Messaġġ tal-Papa Ljun XIV waqt l-Angelus fit-Tieni Ħadd ta’ żmien il-Milied

IL-PAPA LJUN XIV
ANGELUS
Pjazza San Pietru
It-Tieni Ħadd ta’ żmien il-Milied

4 ta’Jannar, 2026

Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb!

F’dan it-tieni Ħadd wara l-Milied tal-Mulej, nixtieq l-ewwelnett intenni l-awguri tiegħi lilkom ilkoll.  Pitgħada, bl-għeluq tal-Bieb Imqaddes tal-Bażilika ta’ San Pietru, intemm il-Ġublew tat-tama, u propju l-Misteru tal-Milied li qed ngħixu bħalissa jfakkarna li s-sies tat-tama tagħna hu l-Inkarnazzjoni ta’ Alla.  Il-Prologu ta’ Ġwanni, li l-Liturġija tal-lum ittihulna mill-ġdid, ifakkarna li: L-Verb sar bniedem u għammar fostna” (Ġw 1,14).  Infatti, it-tama nisranija ma tistrieħx fuq xi  previżjoni ottimistika jew fuq kalkoli umani, imma fuq l-għażla ta’ Alla li jagħmel il-mixja magħna ħalli qatt ma nkunu waħedna tul il-toroq tal-ħajja.  Din hi l-opra t’Alla: f’Ġesù, Hu sar wieħed minna, għażel li jibqa’ magħna, ried ikun dejjem l-Alla-magħna.

Il-miġja ta’ Ġesù fil-faqar tal-ġisem uman, jekk min-naħa tkebbes fina t-tama, mill-oħra tgħabbina b’impenn doppju: wieħed lejn Alla u l-ieħor lejn il-bniedem.

Lejn Alla għaliex meta libes il-ġisem tagħna, għażel il-fraġilità umana tagħna bħala daru.  Għalhekk dejjem għandna sejħa li nżommu lil Alla f’moħħna ibda mil-laħam ta’ Ġesù, mhux minn xi duttrina astratta.  Għandna dejjem nivverifikaw, għaldaqstant, l-ispiritwalità tagħna u l-mod li bih nesprimu l-fidi tagħna, għaliex aħna verament inkarnati, bil-ħila li naħsbu, nitolbu u nħabbru lil dak Alla li jiġi jiltaqa’magħna f’Ġesù: mhux xi Alla mbiegħed li jgħammar f’xi sema perfett ‘il fuq minna, iżda Alla qrib li jgħammar fil-fraġilità ta’ artna, hu preżenti fil-wiċċ ta’ ħutna, hu preżenti u jidher fis-sitwazzjonijiet tal-ħajja ta’ kuljum,

L-impenn tagħna lejn il-bniedem għandu jkun dejjem koerenti.  Ladarba Alla sar wieħed minna, kull  kreatura umana hi rifless tiegħu, iġġor fiha x-xbieha tiegħu, fiha għandha xrara tad-dawl tiegħu; u din hi s-sejħa biex f’kull persuna aħna naraw id-dinjità invjolabblli u nitħarrġu fl-imħabba lejn xulxin.  Hekk, l-inkarnazzjoni titlob minna impenn konkret għall-promozzjoni tal-fraternità u tal-komunjoni, sabiex is-solidarjetà ssir il-kriterju tar-relazzjonijiet umani, tal-ġustizzja u l-paċi, għall-kura tal-aktar dgħajfa u d-difiża tal-aktar debboli.  Alla sar bniedem, għalhekk ma jeżisti ebda kult awtentiku ta’ Alla jekk nieqes mill-kura tal-laħam uman.

Ħuti, il-ferħ tal-Milied jinkoraġġina biex inkomplu l-mixja tagħna aħna u nitolbu lill-Verġni Marija tagħmilna dejjem aktar lesti biex inservu lil Alla u lill-proxxmu.

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti!

Nixtieq nesprimi l-qrubija tiegħi lejn min hu mnikket minħabba t-traġedja ta’ Crans-Montana fl-Isvizzera.  Niżgura t-talb tiegħi għaż-żgħażagħ li tilfu ħajjithom kif ukoll għall-feruti u għall-familjari tagħhom.

B’qalb mimlija tħassib qed insegwi l-iżviluppi tas-sitwazzjoni fil-Venezwela.  Il-ġid tal-maħbub poplu venezwelan għandu jieħu preċedenza fuq kull kunsiderazzjoni oħra u jwassal biex tingħeleb il-vjolenza u jinfetħu toroq ta’ ġustizzja u paċi li jkunu garanzija tas-sovranità tal-pajjiż, jassiguraw l-istat tad-dritt imnaqqax fil-Kostituzzjoni, b’rispett lejn id-drittijiet umani u ċivili ta’ kulħadd għal ħidma biex il-ġejjieni jkun seren u kollaborattiv, stabbli u ta’ qbil, b’attenzjoni speċjali lejn l-aktar foqra li qed ibatu minħabba s-sitwazzjoni ekonomika diffiċli.  Jien nitlob għal dan u nistedinkom titolbu waqt li nqiegħdu it-talb tagħna fl-interċessjoni tal-Madonna ta’ Coromoto u tal-Qaddisin José Gregorio Hernández u Suor Carmen Rendiles.

Insellem b’għożża lilkom ilkoll, rumani u pellegrini minn diversi pajjiżi, partikolarment dawk mis-Slovakkja u minn Zagabria, lill-ministranti tal-Katidral ta’ Għawdex, f’Malta, u l-komunità tas-Seminarju djoċesan ta’ Fréjus-Toulon, fi Franza.

Insellem lill-grupp tal-Oratorju ta’ Pugliano in Ercolano, lill-familji u l-operaturi pastorali minn Postomia u Porcellengo, lill-fidili minn Sant’Antonio Abate, Torano Nuovo u Collepasso; kif ukoll lill-għalliema tal-Istitut Rocco-Cinquegrana minn Sant’Arpino, l-iscouts mill-provinċja ta’ Modena u Roccella Jonica, lil dawk li se jagħmlu l-Konfermazzjoni minn Ula Tirso u Neoneli u lil dawk minn Trescore Balneario.

Għeżież, inkomplu nsaħħu l-fidi tagħna f’Alla tal-paċi: nitolbu u nkunu solidali mal-popolazzjonijiet li qed isofru minħabba l-gwerer.  Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb!

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading