Adorazzjoni – Magħmudija tal-Mulej (Sena A)

Mill-Missier, Iben waħdieni,

ġejt fid-dinja w sirt bin Xebba;

tnissil ġdid fil-fidi tajtna

bil-ħasil tal-magħmudija.

Missierna, Sliema, Glorja.

Mis-smewwiet inżilt, Verb t’Alla,

għammart fostna, bniedem bħalna;

bil-mewt tiegħek fdejt għamilek,

u bil-ħajja rġajt fawwartna.

          Missierna, Sliema, Glorja.

Nitolbuk, Feddej tal-ħniena,

ejja fina bi tjubitek;

imla qlubna b’dawl il-grazzja,

li tagħmilna nixbhu lilek.

          Missierna, Sliema, Glorja.

Ibqa’ magħna, Mulej Sidna,

keċċi d-dlam tal-lejl minn fuqna;

Int naddafna minn kull ħtija,

żommna sħaħ bil-qawwa tiegħek.

          Missierna, Sliema, Glorja.

Għarafniek illum, fid-dija

tal-Missier u tal-Ispirtu:

Ġesù Kristu, Inti l-Ħajja,

Int is-Sewwa; glorja lilek! Amen.

          Missierna, Sliema, Glorja.

Silenzju/background music      2 min          

Innu: ____________

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew                                   Mt 3,13-17

F’dak iż-żmien, Ġesù ġie mill-Galilija lejn il-Ġordan għand Ġwanni biex jitgħammed minnu. Imma Ġwanni ma ħalliehx, u qallu: “Jiena hu li jeħtieġ li nitgħammed minnek, u inti tiġi għandi?”. Ġesù qallu: “Inti għalissa ħallik minn dan, għax hekk jixraq nagħmlu, biex intemmu s-sewwa kollu”. Imbagħad Ġwanni ħallieh jitgħammed.

Ġesù, wara li tgħammed, minnufih tala’ mill-ilma; u ara, is-smewwiet infetħu, u ra l-Ispirtu ta’ Alla nieżel qisu ħamiema u ġej għal fuqu. U mis-smewwiet instama’ leħen jgħid: “Dan hu Ibni l-għażiż: fih sibt l-għaxqa tiegħi”.

Il-Kelma tal-Mulej

Inroddu ħajr lil Alla

Silenzju/ soft background music         1min

O Ġesù, qabel ma bdejt il-missjoni pubblika tiegħek, Inti mort il-Ġordan, fejn qaribek Ġwanni l-Battista kien qiegħed jgħammed. Dħalt fil-linja tal-midinbin, u ersaqt quddiemu biex titgħammed. Meta rak quddiemu biex tirċievi l-magħmudija tal-indiema, Ġwanni tħawwad. Żgur li f’qalbu qal: kif il-Ħaruf ta’ Alla, dak li se jneħħi d-dnubiet tad-dinja, ġie quddiemi biex jitgħammed?   (3 sekondi pawsa)

Int ma kellekx bżonn dik il-magħmudija, għax Int kont bla dnub. U għalhekk Ġwanni stqarr: “Jien hu li jeħtieġ li nitgħammed minnek, u mela inti tiġi għandi?” (2 sek pawsa)

Għaliex o Ġesù, Inti inżilt fl-ilma tal-Ġordan, fil-kju tal-midinbin?  (3 sekondi pawsa)

Għax fl-għerf divin tiegħek, Int għażilt li titgħammed, biex tqaddes l-ilmijiet, u tiftaħ il-bibien tal-grazzja għal dawk kollha li kienu se jimxu warajk. Permezz ta’ dak li għamilt, issa kull nisrani li jidħol fl-ilmijiet tal-magħmudija jiltaqa’ miegħek, u jieħu sehem fil-grazzja tiegħek.

U llum, jien u int, qegħdin ngħixu dik il-qdusija li rċivejna nhar il-Magħmudija?

Silenzju/ soft background music                 3 min

Dakinhar tal-magħmudija, aħna lkoll doqqna mill-imħabba tremenda tal-Missier għalina, li f’isem Ġesù, u bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, għamilna kollna kemm aħna tiegħu. Il-magħmudija, kienet il-bidu tal-esperjenza tagħna tal-imħabba ta’ Alla f’ħajjitna, li din tkompli tul il-pellegrinaġġ kollu kemm hu tal-ħajja tagħna fuq din l-art. Il-magħmudija tagħna tixprunana, biex pass wara l-ieħor, ġrajja wara l-oħra: kemm ġrajjiet sbieħ u anke dawk inqas sbieħ, nibqgħu qalbna miftuħa, biex induqu, niggustaw, u nikkontemplaw l-imħabba ta’ Alla għalina.          (3 sekondi pawsa)

Ejjew f’dan il-mument nitolbu l-grazzja, biex aħna wkoll niggustaw kemm Alla jħobbna; niggustaw id-dinjità għolja tagħna bħala wlied maħbuba ta’ Alla. U ejjew nisimgħuh jgħidilna: Int ibni l-għażiż, int binti l-għażiża: fik sibt il-għaxqa tiegħi.

Silenzju/ soft background music                 3 min

Kant: ________________

Talbiet tal-Komunitá

Il-Mulej Ġesù, l-feddej tagħna, ried jitgħammed fil-Ġordan minn Ġwanni l-Battista biex itemm is-sewwa kollu. Nitolbuh u ngħidulu:

Mulej, ibagħat fina l-ispirtu qaddis tiegħek

Mulej Ġesù, Inti l-qaddej ta’ Alla li għoġobt lill-Missier, u fik sab il-għaxqa tiegħu: agħmel li l-Knisja tiegħek tkun mimlija bl-ispirtu qaddis tiegħek. Ngħidu flimkien.

Mulej Ġesù, l-Missier sejjaħlek u għamlek dawl għall-ġnus kollha tal-art: ħenn għall-bnedmin kollha li b’rieda tajba qegħdin ifittxu l-verità tiegħek. Ngħidu flimkien.

Mulej Ġesù, Inti s-salvatur tad-dinja, kkonsagrat mill-Ispirtu s-Santu bħala ministru tas-salvazzjoni: ressaq lejk il-bnedmin kollha, ħa jarawk u jemmnu fik, ħa jkollhom il-ħajja ta’ dejjem. Ngħidu flimkien.

Mulej Ġesù, fil-magħmudija tagħna, Int għamiltna ulied adottivi tal-Missier u ħutek: kun magħna dejjem biex qatt ma nitilfu din id-dinjità li ksibna fil-Magħmudija tagħna. Ngħidu flimkien.

Mulej Ġesù, Int qaddist il-ħlejjaq tiegħek bil-magħmudija, u ftaħt il-bieb lill-bnedmin biex iduru lejk u jitgħammdu: agħmilna ministri tal-Evanġelju tiegħek fid-dinja. Ngħidu flimkien.    

Ejjew issa nagħmlu t-talba personali tagħna.

Tingħata l-Barka Sagramentali:

Kant: Dal Misteru

2 thoughts on “Adorazzjoni – Magħmudija tal-Mulej (Sena A)”

  1. Haga sabiha u mportanti li ghamlet xi ftit taz-zmien nieqsa.Issa qed nergghu insibuha.Grazzi hafna u prosit lil min jaghmilha b’imhabba u dedikazzjoni.

  2. Grazzi ,hekk inkunu nistgħu nużaw il-ħsibijiet waqt l-adorazzjoni il-Ħamis

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading