L-Erbgħa, 29 ta’ Lulju 2026: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fil-Quddiesa tad-Dedikazzjoni Patrunali tal-Knisja tal-Forzi Armati ta’ Malta lill-Beatu Nazju Falzon. Kwartieri Ġenerali tal-Forzi Armati, Luqa.
Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi
Illum qed ngħixu mument ta’ grazzja u ta’ tifkira li se jibqa’ mnaqqax fl-istorja tal-Forzi Armati ta’ Malta. Din il-knisja, li għal snin laqgħet fit-talb lill-membri tal-Forzi Armati, illum tirċievi uffiċjalment it-titlu tagħha u tiġi mqiegħda taħt il-patroċinju tal-Beatu Nazju Falzon.
Fil-ħajja tal-Knisja, it-titlu ta’ knisja mhuwiex sempliċi isem. Huwa att ekkleżjali u spiritwali. Minn dan il-jum ‘il quddiem, din il-knisja se tkun magħrufa bħala l-Knisja tal-Beatu Nazju Falzon. Kull darba li hawnhekk tiġi ċċelebrata l-Ewkaristija, kull darba li xi ħadd jidħol biex jitlob fis-skiet, il-komunità tkun qed tagħmel dan taħt il-ħarsien u l-interċessjoni ta’ dan il-beatu Malti.
Il-patrun ma jagħtix biss ismu; jagħti eżempju ta’ ħajja, direzzjoni spiritwali u stedina kontinwa għall-qdusija.
Għaliex Nazju Falzon?
Xi ħadd jista’ jistaqsi: għaliex il-Beatu Nazju Falzon hu l-patrun ta’ din il-knisja tal-Forzi Armati f’Malta? Huwa ma kienx suldat. Qatt ma ġarr arma. Qatt ma mexxa battalja.
Imma kien bniedem li fehem li hemm battalja aktar profonda minn kull konflitt militari: il-ġlieda biex il-bniedem jibqa’ fidil lejn Alla u lejn il-kuxjenza tiegħu.
F’nofs is-seklu dsatax, Malta kienet bażi strateġika ewlenija tal-Imperu Brittaniku. Eluf ta’ suldati u baħħara kienu jgħaddu jew joqogħdu għal żmien twil fuq din il-gżira. Ħafna kienu ‘l bogħod minn arthom, mill-familji tagħhom u mill-komunitajiet tagħhom.
Nazju Falzon lemaħ din il-ħtieġa pastorali. Bil-ħlewwa u l-għerf tiegħu, fetaħ qalbu għal dawn l-irġiel, u beda djalogu magħhom Għallimhom il-fidi, għenhom fil-formazzjoni Nisranija, ippreparahom għas-Sagramenti, akkumpanjahom spiritwalment u kien għalihom missier, għalliem u ħabib.
Kien jaf jitkellem magħhom bil-lingwa tagħhom. Imma aktar minn hekk, kien jaf jitkellem bil-lingwa universali tal-imħabba li ġejja mill-qalb. Huwa ma ra qatt l-uniformi qabel ma ra l-persuna. Ma ra qatt in-nazzjonalità qabel ma ra iben jew bint Alla.
Servizz li jsawwar il-paċi
Din hija r-raġuni għaliex il-Beatu Nazju huwa tant adattat biex ikun il-patrun tagħkom. Il-missjoni tal-Forzi Armati ta’ Malta mhijiex li tfittex il-gwerra iżda li tħares il-paċi. Hija missjoni ta’ għassa, ta’ salvataġġ, ta’ protezzjoni tal-ħajja umana, ta’ għajnuna f’emerġenzi nazzjonali, ta’ servizz lill-pajjiż u lis-soċjetà.
B’mod speċjali għal Malta, nafu kemm il-membri tal-Forzi Armati huma ta’ spiss l-ewwel li jwieġbu għal sejħiet ta’ salvataġġ fuq il-baħar, għal operazzjonijiet umanitarji u għal sitwazzjonijiet ta’ emerġenza.
Il-Kelma ta’ Alla tfakkarna li kull servizz jikseb il-milja tiegħu meta jkun immexxi mill-imħabba. L-uniformi tagħti awtorità, imma hija l-integrità li tagħti kredibbiltà. Id-dixxiplina tagħti ordni, imma hija l-imħabba li tagħti wiċċ uman lis-servizz.
Il-qdusija fil-ħajja ta’ kuljum
Il-Beatu Nazju qatt ma fittex il-fama. Kellu intelliġenza straordinarja. Seta’ għamel karriera brillanti. Minflok għażel it-triq tas-sempliċità. Qaddes il-ħajja ordinarja. Kien jaf li Alla jagħmel affarijiet kbar permezz ta’ dawk li jagħmlu l-affarijiet żgħar b’imħabba kbira.
Din hija lezzjoni importanti wkoll għall-ħajja militari. Mhux kull ġurnata tkun waħda ta’ avvenimenti straordinarji. Ħafna drabi l-fedeltà tidher fil-qadi ta’ kuljum: fid-dover magħmul tajjeb u bir-reqqa, fil-lealtà lejn il-kollegi, fir-rispett lejn il-persuna, fl-onestà meta ħadd ma jkun qed jara. Hekk jinbena l-karattru. Hekk jinbena nazzjon.
Dar spiritwali tal-Forzi Armati
Mil-lum ‘il quddiem din il-knisja għandha ssir dejjem aktar dar spiritwali – dar fejn wieħed jiltaqa’ ma’ Alla. Dar fejn wieħed jista’ jiġi jirringrazzja, fejn wieħed jista’ jiġi jiftaħ qalbu, fejn wieħed jista’ jiġi jitlob qabel missjoni diffiċli. Dar fejn wieħed jista’ jiġi jfakkar lil dawk li taw ħajjithom fis-servizz ta’ pajjiżna. Dar fejn wieħed isib it-tweġiba għat-talba li jagħmlu d-dixxipli ta’ Għemmaws, kif smajna fl-Evanġelju: “Ibqa’ magħna” (Lq 24:29).
Nistieden li kull membru tal-Forzi Armati biex iħoss li għandu postu jew għandha postha f’din il-knisja. Li din tkun oasi ta’ paċi f’nofs ir-responsabbiltajiet, li hawnhekk kulħadd isib lil Ġesù, il-Prinċep tal-Paċi.
Il-wirt tal-Beatu Nazju
Hu interessanti li Nazju Falzon qatt ma telaq minn Malta. Madankollu, permezz tas-suldati u l-baħħara li akkumpanja, il-fidi li għallem u x-xhieda li ta waslu f’ħafna pajjiżi tad-dinja. Ħafna suldati għamlu l-esperjenza li jsemmi San Pawl fl-Ittra lir-Rumani: “Il-fidi tiġi mis-smigħ, u s-smigħ tax-xandir tal-kelma ta’ Kristu” (Rm 10:17).
Nazju kien evanġelizzatur mingħajr ma vvjaġġa. Il-ħidma tiegħu kompliet permezz ta’ dawk li ltaqgħu miegħu. Hawnhekk naraw messaġġ sabiħ ukoll għall-Forzi Armati. Intom ukoll, permezz tas-servizz tagħkom, tiltaqgħu ma’ nies ta’ kull tip, nies minn kulturi differenti. Kull laqgħa tista’ tkun xhieda ta’ rispett. Kull deċiżjoni tista’ tkun xhieda ta’ ġustizzja. Kull kelma tista’ tkun xhieda tal-valuri li fuqhom hija mibnija Malta.
Mudell
Illum, permezz ta’ din iċ-ċelebrazzjoni, m’aħniex qed nagħtu biss isem uffiċċjali lill-knisja. Qed nagħtu mudell ta’ ħajja lill-komunità. Qed ngħidu lill-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri tal-Forzi Armati: ħarsu lejn il-Beatu Nazju Falzon.
Tgħallmu minnu kif tgħixu b’umiltà, kif taqdu mingħajr ma tfittxu tifħir, kif tibqgħu qrib Alla waqt li taqdu lill-pajjiż.
Nitolbu lill-Beatu Nazju Falzon: ħares lil kull membru tal-Forzi Armati ta’ Malta, lill-familji tagħhom, lil dawk li llum jinsabu f’missjonijiet jew f’servizz kemm Malta kif ukoll barra minn Malta, lil dawk li rtiraw wara snin twal ta’ dedikazzjoni, u lil dawk li tilfu ħajjithom waqt li qed jagħtu servizz lill-pajjiż.
Jalla din il-knisja tibqa’ dejjem post fejn il-fidi ssaħħaħ is-servizz, fejn it-talb isaħħaħ il-kuraġġ, u fejn Kristu, il-Prinċep tal-Paċi, ikun dejjem fiċ-ċentru. Beatu Nazju Falzon, patrun tal-Knisja tal-Forzi Armati ta’ Malta, itlob għalina.
Joseph Galea Curmi
Isqof Awżiljarju