minn dan il-Vanġelu, din l-aħbar tajba! Allura m’hemm xejn fl-istorja tiegħi, fil-familja tiegħi, fir-relazzjonijiet tiegħi illi mhux suppost li jkunu hemm, li mhux f’postu. Għax Alla l-Imbierek ħaddan dan kollu, twaħħad mal-umanità u l-fraġilità tiegħi.

Kristu l-Mulej jagħtina d-dawl fid-dlam

U jkompli l-anġlu: ‘Dan is-Salvatur hu Kristu l-Mulej, dak li lilkom ser jagħtikom id-dawl fid-dlam’. Aħna, matul il-lejl li għadda, f’nofsillejl, iċċelebrajna dan id-dawl li jiġi mis-Sema, it-twelid ta’ Ġesù, kif jgħid b’mod sabiħ ħafna l-Ktieb tal-Għerf: ‘Meta d-dlam kien igeżwer il-ħwejjeġ kollha tad-dinja, derhet il-kelma f’nofs ta’ lejl, deher id-dawl f’nofs il-lejl’ (ara 18:14-16), biex jurina l-pass li jmiss. U hawn hi raġuni oħra tal-ferħ tagħna. Li kieku ma kienx dan id-dawl, li kieku l-anġlu ma taniex l-aħbar li tweldilna Salvatur, Kristu li hu l-Mulej, aħna konna nibqgħu fid-dlam, aħna ma konniex nafu x’jiġifieri l-ħajja tal-bniedem, xi tfisser l-esperjenza tas-solitudni li tbeżżagħna, l-esperjenza kerha tal-mewt. Kieku aħna ma nafux mnejn ġejjin u fejn sejrin, lanqas inkunu nafu fejn qegħdin, mingħajr l-ebda tip ta’ triq jew ta’ mappa li tista’ tiggwidana.

Dan hu d-dawl li jiġi f’dan il-lejl, is-sens li jagħtina Ġesù permezz tat-twelid tiegħu. Saħansitra jagħti sinifikat mhux biss lill-mard, lis-solitudni, lid-dwejjaq, imma wkoll lill-mewt. Fl-aħħar mill-aħħar l-inkwiet u t-tbatijiet mhumiex għajr l-anticamera, il-kamra ta’ qabel il-mewt. Il-mewt m’għandhiex l-aħħar kelma. Alla li jsir bniedem, l-etern li jidħol fil-finit, fil-limitat, ibiddel dak li hu limitat, li jispiċċa f’realtà eterna. Ibiddel lill-bniedem fih innifsu. Alla jsir bniedem bħalna biex dak kollu li hu tagħna l-bnedmin isir tiegħu. Huwa jsir bniedem biex aħna nirrikonċiljaw ruħna mhux biss miegħu, imma wkoll magħna nfusna u mal-oħrajn.

Fl-Ewkaristija jsir ikel għalina

Ejjew inkomplu din il-quddiesa, kollha kemm aħna mimlijin bil-ferħ illi dan li għadna kif smajna mhux idea jew teorija, imma qiegħed iseħħ f’din il-quddiesa. M’għandniex tarbija tad-demm u l-laħam kif twieldet elfejn sena ilu, imma għandna xi ħaġa aktar sempliċi, fraġli, dgħajfa: għandna l-Ewkaristija, biċċa ħobż. Għandna bżonn l-għajnejn sempliċi tar-ragħajja biex naraw li din il-biċċa ħobż hija l-ikel tal-ħajja ta’ dejjem, is-sostenn, is-sapport fil-mixja tagħna, garanzija li int – tgħaddi minn xiex tgħaddi, għandek kemm għandek inkwiet, problemi, dipressjoni – int m’intix waħdek, għax Alla huwa miegħek, tant li sar ikel għalik.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading